Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Għajnuna għall-Istudju tal-Bibbja Differenti Ħafna

Għajnuna għall-Istudju tal-Bibbja Differenti Ħafna

1 T’APRIL 2022

 F’Jannar tal-2021, il-Ġemgħa li Tiggverna ħabbret il-ħruġ t’għajnuna ġdida għall-istudju tal-Bibbja, Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! a X’kienet ir-reazzjoni tiegħek għall-avviż? Matthew, mill-Kanada, jgħid: “Kont eċċitat! U l-eċċitament tiegħi kompla jikber waqt it-taħditiet u l-vidjows li spjegaw għala l-pubblikazzjoni nħolqot u kif ġiet ittestjata. Kelli sebaʼ mitt sena biex naraha u nibda nużaha.”

 Il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! introduċa mod ġdid kif nikkonduċu studji tal-Bibbja. Madankollu, din ma kinitx l-uniku differenza bejn il-ktieb il-ġdid u għajnuniet oħra għall-istudju. Jekk tuża kopja printjata tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! forsi indunajt li jinħass differenti wkoll. Biex tkun taf għala, ejja nitgħallmu iktar kif inhu magħmul dan il-ktieb.

Ktieb Ġdid li Jinħass Differenti

 Karta eħxen. Dan għala kien neċessarju? Il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! fih ’il fuq minn 600 stampa bil-kulur, kważi għaxar darbiet iktar mill-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? Il-ktieb il-ġdid għandu wkoll iktar spazju vojt, mingħajr kliem jew stampi. Dawn iż-żewġ fatturi joħolqu problema. Meta l-karta tkun irqiqa, l-istampi fuq il-paġna taʼ wara jkunu jistgħu jidhru, anki jekk ftit. Biex jevitaw dan, aħwa rġiel mid-Dipartiment tal-Istampar Internazzjonali (IPD), f’Walkill, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika, ittestjaw erbaʼ tipi taʼ karti li jintużaw bħalissa fl-istamperiji tagħna. Il-Kumitat tal-Kitba tal-Ġemgħa li Tiggverna eżamina kull tip taʼ karta u għażel l-inqas waħda trasparenti. Għalkemm din il-karta tiswa madwar 16 fil-mija iżjed minn dik li nużaw għall-biċċa l-kbira tal-pubblikazzjonijiet l-oħrajn tagħna, din tippermetti lill-istudenti tal-Bibbja jaqraw kull paġna taʼ Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! mingħajr ma jiġu mfixklin bl-istampi fuq in-naħa l-oħra tal-karta.

Il-paġna tal-lemin turi l-karta użata għall-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!

 Qoxra differenti. Il-qoxra tal-ktieb il-ġdid tinħass differenti mill-qoxra taʼ kotba oħra għax hi miksija b’materjal differenti li jipproteġi. Il-qoxra taʼ dan il-ktieb hi matta u ma tleqqx bħas-soltu. B’hekk l-istampi jispikkaw iktar. Din it-tip taʼ qoxra tgħin ukoll biex il-ktieb ma jikriehx bl-użu. Madankollu, qoxra matta tistaʼ tiswa sa ħames darbiet iktar minn dik li tleqq. Allura diversi fergħat ħadmu flimkien biex jixtru l-materjal b’inqas flus.

Jintuża materjal tajjeb għall-qoxra

 Għala ntagħżel dan il-materjal iktar għoli? Ħu li jaħdem mal-IPD jispjega: “Aħna nistennew li dan il-ktieb jintuża ħafna, allura rriduh jibqaʼ jidher sew anke jekk persuna tużah ħafna.” Eduardo, li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Istampar fil-Brażil, jgħid: “Aħna ferħanin ħafna li naraw kif l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova użat materjal taʼ kwalità tajba biex dan il-ktieb ikun sabiħ, iservi iktar, u pjaċevoli biex timmaniġġjah, waqt li tagħmel użu tajjeb mid-donazzjonijiet.”

L-Ipprintjar Waqt il-Pandemija tal-COVID-19

 Aħna bdejna nipprintjaw il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! f’Marzu 2021. Dan kien matul il-pandemija tal-COVID-19, li ma kinitx nieqsa mill-isfidi. Minħabba l-lockdown f’Betel, l-istamperiji tagħna ma kellhomx l-għajnuna tal-volontieri li jmorru jgħinu hemm u lanqas ma setgħu jistiednu lil aħwa ġodda biex jaqdu bħala Beteliti. B’riżultat taʼ dan, xi stamperiji ma kellhomx biżżejjed nies biex jaħdmu, u oħrajn għalqu b’mod temporanju minħabba restrizzjonijiet tal-gvern.

 Dawn id-diffikultajiet kif ġew megħlubin? Meta l-istamperiji setgħu jaħdmu, aħwa minn dipartimenti oħra taʼ Betel ġew mitlubin biex jgħinu fl-ipprintjar temporanjament. Joel, li jaħdem mal-IPD, jgħid: “L-attitudni taʼ sagrifiċċju tagħhom u li kienu lesti jitgħallmu xogħol ġdid għamluha possibbli biex isir ix-xogħol.”

 Minkejja d-diffikultajiet, aħna diġà pprintjajna miljuni taʼ kopji tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! Biex nipproduċuhom kien hemm bżonn taʼ varjetà kbira taʼ materjal, inkluż pjanċi għall-istampar, materjal għall-qoxra, karta, linka, u kolla. Fl-ewwel ħames xhur biss tal-istampar, intefqu iżjed minn €2.1 miljuni fuq materjali biss. Biex niffrankaw il-flus, qgħadna attenti biex ma nipprintjawx iktar kotba milli għandhom bżonn il-kongregazzjonijiet.

“Biċċa Xogħol tal-Arti”

 L-għalliema tal-Bibbja u l-istudenti tagħhom kif iħossuhom dwar din l-għajnuna ġdida taʼ studju tal-Bibbja? Paul, ħu fl-Awstralja, jgħid: “Tant nieħu pjaċir nuża l-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! li nħossni eċċitat biex nikkonduċi studji tal-Bibbja. Il-mod kif inhu mqassam il-ktieb iħajrek tistudjah u jgħinek tiddiskuti mal-istudent. Fih taħlita eċċellenti taʼ informazzjoni ċara, mistoqsijiet li jmissu l-qalb, vidjows, stampi, ċarts, u miri għall-istudent. Huwa biċċa xogħol tal-arti li tgħinni ntejjeb il-mod kif ngħallem.”

 Student tal-Bibbja fl-Istati Uniti jgħid: “Il-ktieb il-ġdid vera jogħġobni. L-istampi jgħinuni nifhem il-punti prinċipali. Il-vidjows imissuli qalbi u jimmotivawni biex naġixxi.” Dan l-istudent qed jistudja darbtejn fil-ġimgħa u jattendi regolarment il-laqgħat tal-kongregazzjoni.

 Miljuni taʼ kopji tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! għad iridu jiġu printjati b’ħafna lingwi. Fil-fatt, s’issa l-Ġemgħa li Tiggverna approvat li dan il-ktieb jiġi ppubblikat b’710 lingwi, 340 lingwa iktar mill-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu?

 Kif jitħallsu l-ispejjeż tal-ipprintjar? Bid-donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, li ħafna minnhom isiru permezz taʼ donate.pr418.com. Aħna napprezzaw il-ġenerożità tagħkom li tgħinna nipproduċu għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja għal dawk li jridu jitgħallmu dwar Ġeħova u ʼjgħixu ferħanin għal dejjem.ʼ—Salm 22:26.

a Dan ħareġ fil-programm spiritwali li kien hemm fil-laqgħa annwali u li deher fil-JW Broadcasting.