Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin
Ir-reliġjonijiet kollha jonoraw lil Alla?
Meta tismaʼ l-aħbarijiet minn madwar id-dinja, x’aktarx tinnota li kultant isiru affarijiet ħżiena f’isem ir-reliġjon. Mhux ir-reliġjonijiet kollha joriġinaw mill-Alla l-veru. (Mattew 7:15) Tabilħaqq, ħafna mill-umanità ġiet imqarrqa.—Aqra l-1 Ġwanni 5:19.
Minkejja dan, Alla jagħti kas nies sinċieri li jħobbu dak li hu tajjeb u veru. (Ġwanni 4:23) Alla qed jistieden nies bħal dawn biex jitgħallmu l-verità mill-Kelma tiegħu, il-Bibbja.—Aqra l-1 Timotju 2:3-5.
Kif tistaʼ tagħraf il-vera reliġjon?
Alla Ġeħova qed jiġbor flimkien lil nies minn ħafna sfondi reliġjużi billi jgħallimhom il-verità u billi jgħallimhom iħobbu lil xulxin. (Mikea 4:2, 3) Għalhekk, tistaʼ tagħraf lil dawk li jipprattikaw il-vera reliġjon minn kif jieħdu ħsieb xulxin.—Aqra Ġwanni 13:35.
Alla Ġeħova qed jiġbor flimkien kull xorta taʼ nies permezz tal-qima vera.—Salm 133:1
Aduraturi veri jibbażaw il-fidi u l-mod taʼ ħajja tagħhom fuq il-Bibbja. (2 Timotju 3:16) Huma wkoll jonoraw isem Alla. (Salm 83:18) Iħabbru s-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità. (Danjel 2:44) Huma jimitaw lil Ġesù billi jħallu ‘d-dawl tagħhom jiddi,’ u jagħmlu l-ġid lill-ġirien tagħhom. (Danjel 2:44; Mattew 5:16) Il-Kristjani veri, mela, jistgħu jintgħarfu miż-żjajjar li jagħmlu lill-ġirien tagħhom bl-iskop li jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Aqra Mattew 24:14; Atti 5:42; 20:20.