Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-​DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Għajnuna fid-​Diżastri fl-​2021—Ħutna Mhumiex Abbandunati

Għajnuna fid-​Diżastri fl-​2021—Ħutna Mhumiex Abbandunati

1 TAʼ JANNAR 2022

 Matul is-​sena taʼ servizz tal-​2021, a id-​dinja kienet għadha maħkuma mill-​pandemija tal-​COVID-​19. Bħalma ġie spjegat fl-​artiklu “Għajnuna Globali għal Pandemija Globali,” intefqu miljuni taʼ ewro għall-​għajnuna tal-​pandemija u ġew ifformati iktar minn 950 Kumitat għall-​Għajnuna fid-​Diżastri.

 Bla dubju, waqt li l-​pandemija kienet qed tikkaġuna ħafna tbatija, diżastri oħrajn naturali u magħmulin mill-​bniedem affettwaw lil ħutna madwar id-​dinja. Il-​Kumitat tal-​Koordinaturi tal-​Ġemgħa li Tiggverna approva li jonfoq ’il fuq minn €7 miljun minbarra l-​għajnuna li ġiet provduta għall-​COVID-​19 għal iktar minn 200 diżastru bħal dawn. Ara kif id-​donazzjonijiet tagħkom intużaw biex jgħinu lill-​vittmi taʼ żewġ diżastri riċenti.

Żbroff tal-​Muntanja Nyiragongo

 Fit-​22 taʼ Mejju 2021, il-​Muntanja Nyiragongo, vulkan fir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo, bdiet tiżbroffa. Il-​lava li ħarġet qerdet djar, skejjel, u riserva taʼ ilma. Imma l-​lava ma kinitx l-​uniku periklu. Għal jiem sħaħ wara l-​iżbroff, irmied vulkaniku velenuż waqaʼ fuq il-​belt taʼ Goma u ġew reġistrati diversi theżżiżiet. Iktar minn nofs in-​nies tal-​belt kellhom jevakwaw. Mijiet t’eluf ħarbu, xi wħud mill-​fruntiera lejn ir-​Rwanda.

Il-​kumitat għall-​għajnuna lokali pprovda ikla sħuna ħdejn Sala tas-​Saltna

 Fost l-​evakwati kien hemm madwar 5,000 Xhud taʼ Ġeħova. Xi wħud tilfu djarhom minħabba l-​iżbroff; oħrajn kellhom djarhom misruqa wara li ħarbu. Il-​kumitati għall-​għajnuna fir-​Rwanda kif ukoll fir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo ħadmu flimkien biex jgħinu fid-​diżastru. Il-​fergħa tal-​Kongo (Kinshasa) tirrapporta hekk dwar kumitat minnhom għall-​għajnuna: “Minkejja l-​istraġi sħiħa li kien hemm fil-​belt u saħansitra qabel ingħatat l-​ordni biex jevakwaw, il-​kumitat beda jqassam ikel, ilma, kutri, u ħwejjeġ.” F’waħda mill-​bliet fejn inġabru 2,000 minn ħutna, kumitat għall-​għajnuna għamel it-​tined, qassam il-​maskri, u spjega kif jitnaqqas ir-​riskju li jimirdu bil-​COVID-​19 u l-​kolera.

Xkejjer bl-​ikel jintiżnu qabel jitqassmu lil Xhieda li telqu minn djarhom

 Sa tliet xhur wara d-​diżastru, ħutna kienu diġà qassmu iktar minn sitt tunnellati ross, sitt tunnellati dqiq, tliet tunnellati żejt għat-​tisjir, u tliet tunnellati ilma. Sabiex tiffranka l-​flus, il-​fergħa rranġat biex tixtri l-​ikel mil-​lokal bi kwantitajiet kbar minflok tordna ikel li jqum iktar flus minn barra.

 “Konna skuraġġiti ħafna u qalbna maqsuma,” tirrakkonta waħda oħt li darha nqerdet bl-​iżbroff. Imma mbagħad il-​familja tagħha rċeviet għajnuna materjali u inkuraġġiment biex tibqaʼ leali. Hi issa tgħid: “Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, xorta għandna dak li għandna bżonn. Aħna rajna li Ġeħova jġorr it-​tagħbija tagħna u jgħinna nissaportu.”

Problemi Serji fl-​Ekonomija tal-​Venezwela

 Il-​Venezwela kellha problemi finanzjarji serji għal ħafna snin. Ħutna hemmhekk qed jissaportu kundizzjonijiet diffiċli tal-​ħajja, nuqqas taʼ ikel, u żieda fil-​kriminalità. Madankollu, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ma ħallithomx waħedhom.

Xkejjer bir-​ross jitgħabbew biex jitqassmu f’partijiet differenti tal-​Venezwela

 Matul is-​sena taʼ servizz li għaddiet, intefqu ’l fuq minn €1,300,000 biex jinxtraw ikel u sapun u jintbagħtu lill-​familji fil-​bżonn. Il-​fergħa tal-​Venezwela tirrapporta: “Xejn mhu faċli biex tibgħat 130 tunnellata taʼ ikel fil-​pajjiż kollu kull xahar u mbagħad tara li jasal għand l-​aħwa li verament jeħtiġuh.” Spiss, l-​aħwa jibagħtu ikel li jdum tajjeb għal ħafna żmien biex ikunu ċerti li ma jeħżienx. Il-​fergħa tkompli tgħid: “Aħna nixtru l-​biċċa l-​kbira tal-​ikel bi kwantità kbira, li jkun fl-​istaġun tiegħu, kif ukoll meta l-​prezzijiet ikunu baxxi. Imbagħad nibagħtuh bl-​iktar mod ekonomiku.”

Minħabba skarsezza kbira taʼ petrol u nuqqas taʼ karozzi disponibbli, aħwa żgħażagħ jivvjaġġaw bir-​roti tagħhom għal 18-​il kilometru biex imorru u jiġu lura u jqassmu l-​ikel lill-​kongregazzjoni tagħhom

 Leonel, membru tal-​Kumitat għall-​Għajnuna fid-​Diżastri fil-​Venezwela, iħobbu l-​inkarigu tiegħu. Hu jgħid: “Ix-​xogħol tal-​għajnuna waqt id-​diżastri hu speċjali. Dan il-​privileġġ veru inkuraġġieni mindu mietet l-​għażiża marti bil-​COVID-​19. Inżomm ruħi okkupat u nħossni utli għall-​aħwa fil-​bżonn. Jien rajt b’għajnejja stess kif Ġeħova jżomm il-​wegħda tiegħu li ma jabbandunax lill-​poplu tiegħu.”

 Wieħed ħu li rċieva l-​għajnuna kien qeda hu stess f’kumitat għall-​għajnuna. Hu jgħid: “Issa ġejt fil-​bżonn jien. Aħna ma rċivejniex għajnuna materjali biss. L-​aħwa għenu lili u lil marti nibqgħu kalmi. Ħadu ħsiebna, farrġuna, u inkuraġġewna.”

 Xi diżastri jseħħu bi ftit jew xejn twissija minn qabel. Biss, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova spiss tkun kapaċi tikseb u tqassam provvisti għall-​għajnuna malajr, grazzi għad-​donazzjonijiet tagħkom lix-​xogħol taʼ madwar id-​dinja. Xi modi kif tagħti donazzjonijiet huma mniżżlin f’donate.pr418.com. Aħna napprezzaw il-​ġenerożità tagħkom.

a Is-​sena taʼ servizz għall-​2021 bdiet fl-​1 taʼ Settembru 2020 u spiċċat fil-​31 t’Awwissu 2021.