Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | ĠESÙ JSALVANA—MINN XIEX?

Il-mewt u l-irxoxt ta’ Ġesù—X’jistgħu jfissru għalik

Il-mewt u l-irxoxt ta’ Ġesù—X’jistgħu jfissru għalik

“Emmen fil-Mulej Ġesù u tiġi salvat.”—Atti 16:31.

Dan il-kliem memorabbli tlissen mill-appostlu Pawlu u Sila lil kalzrier fil-belt Maċedonjana taʼ Filippi. Xi jfisser dan il-kliem? Sabiex nifhmu kif it-twemmin f’Ġesù hu marbut mas-salvazzjoni mill-mewt, l-ewwel għandna nitgħallmu għala mmutu. Ikkunsidra x’tgħallem il-Bibbja.

Il-bnedmin ma nħalqux biex imutu

“Alla Ġeħova ħa lir-raġel u qiegħdu fil-ġnien taʼ l-Għeden biex jikkultivah u jieħu ħsiebu. U Alla Ġeħova ta wkoll dan il-kmand lir-raġel: ‘Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.’”—Ġenesi 2:15-17.

Alla poġġa lill-ewwel raġel, Adam, fil-ġnien tal-Għeden, ġenna tal-art mimlija b’abbundanza taʼ annimali u ħxejjex mill-isbaħ. Kien hemm siġar li jagħmlu l-frott u li minnhom Adam setaʼ jiekol bil-libertà. Però, Alla Ġeħova qal lil Adam ċar u tond biex ma jikolx minn siġra waħda partikulari, u wissa lil Adam li jekk jagħmel dan kien se jmut.

Fehemha Adam din il-projbizzjoni? Il-mewt kien jaf xi tfisser; hu kien ra lill-annimali jmutu. Kieku Adam kien maħluq biex eventwalment imut, it-twissija t’Alla ftit li xejn kien ikollha tifsir. Minflok, Adam irrealizza li li kieku obda lil Alla u ma kielx minn dik is-siġra, kien se jibqaʼ jgħix ħajja bla tmiem—ma kienx imut.

Xi wħud jemmnu li s-siġra ssimbolizzat relazzjonijiet sesswali, imma dan ma jistax ikun. Wara kollox, Ġeħova ried li Adam u martu Eva ‘jnisslu u joktru’ u ‘jimlew l-art u jrażżnuha.’ (Ġenesi 1:28) Il-projbizzjoni kienet tapplika għal siġra vera. Ġeħova sejħilha s-“siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” għax din irrappreżentat id-dritt tiegħu biex jgħid x’inhu tajjeb jew x’inhu ħażin għall-bnedmin. Billi ma jikolx mill-frott taʼ dik is-siġra, Adam ma kienx biss se juri ubbidjenza imma wkoll apprezzament għall-Wieħed li ħalqu u li kien bierku bil-kbir.

Adam miet għax m’obdiex lil Alla

“Lil Adam [Alla] qallu: ‘Talli . . . kilt mill-frott tas-siġra li dwaru tajtek dan il-kmand, . . . bl-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u trab terġaʼ ssir.’”—Ġenesi 3:17, 19.

Adam kiel mis-siġra li kienet projbita. Dan l-att taʼ diżubbidjenza ma kellux jittieħed ħafif ħafif. Kien ribelljoni, diżrispett sfaċċat għat-tajjeb kollu li Ġeħova kien għamel għalih. Billi kiel minn dik il-frotta, Adam kien ċaħad lil Ġeħova, għażel korsa taʼ indipendenza li kien se jkollha konsegwenzi katastrofiċi.

Bħalma kien bassar Ġeħova, Adam eventwalment miet. Alla kien sawwar lil Adam “mit-trab taʼ l-art” u kien qallu li kien se ‘jerġaʼ lura lejn l-art.’ Adam ma kompliex jgħix f’xi forma oħra jew f’qasam ieħor. Mal-mewt sar bla ħajja bħat-trab li minnu kien ġie msawwar.—Ġenesi 2:7; Ekkleżjasti 9:5, 10.

Aħna mmutu għax imnisslin minn Adam

“Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.

Id-diżubbidjenza—jew id-dnub—taʼ Adam kellha ħafna konsegwenzi. Meta dineb, Adam mhux biss tilef ħajja normali taʼ 70 jew 80 sena, imma ħajja bil-prospett li jgħix għal dejjem. Iżjed minn hekk, meta dineb, Adam tilef il-perfezzjoni u setaʼ biss jgħaddi imperfezzjoni lid-dixxendenti kollha tiegħu.

Aħna lkoll dixxendenti taʼ Adam. Minnu, mingħajr ma ridna, uritna ġisem imperfett li hu suġġett għad-dnub u fl-aħħar il-mewt. Pawlu ddeskriva tajjeb id-dilemma tagħna. Hu kiteb: “Jien tal-laħam, mibjugħ lid-dnub. Bniedem miżerabbli li jien! Min jeħlisni mill-ġisem li qed iġarrab din il-mewt?” Imbagħad Pawlu jwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!”—Rumani 7:14, 24, 25.

Ġesù ta ħajtu sabiex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem

“Il-Missier bagħat lil Ibnu bħala s-Salvatur tad-dinja.”—1 Ġwanni 4:14.

Alla Ġeħova għamel arranġamenti sabiex jingħelbu l-effetti tad-dnub u jilliberana mill-kastig taʼ mewt eterna. Kif? Bagħat lill-maħbub Ibnu mis-sema biex jitwieled bħala bniedem perfett bħal Adam. Imma, għall-kuntrarju taʼ Adam, Ġesù “m’għamel ebda dnub.” (1 Pietru 2:22) Peress li kien perfett, ma kienx taħt il-kastig tal-mewt u setaʼ għex għal dejjem bħala bniedem perfett.

Madankollu, minflok, Ġeħova ppermetta li Ġesù jiġi maqtul mill-għedewwa tiegħu. Tlett ijiem wara, Ġeħova ġabu lura għall-ħajja bħala spirtu sabiex maż-żmien, hu setaʼ jirritorna lejn is-sema. Hemmhekk, Ġesù ppreżenta lil Alla l-valur tal-ħajja umana perfetta tiegħu biex jifdi dak li Adam kien tilef għalih u għal uliedu. Ġeħova aċċetta dak is-sagrifiċċju, u b’hekk għamilha possibbli għal dawk li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù biex jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.—Rumani 3:23, 24; 1 Ġwanni 2:2.

B’hekk, Ġesù ġab lura dak li tilef Adam. Hu sofra l-mewt għalina sabiex aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. Il-Bibbja tgħid: “Ġesù . . . bata l-mewt, biex bil-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jduq il-mewt għal kull bniedem.”—Ebrej 2:9.

Dan il-provvediment juri ħafna dwar Ġeħova. Il-livell għoli taʼ ġustizzja tiegħu għamilha impossibbli għal bnedmin imperfetti biex jifdu lilhom infushom. Madankollu, l-imħabba u l-ħniena tiegħu qanqluh jilħaq il-livelli tiegħu stess u dan swielu ħafna—l-għoti taʼ Ibnu stess biex jipprovdi l-prezz tal-fidwa.—Rumani 5:6-8.

Ġesù ġie mqajjem mill-mewt, u hekk ukoll se jitqajmu oħrajn

“Kristu ġie mqajjem mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu fil-mewt. Għax ladarba l-mewt ġiet permezz taʼ bniedem, l-irxoxt tal-mejtin ġie wkoll permezz taʼ bniedem. Għax bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.”—1 Korintin 15:20-22.

M’hemm l-ebda dubju li Ġesù għex u miet, imma x’evidenza hemm li ġie mqajjem mill-imwiet? Fost l-evidenzi l-iktar sodi hemm il-fatt li Ġesù deher lil ħafna nies f’okkażjonijiet u postijiet differenti. Darba, hu deher lil iktar minn 500 ruħ. L-appostlu Pawlu kiteb dwar dan fl-ittra tiegħu lill-Korintin, meta wera li wħud minn dawk ix-xhieda kienu għadhom ħajjin, jiġifieri setgħu jixhdu għal dak li kienu raw u semgħu.—1 Korintin 15:3-8.

B’mod sinifikanti, meta Pawlu kiteb li Kristu kien “l-ewwel frott” taʼ dawk irxoxtati, kien qed jindika li oħrajn iktar tard ukoll kienu se jiġu rxoxtati. Ġesù nnifsu qal li kien se jiġi ż-żmien meta “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” kienu se “joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29.

Biex ngħixu għal dejjem għandna neżerċitaw il-fidi f’Ġesù

“Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16.

L-ewwel paġni tal-Bibbja jitkellmu dwar iż-żmien meta bdiet il-mewt u ntilfet il-Ġenna tal-art. L-aħħar paġni jgħidu dwar meta l-mewt se tispiċċa u Alla jirrestawra l-Ġenna tal-art. Imbagħad, in-nies se jkunu jistgħu jgħixu ħajjiet ferħanin u produttivi għal dejjem. Rivelazzjoni 21:4 jgħid: “Ma jkunx hemm iżjed mewt.” Sabiex jenfasizza kemm nistgħu noqogħdu fuq dik il-wegħda, vers 5 jgħid: “Dan il-kliem hu żgur u veru.” Dak li Ġeħova jwiegħed, hu kapaċi għalkollox li jagħmlu.

Temmen int li “dan il-kliem hu żgur u veru”? Mela tgħallem iżjed dwar Ġesù Kristu, u eżerċita fidi fih. Jekk tagħmel dan, se tikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Mhux biss se tesperjenza l-barka tiegħu issa imma se tikseb it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna tal-art, fejn “ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”