Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Meta Xi Ħadd Minn Uliedek Ikollu Diżabilità

Meta Xi Ħadd Minn Uliedek Ikollu Diżabilità

CARLO: * “It-​tifel tagħna, Angelo, għandu d-​Down syndrome. Il-​marda tiegħu tixorbilna s-​saħħa fiżika, mentali, u emozzjonali tagħna. Immaġina l-​enerġija li jkollok bżonn biex tieħu ħsieb lil tifel jew tifla f’saħħitha, u mbagħad immultiplika dan b’mija. Kultant iż-​żwieġ tagħna jmur minn taħt.”

MIA: “Jeħtieġ il-​persistenza u paċenzja liema bħalha biex tgħallem ’l Angelo l-​iktar affarijiet sempliċi. Meta negħja ħafna, għandi t-​tendenza li nirrita ruħi malajr u nkun bla paċenzja maʼ żewġi, Carlo. Kultant ma naqblux fuq xi affarijiet, u mbagħad nispiċċaw nargumentaw.”

Tistaʼ tiftakar fil-​jum li t-​tarbija tiegħek twieldet? Bla dubju kellek sebaʼ mitt sena biex iżżommha f’idejk. Madankollu, għal ġenituri bħal Carlo u Mia, mal-​ferħ iħossu wkoll l-​ansjetà meta jgħidulhom li t-​tarbija tagħhom tkun marida jew diżabilitata.

Għandek tifel * diżabilitat? Mela għandek mnejn titħasseb jekk tistax tkampa. Jekk inhu hekk, tiddisprax. Ġenituri bħalek għelbu problemi simili. Ikkunsidra tliet sfidi komuni li forsi tiffaċċja u kif l-​għerf li jinstab fil-​Bibbja jistaʼ jgħinek.

L-​1 SFIDA: ISSIBHA DIFFIĊLI TAĊĊETTA L-​FATTI.

Ħafna ġenituri jħossuhom imkissrin meta jsiru jafu li binhom ikun marid. “Meta t-​tobba qaluli li t-​tifel tagħna, Santiago, kellu l-​paralisi ċerebrali (cerebral palsy), ma stajtx inniżżilha,” tgħid Juliana, omm fil-​Messiku. “Ħassejt li għalija kien spiċċa kollox.” Oħrajn jistgħu jħossuhom bħal omm Taljana jisimha Villana. “Għażilt li jkolli tarbija avolja hemm ir-​riskji għal nisa tal-​età tiegħi,” tgħid hi. “Issa, meta ibni jiffaċċja problemi minħabba d-​Down syndrome, inħossni ħatja.”

Jekk tħossok mifni jew ħati, ifhem li r-​reazzjoni tiegħek hi normali. Il-​mard ma kienx parti mill-​iskop oriġinali t’Alla. (Ġenesi 1:27, 28) Hu ma ħalaqx il-​ġenituri bl-​abbiltà li jaċċettaw faċilment dak li mhuwiex naturali. Sa ċertu punt, ikollok bżonn “titnikket” għal dak li tlift—is-​saħħa t’ibnek. Jieħu ż-​żmien biex tegħleb l-​emozzjonijiet tiegħek u biex tadatta għas-​sitwazzjoni ġdida tiegħek.

Xi ngħidu jekk tħossok responsabbli għad-​diżabilità t’ibnek? Ftakar li ħadd ma jifhem mija fil-​mija kif l-​eredità, l-​ambjent, u fatturi oħra jeffettwaw is-​saħħa tat-​tfal. Mill-​banda l-​oħra, tistaʼ tħossok li trid twaħħal fis-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Rażżan dan is-​sentiment. Ikun aħjar jekk tikkoopera mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek u tikkonċentra f’li tieħu ħsieb ibnek.—Ekkleżjasti 4:9, 10.

SUĠĠERIMENT: Tgħallem dwar il-​kundizzjoni t’ibnek. “Hemm bżonn l-​għerf biex ikollok familja tajba,” tgħid il-​Bibbja, “u hemm bżonn l-​għarfien biex issaħħaħha.”—Proverbji 24:3, New Century Version.

Tistaʼ titgħallem ħafna minn professjonisti mediċi u pubblikazzjonijiet taʼ min joqgħod fuqhom. Tistaʼ tqabbel il-​proċess taʼ li titgħallem dwar il-​kundizzjoni t’ibnek maʼ li titgħallem lingwa ġdida. Għall-​ewwel ikun diffiċli, imma tistaʼ titgħallimha.

Carlo u Mia, li ġew kwotati fil-​bidu, ħadu l-​informazzjoni mingħand it-​tabib tagħhom u minn organizzazzjoni li tispeċjalizza fil-​kundizzjoni taʼ binhom. “Dan għenna nifhmu mhux biss il-​problemi li għandna nistennew imma wkoll l-​affarijiet li jistaʼ jagħmel individwu bid-​Down syndrome,” huma jgħidu. “Rajna li t-​tifel tagħna setaʼ jgħix ħajja li f’ħafna aspetti tkun normali. Dan farraġna ħafna.”

IPPROVA DAN: Iffoka fuq dak li ibnek jistaʼ jagħmel. Ippjana biex tieħdu sehem f’attivitajiet bħala familja. Meta ibnek jirnexxilu jagħmel xi ħaġa tajba, kun ħafif biex tfaħħru u ifraħ miegħu.

IT-​2 SFIDA: TĦOSSOK GĦAJJIEN ĦAFNA U LI M’GĦANDEKX MAʼ MIN TIFTAĦ QALBEK.

Forsi tħoss li jiħodlok saħħtek kollha biex tieħu ħsieb lil ibnek li hu marid. Jenny, omm fin-​New Zealand, tgħid, “Sa ftit tas-​snin wara li sirt naf li ibni għandu l-​ispina bifida, kull meta kont nipprova nagħmel xi ħaġ’iktar mix-​xogħol normali tad-​dar kont inħossni għajjiena ħafna u naqbad nibki.”

Sfida oħra tistaʼ tkun li tħossok iżolat. Ben għandu iben li jbati bid-​distrofija muskolari (muscular dystrophy) u l-​Asperger’s syndrome. Ben jgħid, “Il-​maġġorparti tan-​nies qatt ma jistgħu jifhmu mija fil-​mija minn xiex ngħaddu.” Forsi tkun tixtieq ħafna titkellem maʼ xi ħadd. Iżda l-​biċċa l-​kbira minn ulied sħabek huma f’saħħithom. Allura żżomm lura milli tiftaħ qalbek magħhom.

SUĠĠERIMENT: Itlob għall-​għajnuna u aċċettaha meta tiġi offruta. Juliana, li kwotajnieha qabel, tammetti, “Kultant jien u żewġi nistħu nitolbu l-​għajnuna.” Madankollu, hi żżid tgħid, “Tgħallimna li għandna bżonn l-​għajnuna t’oħrajn. Meta jgħinuna, ma nħossuniex daqshekk waħedna.” Jekk ħabib tal-​qalb jew membru tal-​familja joffri li joqgħod m’ibnek waqt xi get-​together jew laqgħa Kristjana, aċċetta mill-​qalb. “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu,” jgħid proverbju Bibliku, “huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Proverbji 17:17.

Ħu ħsieb saħħtek stess. Bħalma ambulanza għandha tingħata l-​fjuwil regolarment biex tkompli tieħu l-​pazjenti l-​isptar, hekk ukoll int għandek terġaʼ tikseb l-​enerġija minn nutrimenti, eżerċizzju, u mistrieħ adattat ħalli tkun tistaʼ tkompli tieħu ħsieb lil ibnek kif jistħoqqlu. Javier, li għandu iben zopp, ipoġġiha b’dan il-​mod: “Ibni ma jistax jimxi, u għalhekk inħoss li għandi nipprova niekol tajjeb. Wara kollox, jien hu l-​wieħed li mmexxih. Saqajja huma saqajh ukoll!”

Kif tistaʼ ssib il-​ħin biex tieħu ħsieb saħħtek? Xi ġenituri jieħdu ħsieb lit-​tifel darba kull wieħed. B’hekk, ġenitur minnhom ikun jistaʼ jistrieħ jew jieħu ħsieb bżonnijiet personali oħra. Ikollok bżonn tixtri l-​ħin minn attivitajiet mhux importanti, u biex iżżomm bilanċ jistaʼ jkun taʼ sfida. Imma bħalma tgħid Mayuri, omm fl-​Indja, “Maż-​żmien tidħol f’rutina.”

Tkellem maʼ ħabib li tafda. Anki ħbieb li m’għandhomx tfal morda jistgħu jfarrġuk. Tistaʼ wkoll titlob ’l Alla Ġeħova. It-​talb verament se jgħin? Yazmin għandha żewġt itfal bis-​cystic fibrosis, u tammetti, “Kien hemm mumenti taʼ pressjoni tant kbira li ħassejtni qed nifga.” Iżda żżid tgħid: “Nitlob lil Ġeħova għal serħan u saħħa. Imbagħad inħoss li nistaʼ nkompli.”—Salm 145:18.

IPPROVA DAN: Innota x’qed tiekol, meta qed tagħmel eżerċizzju, u kemm qed jirnexxilek torqod. Identifika kif tistaʼ tixtri l-​ħin minn attivitajiet inqas importanti ħalli tkun tistaʼ tieħu ħsieb saħħtek. Kompli aġġusta l-​iskeda tiegħek skont il-​bżonn.

IT-​3 SFIDA: TAGĦTI IKTAR ATTENZJONI LILL-​MARID MILLI TAGĦTI LILL-​KUMPLAMENT TAL-​FAMILJA.

Il-​marda tat-​tifel tistaʼ teffettwa dak li l-​familja tiekol, fejn tmur il-​familja, u kemm il-​ġenituri jqattgħu ħin maʼ kull wild. B’riżultat taʼ dan, it-​tfal l-​oħra jistgħu jħossuhom imwarrbin. Iktar minn hekk, il-​ġenituri jistgħu tant ikollhom x’jagħmlu biex jieħdu ħsieb lit-​tifel marid li ż-​żwieġ imur minn taħt. “Kultant marti tgħid li hi qed terfaʼ l-​maġġorparti tax-​xogħol u li jien mhux qed nieħu ħsieb ’l ibni,” jgħid Lionel, missier fil-​Liberja. “Inħoss li ma tirrispettanix, u kultant inwiġibha bil-​goff.”

SUĠĠERIMENT: Sabiex taċċerta lit-​tfal kollha tiegħek li int jimpurtak minnhom, ippjana attivitajiet li jieħdu pjaċir bihom. “Kultant, nagħmlu xi ħaġa speċjali għat-​tifel il-​kbir tagħna,” tgħid Jenney, li ġiet kwotata qabel, “anki jekk sempliċement immorru nieklu fir-​restorant favorit tiegħu.”

Uri li jimpurtak mit-​tfal kollha tiegħek

Sabiex tipproteġi ż-​żwieġ tiegħek, tkellem u itlob mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Aseem, missier fl-​Indja li t-​tifel tiegħu jbati bil-​puplesiji, jgħid: “Għalkemm jien u marti kultant inħossuna għajjenin ħafna u frustrati, nagħmlu ċert li npoġġu bilqiegħda, nitkellmu, u nitolbu flimkien. Kull filgħodu, qabel ma jqumu t-​tfal, inqattgħu xi ħin flimkien niddiskutu vers mill-​Bibbja.” Koppji oħra jitkellmu fil-​privat qabel ma jmorru jorqdu. Il-​konversazzjonijiet privati u t-​talb sinċier tagħkom se jsaħħu ż-​żwieġ tagħkom matul perijodi taʼ stress kbir. (Proverbji 15:22) Koppja tpoġġiha b’dan il-​mod, “ftit mill-​iktar mumenti sbieħ taʼ ħajjitna kienu matul l-​iktar jiem diffiċli.”

IPPROVA DAN: Faħħar lit-​tfal l-​oħra għal kull appoġġ li jagħtu lil ħuhom marid. Regolarment esprimi l-​imħabba u l-​apprezzament tiegħek għalihom u għas-​sieħeb jew s-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ.

IBQAʼ POŻITTIV

Il-​Bibbja twiegħed li Alla dalwaqt se jneħħi kull marda u diżabilità li teffettwa kemm liż-​żgħar u kemm lill-​kbar. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Dakinhar, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” *Isaija 33:24.

Sadanittant, tistaʼ tirnexxi bħala ġenitur t’iben diżabilitat. “Tiskuraġġix ruħek meta kollox ikun donnu sejjer ħażin,” jgħidu Carlo u Mia, li ġew kwotati qabel. “Ikkonċentra fuq l-​affarijiet sbieħ t’ibnek, għax hemm ħafna.” ”

^ par. 3 L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ par. 6 Dan l-​artiklu jgħodd ukoll f’każ li tkun tifla.

^ par. 29 Tistaʼ taqra iktar dwar il-​wegħda tal-​Bibbja taʼ saħħa perfetta f’kapitlu 3 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • X’nagħmel biex inżomm is-​saħħa fiżika, emozzjonali, u spiritwali tiegħi kemm jistaʼ jkun b’saħħitha?

  • Meta kien l-​aħħar darba li faħħart lit-​tfal l-​oħra tiegħi għall-​għajnuna li jagħtu?