Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI: ALLA HU KATTIV?

Xi Nies Għala Jgħidu li Alla Hu Kattiv?

Xi Nies Għala Jgħidu li Alla Hu Kattiv?

GĦANDEK mnejn issibha xokkanti l-​mistoqsija fuq il-​qoxra taʼ din ir-​rivista. Imma llum ħafna nies jaħsbu dwar jekk Alla hux kattiv—jew jaqtgħuha li hekk hu. Għala?

Xi wħud li baqgħu ħajjin wara xi diżastru naturali, jistaqsu: “Alla għala jippermetti li dawn l-​affarijiet iseħħu? Sempliċement ma jimpurtahx minna? Jew hu kattiv?”

Oħrajn iqajmu mistoqsijiet simili meta jaqraw il-​Bibbja. Jiltaqgħu maʼ rakkonti bħal dak taʼ Noè u d-​Dilluvju, u jistaqsu, ‘Jekk Alla hu mħabba, kif qatel dawk in-​nies kollha? Hu kattiv?’

Qatt staqsejt lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn? Jew, ġieli xi ħadd staqsiek jekk Alla huwiex kattiv u ma kontx taf kif taqbad twieġbu? Fiż-​żewġ każi, ikkunsidra mistoqsija differenti li tistaʼ tgħinek.

GĦALA NOBOGĦDU L-​ATTI KATTIVI?

Fi ftit kliem, nobogħdu l-​atti kattivi għax għandna l-​abbiltà li nagħrfu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. F’dan ir-​rigward, aħna differenti ferm mill-​annimali. Il-​Ħallieq tagħna għamilna “fix-​xbieha tiegħu.” (Ġenesi 1:27) Dan xi jfisser? Hu tana l-​kapaċità li nimitaw il-​kwalitajiet u l-​livelli morali tiegħu, inkluż l-​abbiltà tiegħu li jagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Ikkunsidra dan: Jekk irċivejna din l-​abbiltà mingħand Alla u għandna t-​tendenza li nobogħdu l-​atti kattivi, ma jurix dan li Alla jobgħodhom ukoll?

Il-​Bibbja tikkonferma raġunar bħal dan, għax fil-​Bibbja, Alla jassigurana: “Triqati huma ogħla minn triqatkom, u ħsibijieti minn ħsibijietkom.” (Isaija 55:9) Imma li kieku kellna naqtgħuha li Alla hu kattiv, ma nkunux aħna qed ngħidu l-​oppost—jiġifieri, inkunu qed ngħidu li triqatna huma ogħla minn tiegħu? Żgur li jkun għaqli li niksbu iktar fatti qabel ma nieħdu waqfa bħal din. Forsi minflok ma nistaqsu jekk Alla hux kattiv għandna nistaqsu għala xi wħud mill-​atti tiegħu jidhru li huma kattivi. Biex jgħinna f’dan, ejja nikkunsidraw xi tfisser tassew il-​kelma “kattiv.

Meta ngħidu li xi ħadd hu kattiv inkunu qed nikkonkludu li għandu motivi ħżiena. Xi ħadd kattiv jieħu pjaċir jara lill-​oħrajn ibatu jew ma jimpurtahx min-​niket tagħhom. Għaldaqstant, missier li jiddixxiplina lil ibnu għax jieħu pjaċir iweġġaʼ s-​sentimenti taʼ ibnu hu kattiv. Imma missier li jiddixxiplina lil ibnu għax irid jgħallmu u jipproteġih hu tajjeb. Ladarba mhux dejjem nifhmu għala xi ħadd jaġixxi b’ċertu mod, huwa faċli li nifhmu ħażin il-​motivi tiegħu. Dan forsi ġieli esperjenzajtu jekk xi darba xi ħadd iġġudikak ħażin.

Ejja nikkunsidraw żewġ raġunijiet għala xi wħud jaħsbu li Alla hu kattiv—id-​diżastri naturali li naraw illum u l-​ġudizzji t’Alla li naqraw dwarhom fil-​Bibbja. Tassew juru l-​fatti li Alla hu kattiv?