Kellu Rasu Iebsa Imma fl-Aħħar Obda
Għallem lil Uliedek
QATT webbist rasek u ma ridtx tobdi?— a Forsi rajt xi programm fuq it-televixin li ommok jew missierek qalulek biex ma tarahx. Iktar tard għandu mnejn ħsibt dwar dan u ddispjaċiek li ma obdejtx. Bniedem li għall-ewwel ma riedx jobdi kien jismu Nagħman. Ejja naraw kif ġie megħjun biex ma jibqax rasu iebsa.
Immaġina li qed ngħixu iktar minn 3,000 sena ilu. Nagħman hu kmandant militari Sirjan importanti. Hu mdorri jgħid lis-suldati tiegħu x’għandhom jagħmlu u huma jobduh. Imma Nagħman jimrad b’marda kiefra fil-ġilda li tissejjaħ ġdiem. Tagħmlu jidher ikrah u aktarx tikkaġunalu ħafna wġigħ ukoll.
Mart Nagħman għandha tifla qaddejja minn Iżrael. Darba minnhom it-tifla tgħid lil sidtha dwar raġel jismu Eliżew minn pajjiżha. Hi tgħid li hu jistaʼ jfejjaq lil Nagħman. Meta Nagħman jismaʼ dwar dan, hu mill-ewwel ikun irid imur għand Eliżew. Jieħu ħafna rigali miegħu u jivvjaġġa lejn Iżrael mas-suldati tiegħu. Hu jmur għand is-sultan taʼ Iżrael biex jgħidlu għalfejn kien mar hemm.
Eliżew jismaʼ dwar dan u jibgħat messaġġ lis-sultan biex jibgħat lil Nagħman għandu. Meta Nagħman jasal id-dar taʼ Eliżew, Eliżew sempliċement jibgħat messaġġier biex jgħid lil Nagħman li għandu jinħasel sebaʼ darbiet fix-Xmara Ġordan. Eliżew jgħid li
jekk Nagħman jagħmel dan ifiq. Kif taħseb li jħossu Nagħman dwar dan?—Hu jħossu rrabjat. Għalhekk iwebbes rasu u ma jkunx irid jobdi lill-profeta t’Alla. Hu jgħid lis-suldati tiegħu: ‘Hemm xmajjar aħjar fejn ninħasel f’pajjiżna.’ Nagħman qabad u telaq. Imma taf x’jistaqsuh is-suldati tiegħu?— ‘Li kieku l-profeta qallek biex tagħmel xi ħaġa diffiċli, ma kontx tagħmilha? Allura għala ma tobdix ladarba qallek biex tagħmel xi ħaġa tant sempliċi?ʼ
Nagħman jismaʼ minn dak li jgħidulu s-suldati tiegħu. Sitt darbiet jinżel u jogħdos fix-xmara u jerġaʼ jitlaʼ. Malli jitlaʼ s-sebaʼ darba, Nagħman jibqaʼ skantat—il-marda fil-ġilda tiegħu tisparixxi! Jgħaddilu! Minnufih jivvjaġġa lura lejn id-dar taʼ Eliżew xi 48 kilometru ’l bogħod biex jirringrazzjah. Hu jrid jagħti rigali li jiswew il-flus lil Eliżew, imma l-profeta mhu se jaċċetta xejn.
Għalhekk Nagħman jitlob xi ħaġa lil Eliżew. Taf xiex?— ‘Ħallini nieħu tagħbija taʼ żewġ bgħula ħamrija lura pajjiżi.’ Taf għala jrid jagħmel dan?— Nagħman jgħid li hu jrid jagħmel offerti taʼ sagrifiċċju lil Alla fuq ħamrija mill-art tal-poplu t’Alla, Iżrael. Imbagħad Nagħman iwiegħed li qatt iktar mhu se jqim lil xi alla ieħor ħlief lil Ġeħova! Hu m’għadux rasu iebsa imma lest li jobdi lill-Alla l-veru.
Tistaʼ tara kif tistaʼ tkun bħal Nagħman?— Jekk inti rasek iebsa bħalma kien hu, tistaʼ tinbidel. Tistaʼ taċċetta l-għajnuna u ma tkunx iktar rasek iebsa.
Aqra mill-Bibbja tiegħek
[Nota ta’ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.