IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
“Kienet il-Ħolma Tiegħi li Nsir Qassis”
-
SENA TAT-TWELID: 1957
-
POST TAT-TWELID: IL-MESSIKU
-
STORJA: STUDENT FIS-SEMINARJU; VJOLENTI
IL-PASSAT TIEGĦI:
Twilidt fil-belt żgħira taʼ Texcoco. Dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira mit-toroq kienu mħarbtin u mimlijin trab. Fil-belt, kienet ħaġa komuni li tara n-nies ġejjin minn irħula fil-viċin bil-ħmir tagħhom mgħobbijin b’affarijiet għall-bejgħ. Konna familja fqira ferm b’disat itfal li minnhom kont is-sebaʼ wieħed. Missieri kien isewwi s-sandlijiet biex imantni lill-familja. Imma miet meta kien għad kelli sebaʼ snin. Minn dakinhar ’il quddiem, ommi ħadmet iebes biex tipprovdi l-ikel għall-familja.
Nannuwi kien idoqq il-vjolin u kien surmast taʼ orkestra li kienet tispeċjalizza f’mużika reliġjuża taʼ stil klassiku. Kważi l-membri kollha tal-familja tiegħi kienu jdoqqu xi strument. Ommi kienet tkanta fil-kor tal-knisja, u zijuwi kien kantant tal-opri u jdoqq il-pjanu. Konna Kattoliċi devoti—jien kont abbati, u kienet il-ħolma tiegħi li nsir missjunarju Kattoliku. Fl-istess waqt, il-films tal-karatè kont inħobbhom ħafna. Iktar ma rajt minn dawn il-films, iktar sirt vjolenti.
Fil-belt taʼ Puebla, dħalt fi skola reliġjuża li kienet isservi bħala seminarju. Il-mira tiegħi kienet li nsir qassis Kattoliku. Imma fl-aħħar sena tal-istudji tiegħi ddiżappuntajt ruħi bil-Knisja Kattolika. Soru żagħżugħa ttantatni sesswalment. It-tentazzjoni ma waqajtx għaliha, imma s-sitwazzjoni qanqlet ġo fija x-xewqa li niżżewweġ. Iktar minn hekk, innotajt li diversi qassisin kienu qed juru wiċċ b’ieħor. Eventwalment, marritli l-ħajra li nidħol qassis.
Bħala abbati kienet il-ħolma tiegħi li nsir missjunarju Kattoliku, imma wkoll kont inħobb ħafna l-films tal-karatè u sirt vjolenti
Iddeċidejt li nistudja l-mużika fl-Iskola Nazzjonali tal-Mużika f’Mexico City. Meta ggradwajt, iżżewwiġt, u jien u marti ma domniex ma kellna erbat itfal. Kont nipprovdi għall-familja tiegħi billi nkanta waqt il-quddiesa fil-Knisja Kattolika.
Mill-bidu nett, fiż-żwieġ tagħna kellna l-inkwiet. Jien u marti konna vjolenti bejnietna, fil-parti l-kbira għax konna ngħiru għal xulxin. Għall-ewwel, konna nattakkaw lil xulxin bi kliemna, imbagħad bis-swat. Fl-aħħar nett, wara 13-il sena ddeċidejna li nisseparaw u iktar tard niddivorzjaw.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
L-ewwel kuntatt li kelli max-Xhieda taʼ Ġeħova kien qabel ma sseparajt minn maʼ marti. Żewġ Xhieda ħabbtulna fuq il-bieb u offrewlna li niddiskutu l-Bibbja. Kont naħseb li naf ħafna dwar ir-reliġjon, u għalhekk ipprovajt nurihom li huma żbaljati. Staqsejthom mistoqsijiet diffiċli li ħsibt li ħadd ma kien jaf iwiġibhom. Imma kont nibqaʼ skantat għax dejjem tawni tweġibiet tajbin ibbażati fuq il-Bibbja. Bdejt nara kemm tassew kont naf ftit. Madankollu, marti xejn ma kienet tittrattahom sew lix-Xhieda, u jien kien ikolli ħafna x’nagħmel, u b’hekk ma baqgħux iżuruna.
Ħames snin wara kont qed ngħix maʼ mara oħra, Elvira, meta għal darb’oħra ġejt f’kuntatt max-Xhieda taʼ Ġeħova. Elvira ma kinitx topponihom lix-Xhieda, u għalhekk kien iktar faċli għalija li nistudja l-Bibbja regolarment. Xorta waħda, domt diversi snin biex inbiddel ħajti.
Intbaħt li biex inqim b’qalbi kollha lil Ġeħova kelli bżonn nagħmel xi bidliet kbar. L-ewwel kelli nieqaf milli nkanta waqt il-quddiesa fil-Knisja Kattolika. Dan kien ifisser li kelli nsib mezz ieħor kif naqlaʼ l-għajxien. (Rivelazzjoni 18:4) Kelli bżonn ukoll li nillegalizza ż-żwieġ tiegħi maʼ Elvira.
Iżda waħda mill-iktar bidliet ibsin kienet li nitgħallem nikkontrolla t-tempra kiefra. Żewġ versi Bibliċi li għenuni b’mod speċjali kienu Salm 11:5, li juri li Ġeħova jobgħod il-vjolenza, u l-1 Pietru 3:7, li għallimni li jekk irrid li Ġeħova jismaʼ talbi għandi nonora lil marti. Hekk kif immeditajt fuq dawn il-versi u tlabt lil Ġeħova għall-għajnuna, bil-mod il-mod stajt nikkontrolla t-tempra.
Il-Bibbja għallmitni li jekk irrid li Ġeħova jismaʼ talbi għandi nonora lil marti
KIF IBBENEFIKAJT:
Issa ngawdi ħajja hienja tal-familja. Qed nistinka sabiex nirranġa r-relazzjoni tiegħi maʼ wliedi subien li kelli mill-ewwel żwieġ u biex ngħin lil Elvira u lit-tfal tagħna jibqgħu b’saħħithom fil-fidi.
Meta kont żgħir, kienet il-ħolma tiegħi li nsir qassis u ngħin lin-nies. Issa mmantni lill-familja tiegħi billi ngħallem il-mużika. Inħoss li ħajti għandha skop veru. Kemm jien grat li Ġeħova kien paċenzjuż miegħi, u tani l-opportunità li ninbidel u nsir persuna aħjar!