Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TITTRATTA MAL-ANSJETÀ

Ansjetà dwar il-flus

Ansjetà dwar il-flus

“Wara li ħabta u sabta f’pajjiżna għoliet il-ħajja, l-ikel sar jiswa m’ogħla s-smewwiet u skarsa,” jgħid Paul, raġel miżżewweġ u missier taʼ żewġ subien. “Konna noqogħdu fil-kju għal sigħat sħaħ u spiss l-ikel ikun spiċċa sakemm imiss lilna. In-nies spiċċaw għadma u ġilda, u xi wħud intilfu minn sensihom fit-triq. Il-prezzijiet għall-bżonnijiet bażiċi saru jiswew il-miljuni, imbagħad il-biljuni. Fl-aħħar il-munita lokali ma saret tiswa xejn. Tlift il-kont tal-bank, il-polza tal-assikurazzjoni, u l-pensjoni.”

Paul

Paul kien jaf li biex imantni l-familja kellu juża “l-għaqal.” (Proverbji 3:21) “Jien kont kuntrattur, imma bdejt nagħmel kwalunkwe xogħol li stajt insib, b’paga ħafna inqas mis-soltu,” jispjega hu. “Kien hemm min ħallasni b’ikel jew b’affarijiet tad-dar. Jekk kont nitħallas b’erbaʼ sapuniet, kont nuża tnejn u nbigħ l-oħrajn. Eventwalment spiċċajt b’40 fellus. Meta kibru, begħthom u xtrajt 300 oħra. Iżjed tard partatt 50 tiġieġa maʼ żewġt ixkejjer qamħirrum taʼ 50 kilo l-waħda. Minn dawk l-ixkejjer, tmajt lil familti u diversi familji oħra għal żmien twil.”

Paul kien jaf ukoll li l-iktar ħaġa prattika li xi ħadd jistaʼ jagħmel hi li jafda f’Alla. Meta nagħmlu dak li jesiġi Alla, hu jgħinna. F’konnessjoni maʼ li wieħed jikseb in-neċessitajiet tal-ħajja, Ġesù qal: “Tibqgħux tkunu ansjużi u dubjużi; għax . . . Missierkom jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet.”—Luqa 12:29-31.

Traġikament, l-għadu l-kbir t’Alla, Satana, qarraq bil-maġġuranza tad-dinja f’li jiffokaw ħajjithom fuq affarijiet fiżiċi. In-nies jinkwetaw b’disprament għall-bżonnijiet tagħhom, veri jew immaġinarji, u b’ansjetà jagħmlu ħilithom biex jiksbu affarijiet li fir-realtà m’għandhomx bżonnhom. Ħafna jidħlu fid-dejn, u b’hekk jitgħallmu spejjeż tagħhom stess li “min jissellef hu l-qaddej taʼ min isellfu.”—Proverbji 22:7.

Xi nies jieħdu deċiżjonijiet li jagħmlu l-ħsara. “Ħafna qraba telqu lill-familja u n-netwerk taʼ ħbieb li kellhom biex ifittxu sitwazzjoni aħjar barra l-pajjiż,” jgħid Paul. “Xi wħud telqu mingħajr id-dokumenti uffiċjali tal-immigrazzjoni u ma setgħux isibu xogħol. Spiss kienu jispiċċaw jistaħbew mill-pulizija u jorqdu fit-toroq. Ma tawx lil Alla opportunità li jgħinhom. Imma aħna ddeċidejna li niffaċċjaw problemi finanzjarji flimkien bħala familja, bl-għajnuna t’Alla.”

SEGWI L-PARIR TAʼ ĠESÙ

Paul ikompli: “Ġesù qal: ‘Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-ħażen tagħha.’ Għalhekk, it-talba taʼ kuljum tiegħi kienet sempliċement li Alla ‘jagħtina llum ħobżna għal dan il-jum’ sabiex nibqgħu ngħixu. U veru għenna, bħalma wiegħed Ġesù. Mhux dejjem kellna dak li xtaqna l-iktar. Darba, dħalt fil-kju għall-ikel u ma kontx naf x’kien hemm għall-bejgħ. Meta wasalt f’ras il-kju, rajt li kien jogurt. Lili ma jogħġobnix il-jogurt. Imma kien ikel, u allura kilna l-jogurt dakinhar. Nirringrazzja lil Alla li matul dak iż-żmien, il-familja tiegħi qatt ma marret torqod bil-ġuħ.” *

Alla wiegħed: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.”—Ebrej 13:5

“L-affarijiet huma aħjar finanzjarjament bħalissa. Imma matul l-esperjenzi li għaddejna minnhom, tgħallimna li l-iktar rimedju importanti għall-ansjetà hu li tafda f’Alla. Ġeħova * dejjem se jgħinna dment li aħna nkomplu nfittxu li nagħmlu r-rieda tiegħu. Rajna l-verità taʼ Salm 34:8: ‘Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb; hieni r-raġel b’saħħtu li jistkenn fih.’ B’hekk, ma nibżgħux li nerġgħu niffaċċjaw ċirkustanzi ekonomiċi diffiċli.

Alla jghin lil uħud leali jkollhom il-“ħobżna għal dan il-jum”

“Issa nifhmu ċar li dak li għandhom bżonn il-bnedmin biex jibqgħu jgħixu hu l-ikel, u mhux ix-xogħol jew il-flus. Bil-ħerqa nistennew iż-żmien meta titwettaq il-wegħda t’Alla: ‘Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art.’ Sadanittant, ‘la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.’ Aħna nissaħħu mill-kliem tal-Bibbja: ‘Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax hu qal: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”’” *

Jirrikjedi fidi ġenwina biex ‘timxi m’Alla’ bħalma qed jagħmlu Paul u l-familja tiegħu. (Ġenesi 6:9) Kemm jekk qed inħabbtu wiċċna maʼ kriżi finanzjarja serja issa jew jekk niffaċċjaw waħda fil-futur, l-eżempju taʼ fidi u għerf prattiku taʼ Paul jgħallimna lezzjonijiet importanti.

Imma xi ngħidu jekk il-problemi fil-familja qed jagħmluna ansjużi?

^ par. 10 Ġeħova hu isem Alla kif muri fil-Bibbja.