Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GIDEB LI JĠIEGĦLEK TAĦSEB LI MA TISTAX TĦOBB LIL ALLA

Il-Verità Tista’ Teħilsek

Il-Verità Tista’ Teħilsek

Darba f’Ġerusalemm, Ġesù kien qed jitkellem dwar Missieru, Ġeħova, u jikxef lill-​mexxejja reliġjużi foloz taʼ żmienu. (Ġwanni 8:12-​30) Dak li qal f’din l-​okkażjoni jgħallimna kif nistgħu neżaminaw twemmin popolari dwar Alla llum. Ġesù qal: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—Ġwanni 8:31, 32.

“Ibqgħu fil-​kelma tiegħi.’ Hawn Ġesù juri kif għandna neżaminaw jekk tagħlim reliġjuż ikunx “il-​verità” jew le. Meta tismaʼ stqarrija dwar Alla, staqsi lilek innifsek: ‘Dan jaqbel maʼ kliem Ġesù u l-​bqija tal-​Iskrittura Mqaddsa?’ Imita lil dawk li semgħu lill-​appostlu Pawlu jitkellem u li “kienu jeżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu [tgħallmu] kienx minnu.”—Atti 17:11.

Marco, Rosa, u Raymonde, li ssemmew fl-​ewwel artiklu taʼ din is-​serje, eżaminaw bir-​reqqa t-​twemmin tagħhom billi studjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. X’tgħallmu?

Marco: “Dak li għallimna l-​Bibbja uża l-​Iskrittura biex iwieġeb kull mistoqsija li kellna jien u marti. Imħabbitna għal Ġeħova bdiet tikber, u aħna sirna eqreb taʼ xulxin bħala koppja miżżewġa!”

Rosa: “Għall-​ewwel, kont naħseb li l-​Bibbja mhi xejn għajr ktieb taʼ filosofija li jipprova jispjega lil Alla billi juża raġunar uman. Però, gradwalment sibt it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi mill-​Bibbja. Issa, Ġeħova hu reali għalija. Hu Xi Ħadd li nistaʼ nafdah.”

Raymonde: “Jien tlabt lil Alla għall-​għajnuna biex nitgħallem dwaru. Ftit wara, jien u żewġi bdejna nistudjaw il-​Bibbja. Sa fl-​aħħar, tgħallimna l-​verità dwar Ġeħova! Konna se ntiru bil-​ferħ meta sirna nafu x’tip taʼ Alla hu.”

Il-​Bibbja mhux sempliċement tikxef biss il-​gideb dwar Alla; imma wkoll tirrivela l-​verità dwar il-​kwalitajiet li jiġbduk tiegħu. Hi l-​Kelma ispirata tiegħu, u tgħinna “nkunu nafu dak li ngħatalna b’qalb tajba minn Alla.” (1 Korintin 2:12) Għala ma tarax għalik innifsek kif il-​Bibbja tistaʼ twieġeb mistoqsijiet komuni imma fundamentali dwar Alla, l-​iskop tiegħu, u l-​futur tagħna? Aqra t-​tweġibiet għal ftit minn dawn il-​mistoqsijiet taħt “Tagħlim tal-​Bibbja > Mistoqsijiet Dwar il-​Bibbja Mweġbin” f’www.pr418.com/mt. Tistaʼ wkoll titlob studju tal-​Bibbja minn fuq din il-​Websajt jew mingħand wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Aħna fiduċjużi li jekk tagħmel dan, se ssib li hu iktar faċli li tħobb lil Alla milli qatt ħsibt.