KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Għajnuna Globali għal Pandemija Globali
1 TAʼ LULJU 2021
F’Marzu tal-2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija, ħafna lanqas biss setgħu jimmaġinaw li dan il-virus se jibqaʼ jaffettwa lid-dinja sa iżjed minn sena wara. Miljuni taʼ nies, inkluż uħud mix-Xhieda taʼ Ġeħova, sofrew l-effetti fiżiċi, emozzjonali, u finanzjarji tal-pandemija. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif organizzaw u taw l-għajnuna matul din il-kriżi?
Għajnuna lil Dawk li Għandhom Bżonnha
Taħt id-direzzjoni tal-Kumitat tal-Koordinaturi tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, iktar minn 950 Kumitat għall-Għajnuna fid-Diżastri (DRC) ġew ifformati madwar il-globu minħabba l-COVID-19. F’xi każi, dawn irranġaw biex tingħata għajnuna minn aħwa tal-lokal, u f’xi każi oħra, ix-Xhieda bbenefikaw mill-għajnuna tal-gvern. Dawn id-DRCs organizzaw ukoll għajnuna għal waqt id-diżastri fuq skala kbira.
Ikkunsidra, pereżempju, is-sitwazzjoni fil-Paragwaj. Gazzetta waħda rrapportat li b’riżultat tal-effetti ekonomiċi tal-pandemija, “numri kbar taʼ nies mill-Paragwaj huma bil-ġuħ f’darhom stess.” Imma d-DRC fil-Paragwaj kien diġà beda jqassam pakketti b’biżżejjed ikel, materjal għat-tindif, u affarijiet għall-iġjene personali għal familja taʼ erbgħa għal ġimagħtejn. Kull pakkett jiswa madwar €25.
Dawn il-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna kif jipproteġu lilhom infushom u lill-oħrajn mill-COVID-19? Huma jilbsu l-maskri u jżommu d-distanza xierqa minn nies oħra. Huma jagħmlu ċert ukoll li l-kumpaniji li jipprovdu l-ikel jippreparawh f’postijiet nodfa u jieħdu prekawzjonijiet taʼ sigurtà stretta. Dan jinkludi li jkunu ċerti li dawk kollha li jimmaniġġjaw il-pakketti jintqalilhom biex jilbsu l-affarijiet li jipproteġuhom, biex inaddfu u jiddiżinfettaw il-karozzi tagħhom, u biex iżommu l-pakketti f’postijiet diżinfettati. Fl-aħħar, dawk li jqassmu l-pakketti jżommu d-distanza mill-aħwa li jirċivuhom.
Id-Donazzjonijiet Jintużaw bil-Għaqal
Sa minn Jannar tal-2021, il-Kumitat tal-Koordinaturi approva li jintefqu iktar minn 21 miljun ewro għall-għajnuna tal-COVID-19. Il-fergħat u d-DRCs jużaw dawn id-donazzjonijiet bil-għaqal u jaħdmu iebes biex jinnegozjaw l-aħjar prezzijiet għall-affarijiet li jkollhom bżonn. Pereżempju fiċ-Ċilì, l-aħwa li organizzaw l-għajnuna riedu jixtru 750 kilo għads (lentils). Imma l-prezz tal-għads irdoppja fi żmien xahar biss! Sagħtejn wara li ftiehmu li jixtru l-għads bil-prezz l-għoli, il-bejjiegħ informahom li xerrej ieħor kien għadu kif irritorna l-ordni tiegħu tal-għads. Allura minflok ma talabhom il-prezz l-għoli li kienu ftiehmu, il-bejjiegħ tahom l-għads li ġie ritornat bil-prezz tax-xahar taʼ qabel!
Madankollu, meta l-aħwa marru biex iġibu l-għads, il-bejjiegħ prova jħassar il-ftehim, u akkużahom li ma kinux ġusti f’li jqassmu l-ikel, bħalma għamlu organizzazzjonijiet oħra. Wara talba qasira ġo qalbu, wieħed minn ħutna spjega lill-bejjiegħ li kien sar stħarriġ fuq kull kongregazzjoni biex isiru jafu min verament kien fil-bżonn. L-aħwa spjegaw ukoll li minħabba li l-backgrounds kulturali taʼ dawk li kienu se jirċievu l-ikel kienu jvarjaw, kull pakkett kien se jiġi personalizzat bi prodotti li kienu se jkunu l-iktar t’għajnuna għall-familji. Fl-aħħar, assiguraw lill-bejjiegħ li d-donazzjonijiet u x-xogħol kollu li jsir għax-Xhieda taʼ Ġeħova huwa volontarju. Kien impressjonat. Il-bejjiegħ mhux biss qabel li jbegħelhom bil-prezz imnaqqas imma wkoll żied donazzjoni taʼ 400 kilo għads mal-ordni li jmiss tal-aħwa.
“Prova taʼ Mħabba Ġenwina”
Lusu, armla anzjana fil-Liberja, tgħix maʼ ħames membri oħra tal-familja. Darba filgħodu hekk kif kienu jieħdu l-breakfast u jaqraw l-iskrittura tal-jum, in-neputi taʼ Lusu, li kellu sebaʼ snin, innota li ma kellhomx iżjed ikel fid-dar. Hu staqsa, “X’se nieklu?” Lusu assiguratu li kienet diġà qalet talba u kienet fiduċjuża li Ġeħova kien se jipprovdilhom l-ikel. Iktar tard dakinhar stess, Lusu kellha telefonata mingħand l-anzjani tal-kongregazzjoni u qalulha biex tmur tieħu xi ikel. Hi tgħid: “In-neputi jgħid li issa jaf li Ġeħova jistaʼ jismaʼ u jwieġeb it-talb għax Ġeħova wieġeb it-talba tiegħi.”
Mara fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tgħix ħdejn familja taʼ Xhieda. Wara li rat lill-familja tirċievi l-ikel mingħand sħabha fit-twemmin, hi qalet, “Wara l-pandemija, se nsiru Xhieda taʼ Ġeħova għax huma ħadu ħsieb ħuthom matul dan iż-żmien diffiċli.” Ir-raġel tagħha saqsieha, “Int se ssir Xhud taʼ Ġeħova għal borża ross?” Hi wieġbet, “Dażgur li le, imma dik il-borża ross hija prova taʼ mħabba ġenwina.”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova setgħu jwieġbu malajr għall-bżonnijiet taʼ ħutna matul din il-pandemija minħabba d-donazzjonijiet ġenerużi tagħkom. Grazzi għall-kontribuzzjonijiet li għamiltu billi użajtu l-metodi mniżżlin f’donate.pr418.com.