IMITA L-FIDI TAGĦHOM
Kienet “Dikjarata Ġusta bl-Għemejjel”
RAĦAB ittawlet mit-tieqa tagħha hekk kif id-dawl tas-sebħ infirex fuq il-wita madwar Ġeriko. Armata li kienet lesta tattakka kienet miġbura hemm barra—l-armata taʼ Iżrael. Hekk kif bdew jimmarċjaw għal darb’oħra madwar il-belt, sħaba taʼ trab qamet warajhom u l-ħoss qawwi tal-qrun reġaʼ nstemaʼ.
Ġeriko kienet il-belt fejn kienet toqgħod Raħab; hi kienet taf it-toroq, id-djar, il-ħwienet u s-swieq iffollati tagħha. Lin-nies tagħha kienet tafhom iktar u iktar. Setgħet tħoss il-biżaʼ tagħhom dejjem jikber hekk kif il-ġranet għaddew u Iżrael kompla b’dan ir-ritwal stramb—jimmarċja darba kuljum madwar il-belt. Madankollu, hekk kif il-ħoss tal-qrun tagħhom irbombja fit-toroq u l-pjazez taʼ Ġeriko, Raħab ma ħassitx il-biżaʼ u d-disprament li kellhom niesha.
Raħab qagħdet tħares hekk kif l-armata bdiet timmarċja kmieni f’dan is-sebaʼ jum. F’nofs is-suldati Iżraelin, hi rat lill-qassisin tagħhom idoqqu l-qrun u jġorru l-arka qaddisa li rrappreżentat il-preżenza tal-Alla tagħhom, Ġeħova. Nistgħu nimmaġinaw lil Raħab b’idha fuq il-qafla lewn l-iskarlat li dendlet mit-tieqa tagħha, li kienet tagħti għal fuq is-sur kbir taʼ Ġeriko. Din il-qafla fakkret lil Raħab fit-tama tagħha li hi u familtha kienu se jsalvaw mill-qerda tal-belt. Kienet Raħab xi traditura? Żgur li ma kinitx għal Ġeħova; hu kien iqisha bħala mara taʼ fidi straordinarja. Ejja mmorru lura għall-bidu tal-istorja taʼ Raħab u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnha.
RAĦAB IL-PROSTITUTA
Raħab kienet prostituta. Fil-passat, dan il-fatt ċar tant ixxokkja lil xi kummentaturi tal-Bibbja li qalu li hi kienet sempliċi lukandiera. Iżda, il-Bibbja hi ċara biżżejjed u ma taħbix il-fatti. (Ġożwè 2:1; Ebrej 11:31; Ġakbu 2:25) Fis-soċjetà Kangħanija, il-professjoni taʼ Raħab x’aktarx li kienet meqjusa bħala aċċettabbli. Madankollu, il-kultura mhux dejjem tistaʼ teqred il-kuxjenza, dak is-sens ġewwieni taʼ x’inhu tajjeb u ħażin li Ġeħova tana lkoll. (Rumani 2:14, 15) Fil-fond taʼ qalbha, Raħab setgħet ħasset li l-mod taʼ ħajja tagħha kien tal-mistħija. Forsi, bħal ħafna llum li jgħixu ħajja simili, hi ħasset li kienet maqbuda f’nassa, mingħajr għażla oħra jekk riedet tieħu ħsieb il-familja tagħha.
Bla dubju, Raħab xtaqet ħafna li tgħix ħajja aħjar. Pajjiżha kien miżgħud bil-vjolenza u l-immoralità, inkluż l-inċest u l-bestjalità. (Levitiku 18:3, 6, 21-24) Il-fatt li kien hemm ħażen bħal dan fil-pajjiż kellu x’jaqsam ħafna mar-reliġjon. It-tempji inkuraġġew ritwali tal-prostituzzjoni, u l-qima lejn allat demoniċi bħal Bagħal u Molek inkludiet li jaħarqu lit-tfal ħajjin bħala sagrifiċċju.
Ġeħova kien jaf x’kien qed iseħħ f’Kangħan. Fil-fatt, minħabba l-ħafna prattiki mill-agħar tal-Kangħanin, Ġeħova qal: “L-art mhix nadifa, u se nġib il-kastig għall-iżball tagħha fuqha, u l-art se tobżoq ’il barra lill-abitanti tagħha.” (Levitiku 18:25) X’involva “l-kastig għall-iżball tagħha”? Inġenerali, Iżrael kien ingħata din il-wegħda mingħand Alla: “Ġeħova Alla tiegħek se jwarrab lil dawn il-ġnus minn quddiemek ftit ftit.” (Dewteronomju 7:22) Sekli qabel, Ġeħova kien wiegħed l-art lill-familja taʼ Abraham, u “Alla . . . ma jistax jigdeb.”—Titu 1:2; Ġenesi 12:7.
Madankollu, Ġeħova ddikjara wkoll li ċerti gruppi f’dik l-art kellhom jinqerdu kompletament. (Dewteronomju 7:1, 2) Bħala “l-Imħallef [ġust] taʼ l-art kollha,” hu kien jaf x’kien hemm f’kull qalb u kien jaf sew kemm il-poplu kien mgħaddas fil-ħażen u fl-immoralità. (Ġenesi 18:25; 1 Kronaki 28:9) X’kien ifisser għal Raħab li tgħix f’belt ikkundannata bħal din? Aħna nistgħu biss nimmaġinaw kif ħassitha hekk kif semgħet rapporti dwar l-Iżraelin. Saret taf li l-Alla taʼ Iżrael kien mexxa lill-poplu tiegħu—nazzjon taʼ skjavi maħqurin—għal rebħa sħiħa fuq l-armata Eġizzjana, il-qawwa militari l-iktar b’saħħitha fid-dinja taʼ dak iż-żmien. U issa Iżrael dalwaqt kien se jattakka lil Ġeriko! Xorta waħda, in-nies taʼ dik il-belt komplew bil-ħażen tagħhom. Nistgħu naraw għala l-Bibbja titkellem dwar il-Kangħanin sħab Raħab bħala “dawk li kienu diżubbidjenti.”—Ebrej 11:31.
Raħab kienet differenti. Matul is-snin, hi setgħet qagħdet taħseb dwar dak li semgħet fuq Iżrael u l-Alla tiegħu, Ġeħova. Kemm kien differenti għalkollox mill-allat Kangħanin! Hu kien Alla li ġġieled għan-nies tiegħu minflok ma ġegħelhom isiru vittmi, li ta prinċipji morali għoljin lill-aduraturi tiegħu minflok ma umiljahom. Dan l-Alla qies lin-nisa bħala prezzjużi, u mhux bħala sempliċi oġġetti għas-sess li jinxtraw, jinbiegħu, u li jkunu bla ġieħ f’qima moqżieża. Meta Raħab saret taf li Iżrael kien ikkampjat fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, lest biex jattakka, żgur li beżgħet dwar x’setaʼ jfisser dan għall-poplu tagħha. Kien Ġeħova qed jagħti kas Raħab u jgħożż it-tajjeb li kellha?
Illum hemm ħafna nies bħal Raħab. Huma jħossuhom maqbudin f’nassa, imwaħħlin fi stil taʼ ħajja li tisirqilhom id-dinjità u l-ferħ; iħossu li ħadd ma jagħti kashom jew japprezzahom. Kemm hu taʼ faraġ il-każ taʼ Raħab! Dan ifakkarna li ħadd minna ma hu minsi minn Alla. Minkejja kemm inħossuna mdejqin, “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Hu jinsab qribna, lest u ħerqan li joffri tama lil dawk kollha li jpoġġu l-fidi fih. Għamlitu dan Raħab?
LAQGĦET LILL-ISPIJI
Jum minnhom, xi żmien qabel ma Iżrael immarċja madwar Ġeriko, żewġ stranġieri tfaċċaw fil-bieb taʼ Raħab. Iż-żewġt irġiel kienu qed jittamaw li ħadd ma jinduna bihom, iżda f’dik il-belt mimlija tensjoni, ħafna kienu għassa biex jaraw jekk setax ikun hemm xi spiji Iżraelin fosthom. Raħab, li kienet mara li tosserva ħafna, malajr setgħet irrealizzat min kienu. Mhux għax kienet xi ħaġa stramba li żewġt irġiel jiġu għandha, imma dawn riedu biss post fejn jistrieħu—mhux is-servizzi taʼ prostituta.
Fil-fatt, iż-żewġt irġiel kienu spiji mill-kamp taʼ Iżrael. Il-kmandant tagħhom, Ġożwè, kien
bagħathom biex jiskopru fiex Ġeriko kienet b’saħħitha jew dgħajfa. Din kienet l-ewwel belt taʼ Kangħan li Iżrael kellu jinvadi u forsi l-iktar b’saħħitha minnhom kollha. Ġożwè ried ikun jaf sempliċement dak li hu u l-irġiel tiegħu kienu se jiffaċċjaw. Bla dubju, l-ispiji għażlu d-dar taʼ Raħab bi skop. Mill-postijiet kollha li kien hemm, f’dar taʼ prostituta, l-istranġieri kellhom ċans li ħadd ma jinduna bihom. Forsi l-ispiji ttamaw ukoll li jsiru jafu b’xi informazzjoni bżonjuża minn xi diskursata bla ħsieb li setgħu jisimgħu.Il-Bibbja tgħid li Raħab “laqgħet lill-messaġġiera bl-ospitalità.” (Ġakbu 2:25) Daħħlithom ġewwa, u anke jekk kellha xi suspetti dwar min kienu u għala kienu hemm, hi aċċettathom f’darha. Forsi ttamat li titgħallem iżjed dwar l-Alla tagħhom, Ġeħova.
Iżda, f’daqqa waħda, waslu xi messaġġiera mibgħutin mis-sultan taʼ Ġeriko. Kienet xterdet il-kelma li xi spiji taʼ Iżrael kienu marru fid-dar taʼ Raħab. X’kienet se tagħmel Raħab? Kieku pproteġiet lil dawk iż-żewġ stranġieri, ma kinitx hi tkun qed tissogra ħajjitha stess u ħajjet dawk taʼ darha wkoll? Ma kinux in-nies taʼ Ġeriko joqtluhom ilkoll kieku tat kenn lil għedewwa bħal dawn? Min-naħa l-oħra, Raħab issa setgħet tkun ċerta dwar min kienu dawk l-irġiel. Jekk diġà kienet taf li Ġeħova kien Alla bil-wisq aħjar minn tagħha, setgħet din kienet opportunità għaliha biex tieħu waqfa favur Ġeħova?
Raħab ftit kellha ħin biex toqgħod taħsibha, madankollu moħħha kien jilħqilha u aġixxiet malajr. Hi ħbiet lill-ispiji qalb ir-ringieli taz-zkuk tal-kittien li kienu mferrxin biex jinxfu fuq il-bejt. Imbagħad kellmet lill-messaġġiera tas-sultan u qalet: “Iva, l-irġiel tassew ġew għandi, u ma kontx naf minfejn kienu. U meta mad-dlam ngħalaq il-bieb, l-irġiel ħarġu. Ma nafx fejn marru. Iġru warajhom malajr u tilħquhom.” (Ġożwè 2:4, 5) Immaġina lil Raħab tħares lejn l-uċuħ tal-messaġġiera tas-sultan. Min jaf jekk indunawx li qalbha bdiet tħabbat sitta sitta!
L-ingann tagħha rnexxa! L-irġiel tas-sultan telqu jiġru lejn l-ilmijiet baxxi tal-Ġordan. (Ġożwè 2:7) Raħab żgur li ħadet ir-ruħ. Billi użat pjan sempliċi, hi kienet żgwidat irġiel qattiela li ma kellhomx dritt ikunu jafu l-verità u kienet salvat qaddejja innoċenti taʼ Ġeħova.
Raħab telgħet tiġri fuq il-bejt u qalet liż-żewġ spiji x’kienet għamlet. Ukoll, kixfet fatt importanti: Niesha kienu qatgħu qalbhom u kienu mwerwrin mill-attakkanti. Din l-aħbar tajba żgur li ferrħet lill-ispiji. Dawk il-Kangħanin mill-agħar kienu bdew jitwerwru mill-qawwa tal-Alla taʼ Iżrael, Ġeħova! Imbagħad, Raħab qalet xi ħaġa saħansitra iktar importanti għalina. Qalet: “Ġeħova Ġożwè 2:11) Dak li kienet semgħet dwar Ġeħova kien biżżejjed biex jgħallimha għall-inqas dan: L-Alla taʼ Iżrael kien taʼ min jafdah. Hi emmnet f’Ġeħova.
Alla tagħkom hu Alla fis-smewwiet hemm fuq u fuq l-art hawn taħt.” (Għal Raħab ma kien hemm ebda dubju li Ġeħova kien se jrebbaħ lill-poplu tiegħu. Għalhekk, talbet bil-ħrara lill-ispiji biex iħennu għaliha u biex hi u l-familja tagħha jiġu salvati. L-ispiji qablu, imma lil Raħab għamluhielha ċara li kellha żżomm dil-ħaġa sigrieta u li hi kellha ddendel qafla lewn l-iskarlat minn ġot-tieqa tagħha fis-sur sabiex is-suldati jkunu jistgħu jipproteġu lilha u l-familja tagħha.—Ġożwè 2:12-14, 18.
Minn Raħab nistgħu nitgħallmu verità essenzjali dwar il-fidi. Bħalma tpoġġiha l-Bibbja, “il-fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.” (Rumani 10:17) Hi semgħet rapporti taʼ min jorbot fuqhom dwar il-qawwa u l-ġustizzja taʼ Alla Ġeħova, u b’hekk poġġiet il-fidi u l-fiduċja tagħha fih. Illum għandna iktar għarfien minn dan dwar Ġeħova disponibbli għalina. Se nistinkaw aħna biex insiru nafuh u nemmnu fih skont dak li nitgħallmu mill-Kelma tiegħu, il-Bibbja?
TAQAʼ ĊITTADELLA SETGĦANA
Iż-żewġ spiji ħadu l-parir taʼ Raħab u niżlu mas-sur permezz taʼ ħabel imdendel mit-tieqa tagħha u mbagħad żgiċċaw lejn il-muntanji. Kien hemm ħafna għerien f’dawk in-naħat tat-Tramuntana taʼ Ġeriko fejn l-ispiji setgħu jinħbew sakemm kien ikun għaqli li jirritornaw fil-kamp taʼ Iżrael bl-aħbar tajba li ġabu mingħand Raħab.
Iktar tard, in-nies taʼ Ġeriko żgur li triegħdu bil-biżaʼ meta saru jafu li Ġeħova kien mirakolożament waqqaf ix-Xmara Ġordan u ħalla lil Iżrael jaqsam fuq art niexfa. (Ġożwè 3:14-17) Iżda għal Raħab, din l-aħbar serviet biss biex ikollha iktar għal xiex temmen f’Ġeħova.
Imbagħad waslu dawk il-jiem twal taʼ meta Iżrael immarċja madwar Ġeriko għal sitt ijiem, darba kuljum. Issa kien is-sebaʼ jum, u s-sitwazzjoni kienet differenti. Kif issemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu, l-armata bdiet timmarċja mas-sebħ, u wara li daret darba mal-belt, baqgħet timmarċja madwar Ġeriko għal darba wara l-oħra. (Ġożwè 6:15) X’kienu qed jagħmlu l-Iżraelin?
Fl-aħħar, fi tmiem is-sebaʼ darba li mmarċjaw f’dak is-sebaʼ jum, l-armata waqfet. Il-qrun waqfu jdoqqu. Waqgħet ħemda kbira. It-tensjoni f’din il-belt kienet tinħass sewwa. Imbagħad, permezz taʼ sinjal mogħti minn Ġożwè, l-armata taʼ Iżrael għollew il-vuċi tagħhom għall-ewwel darba u għajtu għajta kbira. Ħasbu l-għassiesa li kienu fuq is-swar taʼ Ġeriko li dan kien xi attakk stramb, din is-sempliċi għajta? Jekk dan kien il-każ, ma damux jaħsbu hekk. Dak is-sur enormi beda jitriegħed taħt saqajhom. Theżżeż, inqasam, u mbagħad waqaʼ b’ħoss kbir mal-art! Madankollu, hekk kif it-trab qagħad, tfaċċat parti mis-sur li baqgħet sħiħa. Dar Raħab kienet għadha hemm. Kienet bħal monument li jfakkar il-fidi taʼ din il-mara. Immaġina kif ħassitha meta rat kif Ġeħova kien ipproteġieha! * Il-familja tagħha ġiet salvata!—Ġożwè 6:10, 16, 20, 21.
In-nies taʼ Ġeħova bl-istess mod irrispettaw il-fidi taʼ Raħab. Meta raw dik id-dar wieqfa waħedha f’nofs dak it-terrapien kollu, huma kienu jafu li Ġeħova kien maʼ din il-mara. Hi u l-familja tagħha nħelsu mill-qerda li ġiet fuq dik il-belt mimlija ħażen. Wara l-battalja, Raħab tħalliet tgħix qrib il-kamp tal-Iżraelin. Maż-żmien, saret parti mill-poplu Lhudi u żżewġet raġel jismu Salmon. Binhom, Bogħaż, sar raġel taʼ fidi kbira. Hu żżewweġ lil Rut il-Mowabija. * (Rut 4:13, 22) Is-Sultan David u iktar tard il-Messija nnifsu, Ġesù Kristu, tnisslu minn din il-familja taʼ fidi li tispikka.—Ġożwè 6:22-25; Mattew 1:5, 6, 16.
L-istorja taʼ Raħab turina li Ġeħova jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna. Hu jarana lkoll, jaqralna qalbna, u jifraħ ħafna meta jsib xrara fidi bħal dik li tkebbset f’qalb Raħab. Il-fidi tagħha qanqlitha biex taġixxi. Bħalma tgħid il-Bibbja, hi kienet “dikjarata ġusta bl-għemejjel.” (Ġakbu 2:25) Kemm inkunu għaqlin jekk nimitaw il-fidi tagħha!