Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

Liema sfidi ffaċċja Erodi biex jibni mill-ġdid it-tempju f’Ġerusalemm?

Oriġinalment, Salamun waqqaf it-tempju taʼ Ġerusalemm fuq għolja u bena ħitan taʼ lqugħ fuq in-naħa tal-Lvant u l-Punent tal-għolja sabiex joħloq terrazzini madwar l-istruttura sagra. Erodi ried tempju iżjed manjifiku minn dak taʼ Salamun, allura beda jbiddel u jkabbar dak eżistenti.

L-inġiniera taʼ Erodi kabbru l-witja lejn it-Tramuntana tat-tempju sabiex jitkabbru t-terrazzini hemmhekk. Lejn in-Nofsinhar, it-terrazzin ġie estiż bi 32 metru. Biex jagħmel dan, inbniet serje taʼ ħnejja tal-knaten u ħajt taʼ lqugħ wiesaʼ. F’xi partijiet, dan il-ħajt kien għoli 50 metru.

Erodi pprova ma jweġġax is-sentimenti tal-Lhud jew jinterrompi s-servizzi u s-sagrifiċċji tat-tempju. L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jgħid li Erodi saħansitra ħarreġ qassisin Lhud bħala bennejja u mastrudaxxi biex l-ebda ħaddiem mhux awtorizzat ma jidħol fil-postijiet sagri.

Erodi miet qabel ma tlesta l-proġett. Sas-sena 30 WK, ix-xogħol tal-bini mill-ġdid kien ilu għaddej 46 sena. (Ġwanni 2:20) Ix-xogħol tlesta f’nofs l-ewwel seklu WK minn Agrippa II, li bużnannuh kien Erodi.

In-nies ta’ Malta għala ħasbu lil-appostlu Pawlu kien qattiel?

L-alla mara tal-ġustizzja (xellug) ssawwat l-alla mara tal-inġustizzja

Xi wħud min-nies ta’ Malta setgħu kienu influwenzati minn ideat tar-reliġjon Griega. Ikkunsidra x’ġara wara n-nawfraġju ta’ Pawlu f’Malta, bħalma hu rrakkontat fil-ktieb tal-Atti. Meta l-appostlu poġġa qabda ħatab fuq in-nar li kien tqabbad biex sħabu n-nawfraganti ma jħossux bard, lifgħa qabdet ma’ idu. Meta ġara dan, in-nies tal-gżira qalu: “Żgur li dan ir-raġel hu xi qattiel, għax għalkemm salva mill-għarqa, il-ġustizzja pattithielu u ma ħallitux jibqa’ jgħix.”—Atti 28:4.

It-terminu bil-Grieg hawn għal “Ġustizzja” hu “dike.” Il-kelma tista’ tfisser ġustizzja f’sens astratt. Madankollu, fil-mitoloġija Griega, Dike kien l-isem tal-alla mara tal-ġustizzja. Kien maħsub li hi indokrat l-affarijiet tal-bniedem u rrapportat inġustizzji li ma kinux inkixfu lil Żews, sabiex il-ħatja jiġu kkastigati. B’hekk, skont sors wieħed, ir-residenti ta’ Malta forsi kienu qed jaħsbu: “Għalkemm Pawlu ħarab mill-baħar, hu raġel immarkat li issa ngħeleb mill-alla mara Dike . . . permezz tal-lifgħa.” In-nies bidlu ħsiebhom meta sar evidenti li Pawlu ma kienx weġġa’.