Xjentifikament Eżatta
“Mhux diġà ktibtlek jien sabiex nagħtik pariri u għarfien, biex nurik kemm hu minnu dan il-kliem veru, ħalli tkun tistaʼ tieħu lura kliem taʼ verità lil dak li qed jibagħtek?”—PROVERBJI 22:20, 21.
IL-BIBBJA KIF INHI DIFFERENTI? Kotba antiki spiss jinkludu ideat perikolużi u li mhumiex taʼ min joqgħod fuqhom u li ġie provat mix-xjenza moderna li huma totalment foloz. Anki llum, l-awturi jkollhom jaġġornaw il-kotba biex jiġu fi qbil maʼ skoperti ġodda. Imma l-Bibbja tistqarr li l-awtur tagħha kien il-Ħallieq u li Kelmtu “tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:25.
EŻEMPJU: Il-Liġi Mosajka kienet tikkmanda lill-Iżraelin biex jipporgaw f’ħofra u jgħattu ħmieġhom “barra mill-kamp.” (Dewteronomju 23:12, 13) Jekk kienu jmissu annimal jew bniedem mejjet, l-Iżraelin kien ikollhom jinħaslu bl-ilma. (Levitiku 11:27, 28; Numri 19:14-16) Dak iż-żmien, dawk li kienu morda bil-ġdiem kienu jitqiegħdu fi kwarantina sakemm isir eżami fiżiku li jikkonferma li l-mard tagħhom ma kienx ikun għadu jittieħed.—Levitiku 13:1-8.
X’TURI L-MEDIĊINA MODERNA: Ir-rimi tal-ipporgar u l-ħasil tal-idejn kif suppost u l-kwarantina jibqgħu modi effettivi kif wieħed jiġġieled kontra l-mard. Jekk fil-viċin ma jkunx hemm latrini jew sistemi oħrajn taʼ sanità, iċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-Istati Uniti (CDC) jirrikkmandaw: “Ipporga minn tal-inqas 30 metru ’l bogħod minn kwalunkwe sors taʼ ilma u mbagħad ordom ħmieġek.” Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta l-komunitajiet jarmu l-ipporgar tagħhom b’mod xieraq, inaqqsu l-mard tad-dijarea b’36 fil-mija. Inqas minn 200 sena ilu, it-tobba skoprew li kienu qed jinfettaw ħafna pazjenti meta ma kinux jaħslu jdejhom wara li jkunu messew xi iġsma mejta. Is-CDC għadhom isejħu l-ħasil tal-idejn bħala “l-iktar mod effettiv biex jiġi evitat li jinxtered il-mard.” Xi ngħidu għall-kwarantina tal-lebbrużi jew tan-nies b’mard ieħor? Reċentement, rivista qalet: “Fil-bidu taʼ epidemija, l-iżolament u l-kwarantina għandhom mnejn ikunu l-uniċi miżuri li jistgħu jittieħdu biex jikkontrollaw b’mod effettiv il-mard li jittieħed.”—Saudi Medical Journal.
INT X’TAĦSEB? Tistenna li kwalunkwe ktieb ieħor qaddis tal-qedem jaqbel max-xjenza moderna? Jew il-Bibbja hi ktieb uniku?
[Kumment f’paġna 6]
“Huwa impressjonanti ħafna li taqra dwar il-prekawzjonijiet taʼ iġjene li kienu jittieħdu b’attenzjoni fi żmien il-Liġi Mosajka.”—MANUAL OF TROPICAL MEDICINE, TAT-TABIB ALDO CASTELLANI U T-TABIB ALBERT J. CHALMERS