Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | ALLA INTERESSAT FIK?

Alla jfarrġek

Alla jfarrġek

“Alla, li jfarraġ lill-​imgħakksin, farraġna.”—2 KORINTIN 7:6.

“L-Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.”—GALATIN 2:20

GĦALA HEMM MIN JIDDUBITA: Anki meta jkunu ddisprati għall-​faraġ, xi nies iħossu li jkunu egoisti jekk jitolbu lil Alla jintervieni u jgħinhom ikampaw bil-​problemi tagħhom. “Meta nqis kemm hawn nies fid-​dinja—u l-​problemi serji li jħabbtu wiċċhom magħhom,” tgħid mara jisimha Raquel, “l-​inkwiet tiegħi jidher tant insinifikanti li nkun bejn ħaltejn nitlobx ’l Alla għall-​għajnuna.”

X’TGĦALLEM IL-​KELMA T’ALLA: Alla diġà interviena b’mod straordinarju biex jgħin u jfarraġ lill-​bnedmin. Kulħadd fuq l-​art illum wiret id-​dnub—l-​inabbiltà li jintlaħqu perfettament il-​ħtiġijiet t’Alla. Madankollu, Alla “ħabbna u bagħat lil Ibnu [Ġesù Kristu] bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.” (1 Ġwanni 4:10) Permezz tal-​mewt bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla jagħmilhielna possibbli jkollna l-​maħfra taʼ dnubietna, kuxjenza nadifa, u t-​tama taʼ ħajja eterna f’dinja ġdida taʼ paċi. * Imma dak is-​sagrifiċċju sempliċement hu għar-​razza umana kollha kemm hi, jew juri l-​interess li għandu Alla fik personalment?

Ikkunsidra lill-​appostlu Pawlu. Tant kien imqanqal bis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù li kiteb: ‘Ngħix bil-​fidi fl-​Iben t’Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.’ (Galatin 2:20) Veru, Ġesù miet saħansitra qabel ma Pawlu sar Kristjan. Madankollu, Pawlu qies dak is-​sagrifiċċju bħala rigal personali li tah Alla.

Il-​mewt bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù hija r-​rigal personali t’Alla għalik ukoll. Dan ir-​rigal juri kemm int prezzjuż għal Alla. Jistaʼ jagħtik “faraġ dejjiemi u tama sabiħa,” u b’hekk ‘tissoda f’kull għemil u kelma tajba.’—2 Tessalonikin 2:16, 17.

Tabilħaqq, Ġesù offra ħajtu bħala sagrifiċċju kważi 2,000 sena ilu. X’evidenza hemm li Alla jrid jersaq qrib tiegħek illum?

^ par. 5 Biex titgħallem iżjed dwar is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, ara kapitlu 5 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova