Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin
Għala nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla?
Is-Saltna t’Alla hi gvern fis-sema. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu jitolbu biex din tiġi għax se tirrestawra s-sewwa u l-paċi fuq l-art. Ebda gvern uman ma jistaʼ jelimina għalkollox il-vjolenza, l-inġustizzja, jew il-mard, imma s-Saltna t’Alla tistaʼ u se tagħmlu dan. Alla għażel lil Ibnu, Ġesù, biex ikun is-Sultan tas-Saltna. Ġeħova għażel ukoll grupp taʼ segwaċi taʼ Ġesù biex ikunu mexxejja bi sħab maʼ Ġesù fis-Saltna.—Aqra Luqa 11:2; 22:28-30.
Dalwaqt, is-Saltna t’Alla se tneħħi lil dawk kollha li jopponu t-tmexxija t’Alla. Mela t-talba biex tiġi s-Saltna t’Alla hi waħda biex il-gvern t’Alla jieħu post il-gvernijiet umani kollha.—Aqra Danjel 7:13, 14; Rivelazzjoni 11:15, 18.
Is-Saltna t’Alla għala se tkun taʼ ġid għall-bnedmin?
Ġesù hu Sultan ideali għax jagħder. Bħala Iben Alla, għandu wkoll il-qawwa biex jipprovdi l-għajnuna għal dawk kollha li jitolbu bil-qalb biex Alla jgħinhom.—Aqra Salm 72:8, 12-14.
Is-Saltna t’Alla se tkun taʼ ġid għal dawk kollha li b’sinċerità jitolbu biex tiġi u lil dawk li jġibu ħajjithom fi qbil mar-rieda t’Alla. Qatt mhu se jiddispjaċik li titgħallem x’tgħid il-Bibbja dwar is-Saltna t’Alla.—Aqra Luqa 18:16, 17; Ġwanni 4:23.