Tama Vera għal Futur Aħjar
Taħseb li fil-futur l-affarijiet se jmorru għall-aħjar? Ħafna nies jippruvaw jibqgħu pożittivi minkejja l-problemi kbar li qed jiffaċċjaw. Imma taħseb li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar? Iva! Il-Bibbja ttina tama vera għal futur aħjar.
X’tama tagħtina l-Bibbja?
Il-Bibbja ma tinjorax il-fatt li n-nies qed jiffaċċjaw problemi kbar. Però twegħedna li dawn il-problemi mhux se jeffettwawna għal dejjem. Ejja naraw ftit eżempji.
Problema: Nies mingħajr post fejn jgħixu
Dak li tgħid il-Bibbja: ‘Se jibnu djar u jgħixu fihom.’—Isaija 65:21.
Xi jfisser dan għal futur: Kulħadd se jkollu d-dar tiegħu.
Problema: Nies bla xogħol u foqra
Dak li tgħid il-Bibbja: “Il-magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-sħiħ.”—Isaija 65:22.
Xi jfisser dan għal futur: In-nies kollha se jkollhom xogħol taʼ sodisfazzjon u li jieħdu pjaċir jagħmlu.
Problema: Nies ma jiġux ittrattati sew
Dak li tgħid il-Bibbja: “Prinċpijiet se jaħkmu għall-ġustizzja.”—Isaija 32:1.
Xi jfisser dan għal futur: In-nies mhux se jiġu trattati ħażin minħabba r-razza tagħhom, it-tip taʼ xogħol li jagħmlu, jew għax m’għandhomx flus. Kulħadd se jiġi trattat sew.
Problema: Nies bil-ġuħ
Dak li tgħid il-Bibbja: “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art; fuq il-qċaċet tal-muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.
Xi jfisser dan għal futur: Kulħadd se jkollu ħafna ikel u dieta bilanċjata. Ħadd mhu se jorqod bil-ġuħ.
Problema: Kriminalità u vjolenza
Dak li tgħid il-Bibbja: “U joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”—Mikea 4:4.
Xi jfisser dan għal futur: Kulħadd se jkollu moħħu mistrieħ għax mhux se jkun hawn nies ħżiena, u ‘n-nies tajbin se jirtu l-art.’—Salm 37:10, 29.
Problema: Gwerer
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.”—Isaija 2:4.
Xi jfisser dan għal futur: Se jkun hawn paċi mad-dinja kollha. (Salm 72:7) Ħadd mhu se jkun imdejjaq għax ikun tilef lil xi ħadd li jħobb jew ikollu jaħrab minn pajjiżu minħabba l-gwerra.
Problema: Mard
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.”’—Isaija 33:24.
Xi jfisser dan għal futur: In-nies mhux se jimirdu iktar jew ikollhom xi diżabilità. (Isaija 35:5, 6) Il-Bibbja twegħedna wkoll li mhux se ‘jkun hemm iżjed mewt.’—Rivelazzjoni 21:4.
Problema: Ħsara lill-ambjent
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ix-xagħri u r-reġjun bla ilma se jifirħu, u l-pjanura tad-deżert se tifraħ u twarrad bħaż-żagħfran.”—Isaija 35:1.
Xi jfisser dan għal futur: Id-dinja kollha se tkun ġnien sabiħ biex igawduha n-nies. Alla minn dejjem hekk xtaq.—Ġenesi 2:15; Isaija 45:18.
It-tama li tagħtina l-Bibbja hi biss ħolma?
Għandek raġun jekk tħossok hekk. Imma ninkuraġġuk tara x’tgħid iżjed il-Bibbja dwar il-futur. Għala? Dak li twegħedna l-Bibbja huwa differenti milli jwegħduna jew jaħsbu n-nies għall-futur. Il-wegħdi li hemm fil-Bibbja huma mingħand Alla. Ejja naraw għala dan hu importanti:
Alla hu taʼ min jafdah. Il-Bibbja tgħid li Alla “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Tgħid ukoll li Alla biss jistaʼ jgħid x’se jiġri fil-futur. (Isaija 46:10) Il-Bibbja fiha ħafna eżempji fejn naraw li dak li jgħid Alla dwar il-futur dejjem isir. Għal iktar informazzjoni, ara l-vidjow Kif nistgħu nkunu ċerti li l-Bibbja hi vera?
Alla għandu l-qawwa jsolvi l-problemi tagħna. Il-Bibbja tgħid li Alla tant hu b’saħħtu li ‘kulma Ġeħova jogħġbu jagħmel, jagħmlu.’ (Salm 135:5, 6) Dan ifisser li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Alla milli jagħmel dak li jwegħedna. L-isbaħ ħaġa hi: Alla jrid jgħinna għax iħobbna.—Ġwanni 3:16.
Imma forsi ssaqsi, ‘Jekk Alla jrid jgħinna u għandu s-saħħa biex jgħinna, għala xorta għandna dawn il-problemi kollha?’ Biex tkun taf it-tweġiba, ara l-vidjow Alla għala jippermetti t-tbatija?
Kif se ssir din il-wegħda?
Alla se juża s-Saltna tiegħu, jiġifieri gvern fis-sema, biex iżomm il-wegħdi tiegħu. Hu għażel lil Ġesù Kristu biex imexxi din is-Saltna, u tah l-awtorità biex jieħu ħsieb id-dinja u n-nies. Meta Ġesù kien fuq l-art, fejjaq lill-morda, ta l-ikel lil min kien bil-ġuħ, ikkontrolla t-temp, u anke qajjem lin-nies mill-mewt. (Marku 4:39; 6:41-44; Luqa 4:40; Ġwanni 11:43, 44) B’hekk uriena x’se jagħmel bħala r-Re tas-Saltna t’Alla.
Ara l-vidjow X’Inhi s-Saltna t’Alla? biex titgħallem x’se tagħmel is-Saltna t’Alla għalik.
Meta se ssir din il-wegħda?
Daqt! Kif nistgħu nkunu ċerti? Il-Bibbja qalet li se jiġru ċerti affarijiet. Dawn juruna li s-Saltna t’Alla daqt se tibda tmexxi fuq l-art. (Luqa 21:10, 11) Dawn l-affarijiet qed narawhom fid-dinja bħalissa.
Biex titgħallem aktar, ara l-artiklu “Is-Saltna t’Alla Meta Se Tmexxi għal fuq l-Art?”
Kif tistaʼ t-tama li hemm fil-Bibbja tgħinna bħalissa?
Kittieb fil-Bibbja qabbel it-tama li għandna fil-Bibbja maʼ “ankra għal ruħna.” (Ebrej 6:19) Bħalma ankra tgħin vapur jibqaʼ stabbli f’maltempata, it-tama vera mill-Bibbja se tgħinna niffaċċjaw il-problemi li għandna. Din it-tama se tgħinna nibqgħu kalmi u kuntenti, nirraġunaw sew, u anki nibqgħu b’saħħitna.—1 Tessalonikin 5:8.