Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin
Veru li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla?
Int tistenna li l-Kelma t’Alla tkun unika, u l-Bibbja hekk hi. Biljuni taʼ kopji ġew stampati b’mijiet taʼ lingwi. L-għerf misjub fil-Bibbja għandu l-qawwa li jbiddel lin-nies għall-aħjar.—Aqra l-1 Tessalonikin 2:13; 2 Timotju 3:16.
Nafu li l-Bibbja ġejja minn Alla għaliex tbassar il-futur b’eżattezza. Ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel dan waħdu. Pereżempju, ikkunsidra l-ktieb taʼ Isaija. Kopja tiegħu, li saret iktar minn seklu qabel it-twelid taʼ Ġesù, instabet f’għar qrib il-Baħar il-Mejjet. Din tgħid li l-belt taʼ Babilonja kellha ssir diżabitata. L-ewwel ma seħħ dan kien ħafna snin wara l-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art.—Aqra Isaija 13:19, 20; 2 Pietru 1:20, 21.
Il-Bibbja kif inkitbet?
Il-Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ madwar 1,600 sena. Kien hemm xi 40 kittieb tal-Bibbja, u huma segwew tema waħda mingħajr ma kkontradew lil xulxin. Dan kif kien possibbli? Alla ggwidahom fil-kitba.—Aqra t-2 Samwel 23:2.
Xi drabi, Alla kellem lill-kittieba tal-Bibbja permezz taʼ anġli, viżjonijiet, jew ħolm. Ġeneralment, Alla poġġa l-idea tiegħu f’moħħ il-kittieb u ħallieh jagħżel il-kliem li ried juża biex jesprimi l-messaġġ t’Alla.—Aqra Rivelazzjoni 1:1; 21:3-5.