SUĠĠETT PRINĊIPALI | IS-SALTNA T’ALLA—X’TISTAʼ TFISSER GĦALIK?
Għala tinteressa ruħek fis-Saltna t’Alla?
Miljuni taʼ nies madwar id-dinja jemmnu li s-Saltna t’Alla hi r-raġuni għala jistaʼ jkollhom tama għall-futur. Huma jsegwu l-eżempju li ħalla Ġesù, li għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Mattew 6:10, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
Filwaqt li ħafna nies huma interessati ħafna fis-Saltna t’Alla, ħafna reliġjonijiet jidher li ftit jagħtu kasha. B’konnessjoni maʼ dan, l-istorjografu H. G. Wells qal li Ġesù ta prominenza kbira lit-tagħlim taʼ dik li sejħilha s-Saltna tas-sema, madankollu Wells qal li dan it-tagħlim għandu ftit sinifikat meta mqabbel mat-tagħlim tal-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet Kristjani.
Għall-kuntrarju taʼ dawn il-knejjes, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħtu ħafna importanza lis-Saltna t’Alla. Ikkunsidra dan: Ir-rivista ewlenija tagħna li qed taqra int issa hi pubblikata f’220 lingwa. Jiġu stampati kważi 46 miljun kopja taʼ kull ħarġa, u dan jagħmilha l-iktar rivista mqassma fid-dinja kollha. U x’inhu l-messaġġ ewlieni taʼ din ir-rivista? Innota t-titlu sħiħ tagħha: It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova. *
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jagħmlu tant sforz biex iħabbru, jew jirreklamaw, is-Saltna t’Alla? L-ewwel nett, nemmnu li s-Saltna t’Alla hi l-messaġġ prinċipali tal-iktar ktieb importanti fid-dinja—il-Bibbja. Iżjed minn hekk, aħna konvinti li s-Saltna t’Alla hi l-unika soluzzjoni vera għall-problemi li tħabbat wiċċha magħhom l-umanità llum.
Meta jiġbdu l-attenzjoni lejn is-Saltna t’Alla, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkunu qed jagħmlu ħilithom biex isegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Waqt li kien fuq l-art, is-Saltna t’Alla kienet l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja taʼ Ġesù u l-iktar tema importanti fil-ministeru tiegħu. (Luqa 4:43) Is-Saltna għala kienet tfisser daqshekk għal Ġesù? U x’tistaʼ tfisser għalik? Nistidnuk tikkunsidra t-tweġibiet tal-Bibbja kif jiġu diskussi fl-artikli li ġejjin.
^ par. 5 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif muri fil-Bibbja.