Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-bniedem se jeqred l-art għalkollox?

Il-bniedem se jeqred l-art għalkollox?

“Ġenerazzjoni sejra, u ġenerazzjoni ġejja; imma l-art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—IS-SULTAN SALAMUN, 11-IL SEKLU QK (1100-1001 QK). *

Għal dan il-kittieb tal-Bibbja tal-qedem, hemm baħar jaqsam bejn id-dinja li hi permanenti, jew li tibqaʼ għal dejjem, u l-ħajja tal-bniedem li donnha tgħaddi f’ħakka t’għajn. Hu minnu li għal eluf taʼ snin, għaddiet ġenerazzjoni wara l-oħra, u minkejja dan l-art uriet kemm hi b’saħħitha u kemm hi kapaċi ssostni l-ħajja—s’issa!

Minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, id-dinja nbidlet b’ħeffa liema bħalha u fuq skala akbar minn qatt qabel. F’għomor taʼ bniedem, in-nies raw avvanzi rimarkevoli fil-qasam tat-trasport, il-komunikazzjoni, u teknoloġija oħra. Dawn l-avvanzi ġabu magħhom bidliet ekonomiċi li qatt ma rajna bħalhom qabel. Ħafna nies qed igawdu livell t’għajxien li darba kien maħsub li hu impossibbli. Sadattant, il-popolazzjoni tal-art kważi ttriplat.

Però, dan kollu kellu l-konsegwenzi tiegħu. Jingħad li l-attivitajiet tal-bnedmin tant qed jagħmlu ħsara lill-art li ċ-ċikli naturali tagħha daqt mhux se jkunu jistgħu jaħdmu kif suppost ħalli jibqgħu jsostnu l-ħajja. Infatti, xi xjentisti jgħidu li dħalna fi żmien li huma jsejħulu Anthropocene. Dan hu perijodu taʼ żmien fl-istorja tad-dinja meta l-bnedmin qed iħallu impatt kbir li dejjem qed jiżdied fuq il-pjaneta.

Il-Bibbja bassret żmien meta l-bniedem se jkun qed ‘jeqred l-art.’ (Rivelazzjoni 11:18) Xi wħud jaħsbu li issa qed ngħixu f’dan iż-żmien. L-art kemm  jistaʼ jiġrilha iktar ħsara? Jistaʼ jkun li naslu sal-punt li l-ħsara li saret ma tkunx tistaʼ tissewwa? Tabilħaqq, il-bniedem se jeqred l-art għalkollox?

ĦA JKUN TARD WISQ BIEX TISSEWWA L-ĦSARA?

Qed tasal id-dinja sal-punt li jkun tard wisq li tissewwa l-ħsara li saritilha? Xi xjentisti jħossu li jistaʼ jkun diffiċli biex wieħed ibassar x’effett se jħallu l-bidliet fil-klima. Għalhekk, huma konċernati li se naslu f’punt meta bidliet ħabta u sabta fil-klima jistgħu jġibu riżultati diżastrużi.

Pereżempju, ikkunsidra l-medda silġ kbira fl-Antartika tal-Punent. Xi wħud jemmnu li jekk it-temperatura tal-atmosfera tal-art u tal-oċeani tkompli togħla, se naslu f’punt meta ma nkunux nistgħu nwaqqfu lil din il-medda silġ kbira milli ddub. Dan għax is-silġ b’mod naturali jirrifletti r-raġġi tax-xemx. Imma hekk kif il-medda silġ tibda ddub u tiċkien, eventwalment jibda jidher l-oċean, li ma tantx jirrifletti r-raġġi tax-xemx. L-oċean hu skur u allura jassorbi iktar sħana, u dan iwassal biex is-silġ idub iktar malajr. Dan iċ-ċiklu ma jkunx jistaʼ jitwaqqaf. U jekk dan is-silġ idub, il-livell tal-baħar se jogħla u dan jistaʼ jkun diżastruż għal mijiet taʼ miljuni taʼ nies.

ABBUŻ MIR-RIŻORSI NATURALI

Ġew proposti diversi strateġiji biex nittrattaw mal-“emerġenza tal-pjaneta” li qed niffaċċjaw bħalissa. Strateġija minnhom li ilha tintuża hi li jkompli jsir żvilupp fl-ekonomija u fis-soċjetà, imma dan l-iżvilupp m’għandux jaqbeż il-limiti taʼ dak li tiflaħ tipprovdi d-dinja. Allura, l-art m’għandux jittiħdilha iktar riżorsi milli tiflaħ tagħti. Kif inhi sejra din l-istrateġija?

B’sogħba, bħall-kriżi ekonomika globali, id-dejn ekoloġiku tal-art—jew, l-abbuż mir-riżorsi naturali—ikompli jiżdied b’rata mgħaġġla. Veru li d-dinja tistaʼ terġaʼ tipproduċi r-riżorsi naturali, imma ma tistax tlaħħaq mar-rata li biha qed jintużaw dawn ir-riżorsi. X’jistaʼ jsir? Ekoloġista minnhom, bla ħafna tidwir mal-lewża, irrikonoxxa: “Sa ċertu punt, mʼgħandniex l-iċken idea taʼ kif nimmaniġġaw il-pjaneta b’suċċess.” Is-sitwazzjoni taqbel mija fil-mija maʼ dak li tgħid il-Bibbja: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

Mill-banda l-oħra, il-Bibbja sserrħilna moħħna li Alla, il-Ħallieq, mhux se jħalli l-bnedmin jeqirdu għalkollox l-ambjent tal-pjaneta tagħna.  F’Salm 115:16 naqraw: “L-art [Alla] taha lil ulied il-bnedmin.” Iva, il-pjaneta tagħna hi “għotja tajba” minn Missierna tas-sema. (Ġakbu 1:17) U Alla żgur li mhux se jagħtina għotja li hi temporanja, bħal xi ħaġa li wara ftit żmien tiskadi jew tieqaf taħdem! Jidher ċar li Alla mhux se jagħmel ħaġa bħal din meta tara kif inhi ddisinjata l-pjaneta tagħna.

L-ISKOP TAL-ĦALLIEQ

Il-ktieb Bibliku tal-Ġenesi jidħol f’ħafna dettalji biex jgħidilna kif Alla ddisinja l-art b’sengħa kbira. Għall-ewwel, l-art tiġi deskritta bħala li “kienet bla forma u ma kien fiha xejn u kien hemm id-dlam.” Però, jissemma b’mod speċifiku li kien hemm “l-ilmijiet” fuq il-pjaneta—xi ħaġa essenzjali għall-ħajja. (Ġenesi 1:2) Imbagħad Alla qal: “Ħa jkun id-dawl.” (Ġenesi 1:3) Milli jidher, ir-raġġi tax-xemx għaddew mill-atmosfera u, għall-ewwel darba, kien hemm id-dawl viżibbli fuq l-art. Wara dan, ir-rakkont isemmi l-ħolqien tal-art niexfa u tal-ibħra. (Ġenesi 1:9, 10) Imbagħad nibtu “l-ħaxix, ħxejjex li jagħmlu ż-żerriegħa skond ġenshom, u siġar tal-frott biż-żerriegħa fih.” (Ġenesi 1:12) B’hekk, kien hemm l-elementi meħtiġin għall-proċessi u ċ-ċikli li huma vitali għall-ħajja—bħal pereżempju, il-fotosinteżi. X’kien l-iskop taʼ din il-preparazzjoni kollha?

Il-profeta Isaija tal-qedem iddeskriva lil Alla bħala “Dak li sawwar l-art u li għamilha, Hu li stabbiliha fis-sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, li sawwarha biex tkun abitata.” (Isaija 45:18) Jidher ċar daqs il-kristall li l-iskop t’Alla kien li l-art tkun abitata mill-bnedmin għal dejjem.

Sfortunatament, il-bnedmin abbużaw mill-għotja mill-isbaħ t’Alla sal-punt li rrovinawha. Madanakollu, l-iskop tal-Ħallieq ma nbidilx. Il-Bibbja tgħid: “Alla m’huwiex xi bniedem biex jgħid il-gideb, lanqas xi bin il-bniedem biex jerġaʼ jibdielu. Jgħid hu xi ħaġa u ma jagħmilhiex?” (Numri 23:19) Fil-fatt, Alla mhux talli se jwaqqaf l-art milli tiġi rovinata imma talli se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’ U ż-żmien meta se jagħmel dan qed joqrob b’ħeffa kbira.—Rivelazzjoni 11:18.

L-ART SE TKUN IL-POST FEJN NGĦIXU GĦAL DEJJEM

Fil-prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-muntanja, Ġesù Kristu qal: “Henjin il-ġwejdin, għax għad jirtu l-art.”  (Mattew 5:5) Fl-istess prietka, Ġesù rrivela liema mezz kien se jintuża biex l-art tiġi meħlusa mir-rovina. Hu qal lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu hekk: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” Iva, is-Saltna, jew il-gvern, t’Alla se twettaq ir-rieda t’Alla għall-art.—Mattew 6:10.

Rigward il-bidliet tal-għaġeb li din is-Saltna se ġġib magħha, Alla ddikjara: “Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.” (Rivelazzjoni 21:5) Ifisser dan li Alla se jneħħi din l-art u jġib oħra ġdida minflokha? Le, għax il-pjaneta nfisha mhix ħażina. Minflok, Alla se jneħħi min-nofs lil dawk kollha li huma responsabbli għall-kriżi li tinsab fiha l-pjaneta, “dawk li qed jeqirdu l-art,” jiġifieri l-gvernijiet umani li qed jaħkmu llum il-ġurnata. Minflok dawn il-gvernijiet, se jkun hawn “sema ġdid u art ġdida”—gvern ġdid fis-sema, is-Saltna t’Alla, li se jaħkem fuq il-bnedmin ubbidjenti lejn Alla.—Rivelazzjoni 21:1.

Sabiex iġib fix-xejn id-dejn ekoloġiku kkaġunat mill-bniedem, Alla se jerġaʼ jġib ir-riżorsi naturali għall-istat oriġinali tagħhom. Is-salmista ġie mnebbaħ jikteb hekk dwar dak li se jagħmel Alla: ‘Int tieħu ħsieb l-art, biex tkun tistaʼ tagħtiha l-abbundanza; Timlieha b’ħafna ġid.’ Mingħajr temp estrem u, iktar importanti minn hekk, bil-barka t’Alla, l-art se ssir ġenna li trendi abbundanza t’ikel.—Salm 65:9-13.

Skont is-segretarju tiegħu Pyarelal, Mohandas Gandhi, li qabel ma miet kien il-mexxej spiritwali tal-Indja, kien qal: “Id-dinja tipproduċi biżżejjed biex tissodisfa l-bżonn taʼ kull bniedem imma mhux biżżejjed biex tissodisfa r-rgħiba tal-bniedem.” Is-Saltna t’Alla se taqlaʼ mill-għeruq il-problemi tal-art billi ġġib bidla f’qalb in-nies. Il-profeta Isaija bassar li taħt il-ħakma tas-Saltna, in-nies “ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba”—la lil xulxin u lanqas lill-art. (Isaija 11:9) Infatti, miljuni taʼ nies illum minn kull tip taʼ kultura u b’ċirkustanzi differenti ġa qed jitgħallmu dwar il-livelli għoljin t’Alla. Qed jiġu mgħallmin biex iħobbu lil Alla u lill-proxxmu, juru l-apprezzament tagħhom, iħarsu l-ambjent, jużaw sew ir-riżorsi naturali, u jgħixu ħajja fi qbil mal-iskop tal-Ħallieq. Qed jitħejjew għall-ħajja f’ġenna tal-art.—Ekkleżjasti 12:13; Mattew 22:37-39; Kolossin 3:15.

Alla żgur li mhux se jħalli din l-art meraviljuża tiġi rovinata għalkollox

Ir-rakkont tal-ħolqien fil-ktieb tal-Ġenesi jikkonkludi bil-kliem: “Alla ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Alla żgur li mhux se jħalli din l-art meraviljuża tiġi rovinata għalkollox. Kemm ifarraġna l-fatt li nafu li l-futur tal-pjaneta tagħna hu fis-sigurtà, f’idejn il-Ħallieq tagħna kollu mħabba, Alla Ġeħova. Hu jwiegħed: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Jalla tkun fost l-uħud “ġusti,” li se jibqgħu jgħixu fid-dinja għal dejjem.

^ par. 3 Minn Ekkleżjasti 1:4 fil-Bibbja.