Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ahmad Gharabli/AFP via Getty Images

IBQAʼ ATTENT!

Il-Gvernijiet Jistgħu Jaħdmu Flimkien Biex Isolvu l-Problema tal-Klima li Qed Teqred id-Dinja?—X’Tgħid il-Bibbja?

Il-Gvernijiet Jistgħu Jaħdmu Flimkien Biex Isolvu l-Problema tal-Klima li Qed Teqred id-Dinja?—X’Tgħid il-Bibbja?

 Il-Ħadd, 20 taʼ Novembru 2022, spiċċat is-COP27 United Nations Climate Change Conference. Il-mexxejja u l-esperti li attendew din il-konferenza qablu biex jagħtu l-flus lil pajjiżi iktar foqra ħalli jkunu jistgħu jkampaw mad-diżastri li qed jiġru minħabba l-klima. Imma ħafna nies jammettu li dan mhux se jsolvi l-problema tal-climate change.

  •   Fid-19 taʼ Novembru 2022, António Guterres, is-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda qal, “Jiena ferħan li ddeċidejna li nwarrbu l-flus għal dawk li qed ibatu minħabba l-climate change. Imma dan mhux biżżejjed . . . Il-pjaneta xorta għadha fil-kamra tal-emerġenza.”

  •   “Id-dinja x’aktarx dalwaqt se jkollha bidla kbira fil-klima u dan se jeffettwa b’mod ħażin lil kulħadd.”—Mary Robinson, eks President tal-Irlanda u eks Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda, 20 taʼ Novembru 2022.

 Iż-żgħażagħ huma l-iktar inkwetati dwar il-futur tal-pjaneta tagħna. Imma l-gvernijiet jistgħu jaħdmu flimkien biex jagħmlu li wiegħdu u jirranġaw il-problema tal-climate change? X’tgħid il-Bibbja?

Il-gvernijiet se jaħdmu flimkien u jirnexxu?

 Il-Bibbja turina li minkejja l-isforz u x-xogħol iebes li jistgħu jagħmlu l-gvernijiet, xorta mhux se jsolvu l-problema għalkollox. Ara żewġ raġunijiet għala:

  •   “Dak li hu mgħawweġ ma jistax jiġi drittat.”—Ekkleżjasti 1:15.

     Xi jfisser: Il-gvernijiet ma jistgħux jagħmlu dak kollu li jixtiequ għax in-nies ma kellhomx imexxu fuq nies oħrajn. (Ġeremija 10:23) Anki jekk il-gvernijiet jaħdmu iebes flimkien, mhumiex kapaċi jsolvu l-problemi kollha tad-dinja.

  •   “Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, . . . ma jkunux iridu jiftiehmu.”—2 Timotju 3:2, 3.

     Xi jfisser: Il-Bibbja qalet b’mod ċar minn qabel li ħafna nies fi żmienna se jkunu egoisti u mhux se jkunu lesti li jaħdmu flimkien biex jibbenefikaw oħrajn.

Għandna tama

 Il-futur tal-pjaneta tagħna ma jiddependix fuq il-wegħdi li jagħmlu l-gvernijiet. Alla pprovda mexxej kapaċi, lil Ġesù Kristu. Dwaru l-Bibbja tgħid:

  •   “Il-ħakma taʼ prinċep se tkun fuq spalltu. U ismu jissejjaħ Kunsillier taʼ l-Għaġeb, Alla Setgħan, Missier Etern, Prinċep tal-Paċi.”—Isaija 9:6.

 Ġesù hu r-Re tas-Saltna t’Alla li hi gvern fis-sema. (Mattew 6:10) Hu għandu l-qawwa, l-għerf, u x-xewqa biex jieħu ħsieb il-pjaneta tagħna u lil dawk li jgħixu fiha. (Salm 72:12, 16) Taħt it-tmexxija tiegħu, dan il-gvern se jwaqqaf “lil dawk li qed jeqirdu l-art” u jirranġa l-pjaneta.—Rivelazzjoni 11:18; Isaija 35:1, 7.

 Biex tara iżjed x’se jwaqqaf u jirranġa l-ħsara li qed tagħmel il-climate change, aqra l-artiklu “Climate Change and Our Future—What the Bible Says.”