Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠETT PRINĊIPALI: GĦALA HAWN DAQSHEKK TBATIJA? META SE TISPIĊĊA?

Kemm Ħajjiet Innoċenti Meqrudin!

Kemm Ħajjiet Innoċenti Meqrudin!

Iċ-ċkejkna Noelle kienet tifla grazzjuża li tħobb tpinġi. Lejla waħda sajfija, hi ħarġet fil-bitħa u, bla ħadd ma jaf kif, waqgħet fil-pixxina tad-dar tal-familja tagħha. Hi għerqet ġimagħtejn qabel m’għalqet erbaʼ snin.

Charlotte, Daniel, Olivia, Josephine . . . Dawn huma biss ftit mill-ismijiet tal-20 tifel u tifla taʼ bejn sitta u sebaʼ snin fost is-26 vittma li fl-14 taʼ Diċembru, 2012, inqatlu fi sparatura li saret fi skola f’Connecticut, l-Istati Uniti tal-Amerika. Fit-taħdita tal-funeral, il-President Obama semma l-ismijiet tat-tfal u qal lill-udjenza mnikkta: “Dawn it-traġedji jridu jispiċċaw.”

Bano, li kellha 18-il sena, flimkien mal-familja tagħha telqet mill-Iraq fl-1996 u marret toqgħod in-Norveġja. Iżda b’sogħba, fit-22 taʼ Lulju, 2011, Bano kienet waħda mis-77 vittma li ħajjithom spiċċat ħesrem minn estremist li ftaħar: “Nixtieq nagħmel apoloġija . . . li ma rnexxilix noqtol iżjed.”

Stejjer taʼ qsim il-qalb simili ġew rapportati kemm-il darba madwar id-dinja. Aħseb dwar in-niket u l-uġigħ li ġew ikkaġunati minħabba l-aċċidenti, il-kriminalità, il-gwerer, it-terroriżmu, id-diżastri naturali, u traġedji oħrajn. Kemm nies mietu jew batew intortament!

Xi wħud iwaħħlu f’Alla, billi jirraġunaw li l-Ħallieq tagħna ma jimpurtahx mill-bnedmin. Oħrajn jaslu għall-konklużjoni li Alla jara t-tbatija imma sempliċement jagħżel li ma jintervinix. Jerġaʼ oħrajn jgħidu li traġedji bħal dawn huma predestinati. Jidher li l-opinjonijiet dwar dan is-suġġett ma jispiċċaw qatt. Fejn nistgħu nsibu tweġibiet sodisfaċenti u taʼ min jafdahom? Fl-artikli li jmiss se nfittxu t-tweġibiet dwar x’jikkaġuna t-tbatija u kif din se tintemm fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.