Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Għajnuna fid-Diżastri fl-2022—L-Imħabba li Wrew l-Aħwa

Għajnuna fid-Diżastri fl-2022—L-Imħabba li Wrew l-Aħwa

1 TAʼ JANNAR 2023

 Il-Bibbja qalet minn qabel li fi żmienna se jkun hemm gwerer, terremoti, mard li jittieħed, u “dehriet tal-biżaʼ.” (Luqa 21:10, 11) Fis-sena taʼ servizz tal-2022 rajna dawn l-affarijiet ikomplu jiġru. a Pereżempju, il-gwerra fl-Ukrajna baqgħet għaddejja u din affettwat lil miljuni taʼ nies. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja kienu għadhom qed jirkupraw mill-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, ħafna nies kienu affettwati minn diżastri naturali, bħal terremoti fil-Haiti u maltempati kbar fl-Amerika Ċentrali, il-​Filippini, u l-Afrika. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif għenu lil dawk li ġew affettwati?

 L-organizzazzjoni tagħna pprovdiet għajnuna lil nies li kienu affettwati minn madwar 200 diżastru naturali! B’kollox, infaqna ftit iktar minn €11-il miljun. Ara kif id-donazzjonijiet intużaw biex jgħinu lil dawk li ġew affettwati minn żewġ diżastri.

Terremoti fil-Haiti

 Fl-14 t’Awwissu 2021, terremot taʼ 7.2 laqat il-Haiti. B’dispjaċir mietu żewġ aħwa nisa u ħu. Dawk li baqgħu ħajjin batew minħabba l-ħsara li saret u l-uġigħ emozzjonali. Ħu jismu Stephane jgħid: “Minħabba li mietu ħafna nies, il-funerali damu għaddejjin xahrejn sħaħ.” Ħu ieħor li jismu Éliézer jgħid: “Ħafna aħwa ma kellhomx dar, ħwejjeġ, żraben, u affarijiet bażiċi oħra. In-nies baqgħu jibżgħu għal ħafna xhur minħabba t-terremoti li kien hemm wara.”

 L-organizzazzjoni tagħna malajr kienet lesta li tgħin. Il-fergħa tal-Haiti bagħtet iktar minn 53 tunnellata ikel, kif ukoll kampijiet, tined water-proof, saqqijiet, u chargers tal-mowbajls li jaħdmu bix-xemx. Barra minn hekk, matul is-sena taʼ servizz 2022, iktar minn 100 dar reġgħu nbnew jew ġew irranġati. Madwar miljun ewro ntefqu biex l-aħwa jirċievu din l-għajnuna.

Qed iwasslu l-ikel fil-Haiti

 L-aħwa vera apprezzaw. Lorette tgħid: “It-terremot qered id-dar u n-negozju tagħna. Ma kellna xejn x’nieklu. Imma l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għenitna u tatna kulma kellna bżonn.” Micheline tgħid: “It-terremot għamel ħsara lid-dar fejn konna qed ngħixu jien u t-tfal. Ma kontx naf x’se nagħmel ħlief li nitlob lil Ġeħova, u hu wiġibni permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Issa għandna dar mibnija sew fejn noqogħdu. Jien determinata li nagħmel kulma nistaʼ biex nuri lil Ġeħova kemm napprezza.”

 L-awtoritajiet tal-pajjiż innotaw l-isforzi li għamilna biex ngħinu lill-aħwa. Xi ħadd li jaħdem mal-kunsill lokali taʼ LʼAsile qal: “Ngħidilkom proset taʼ kemm ġejtu tgħinu malajr. Nammirakom għax urejtu rispett lejn l-awtoritajiet. Jien ferħan għax rajt li intom mhux interessati fil-flus imma tridu tgħinu lin-nies. Dak li tagħmlu, tagħmluh bi mħabba.”

Il-Maltempata Ana Tolqot il-Malawi u l-Mozambique

 Fl-24 taʼ Jannar 2022, maltempata bl-isem Ana laqtet il-Mozambique u mbagħad il-Malawi. Il-maltempata ġabet ħafna xita u riħ qawwi. Minħabba f’hekk inqatgħu cables tad-dawl, waqgħu xi pontijiet, u kien hemm għargħar.

 Iktar minn 30,000 Xhud taʼ Ġeħova fil-Malawi u l-Mozambique ġew affettwati minn din il-maltempata. Charles, ħu li għen lil dawk li ġew milquta, qal: “Meta rajt kemm batew l-aħwa u kemm tilfu affarijiet, ħassejtni mdejjaq ħafna.” Iżjed minn hekk, tilfu wkoll il-ftit ikel li kellhom u dak li kienu żergħu fl-għelieqi. Ħafna tilfu d-djar tagħhom. B’dispjaċir, ħu tilef il-mara u żewġt itfal wara li nqalbet id-dgħajsa tas-salvataġġ li kienu fuqha.

Dar li għandha ħafna ħsara taʼ koppja li huma Xhieda, il-Mozambique

Id-dar il-ġdida

 Il-maltempata kienet tal-biżaʼ. Fis-siegħa taʼ filgħodu fi Nchalo, il-Malawi, il-familja Sengeredo semgħu l-ħoss tal-ilma ġej b’saħħtu. Kienu faru żewġ xmajjar! Il-missier iddeċieda li jitilqu mid-dar. Imnalla telqu għax wara ftit id-dar waqgħet. Huma tilfu kollox. Il-familja ddeċidew li jmorru bil-mixi s-Sala tas-Saltna, li hi madwar 30 minuta ’l bogħod mid-dar tagħhom. Imma din id-darba damu sagħtejn. Huma waslu mxarrbin għasra u għajjenin ħafna, imma kienu safe.

 Il-fergħat tal-Malawi u l-Mozambique mill-ewwel bdew jorganizzaw biex jgħinu l-aħwa. Huma qalu lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-anzjani biex jaraw x’għandhom bżonn l-aħwa li ġew affettwati u jinkuraġġuhom. Ħafna Kumitati għall-Għajnuna fid-Diżastri ġew inkarigati biex jgħinu, u huma mill-ewwel bdew jagħtu l-ikel u affarijiet oħrajn li kellhom bżonn l-aħwa. Iktar minn €31,000 intefqu biex jgħinu lin-nies u iktar minn €285,000 intefqu biex jitranġaw jew jerġgħu jinbnew id-djar.

 Il-Kumitati għall-Għajnuna fid-Diżastri użaw il-flus sew u dan kien importanti minħabba l-għoli tal-ħajja. Pereżempju għall-ewwel sebaʼ xhur, il-prezz tad-dqiq, li hu ikel bażiku fil-Malawi, għola b’iktar minn 70 fil-mija. Il-fjuwil għola wkoll. Biex jibżgħu għall-flus, l-aħwa xtraw l-ikel u l-materjal tal-bini mill-pajjiż stess u fi kwantità kbira. B’hekk kellhom prezzijiet aħjar u ma kellhomx iħallsu ħafna flus biex jiħdulhom ix-xogħol.

 In-nies taʼ Ġeħova vera apprezzaw ix-xogħol li sar biex jgħinuhom. Felisberto, ħu mill-Mozambique, jgħid: “Qatt ma rajt organizzazzjoni tagħti daqshekk materjal għall-bini, trasport, ħaddiema, ikel, u direzzjoni bi mħabba. Din l-għajnuna kienet eżempju mill-aqwa tal-imħabba li semma Ġesù fi Ġwanni 13:34, 35.” Ester, armla fil-Malawi li waqgħetilha d-dar, tgħid: “Ħassejtni bla tama għax ma kellix flus biex nibni dar oħra. Allura meta l-aħwa ġew u bnewli oħra ħassejtni diġà qegħedha fil-ġenna tal-art.”

 Iktar ma nersqu lejn id-dinja l-ġdida, iktar se naraw diżastri. (Mattew 24:7, 8) Imma grazzi għad-donazzjonijiet tagħkom, aħna ċerti li n-nies taʼ Ġeħova se jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn. Fuq donate.pr418.com tistaʼ tara kif tagħti donazzjoni. Grazzi tal-ġenerożità tagħkom.

a Is-sena taʼ servizz 2022 bdiet fl-1 taʼ Settembru 2021 u spiċċat fil-31 t’Awwissu 2022.