Mosè—Raġel li Jħobb
X’INHI L-IMĦABBA?
L-imħabba tinvolvi affezzjoni profonda għal oħrajn. Persuna li tħobb turi bi kliemha u b’għemilha kif tħossha dwar dawk għeżież għaliha, anki meta dan jirrikjedi sagrifiċċju persunali.
MOSÈ KIF WERA L-IMĦABBA?
Mosè wera li kien iħobb lil Alla. B’liema mod? Ftakar fil-kliem imniżżel fl-1 Ġwanni 5:3: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu.” Mosè għex fi qbil maʼ dan il-prinċipju. F’dak kollu li Alla talbu jagħmel—minn inkarigu taʼ qtigħ il-qalb bħal li jiffaċċja lill-Fargħun setgħan għal inkarigu sempliċi bħal li jmidd il-ħatar tiegħu fuq il-Baħar l-Aħmar—Mosè obda. Kemm jekk il-kmand kien faċli u kemm jekk kien diffiċli, Mosè wettqu. “Għamel preċiż hekk.”—Eżodu 40:16.
Mosè wera li kien iħobb lil sħabu l-Iżraelin. Huma kienu jafu li Ġeħova kien qed juża lil Mosè biex imexxi lill-poplu tiegħu, u għalhekk kienu jmorru għand Mosè bid-diversi problemi li kellhom. Naqraw: “In-nies baqgħu quddiem Mosè minn fil-għodu sa fil-għaxija.” (Eżodu 18:13-16) Immaġina kemm żgur ħassu għajjien Mosè wara li kien ilu ġurnata sħiħa jismaʼ lill-Iżraelin jiftħu qalbhom miegħu dwar il-problemi tagħhom! Però, Mosè kien ferħan li jgħin lin-nies li kien iħobb.
Minbarra li kien jagħtihom widen, Mosè kien ukoll jitlob għal dawk li kien iħobb. Saħansitra talab għal dawk li kienu ttrattawh ħażin! Pereżempju, meta oħt Mosè, Mirjam, gergret kontra Mosè, Ġeħova laqatha bil-ġdiem. Minflok ma feraħ bil-kastig tagħha, Mosè mill-ewwel talab għaliha billi qal: “O Alla, jekk jogħġbok! Fejjaqha, jekk jogħġbok!” (Numri 12:13) Żgur li kienet l-imħabba li qanqlet lil Mosè jagħmel talba daqstant bla egoiżmu!
AĦNA X’NITGĦALLMU MINN DAN?
Nistgħu nimitaw lil Mosè billi nikkultivaw imħabba profonda għal Alla. Imħabba bħal din tqanqalna nobdu l-kmandi tiegħu “mill-qalb.” (Rumani 6:17) Meta nobdu lil Ġeħova minn qalbna, aħna nferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11) Ukoll, nibbenefikaw aħna stess. Wara kollox, meta naqdu lil Alla sforz l-imħabba ġenwina, mhux biss se nagħmlu s-sewwa imma se nieħdu pjaċir nagħmluh!—Salm 100:2.
Mod ieħor kif nistgħu nimitaw lil Mosè hu billi nikkultivaw imħabba mhix egoistika għal oħrajn. Meta ħbieb jew membri tal-familja jiġu għandna bit-tħassib tagħhom, l-imħabba tqanqalna biex (1) nagħtuhom l-attenzjoni sħiħa tagħna; (2) nipprovaw nifhmu kif iħossuhom; u (3) nuruhom li jimpurtana minnhom.
Bħal Mosè, aħna wkoll nistgħu nitolbu għal dawk li nħobbu. Kultant forsi nħossuna li ma nistgħu nagħmlu xejn meta jgħidulna bil-problemi tagħhom. Forsi saħansitra ngħidu, “Jiddispjaċini, imma ma nistaʼ nagħmel xejn ħlief nitlob għalik.” Imma ftakar: “It-talb bil-ħerqa tal-ġust għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jwettaq.” (Ġakbu 5:16) It-talb tagħna jistaʼ fil-fatt iqanqal lil Ġeħova jagħmel xi ħaġa għall-persuna li forsi Hu ma kienx se jagħmilha. Allura, fir-realtà l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nitolbu għal dawk li nħobbu. *
Ma taqbilx li nistgħu nitgħallmu ħafna minn Mosè? Għalkemm kien bniedem bħalna, hu ħalla eżempju straordinarju taʼ fidi, umiltà, u mħabba. Iktar ma nimitaw l-eżempju tiegħu, iktar se nibbenefikaw aħna stess u oħrajn.—Rumani 15:4.
^ par. 8 Sabiex Alla jismaʼ talbna, irridu sinċerament nistinkaw biex nilħqu l-ħtiġijiet tiegħu. Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 17 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.