KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Għajnuna lil Vittmi taʼ Diżastri
1 TAʼ FRAR 2021
Fl-2020, madwar id-dinja, kien hemm ħafna diżastri naturali u l-bidu tal-pandemija COVID-19. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif għenu lil dawk affettwati?
Matul is-sena taʼ servizz 2020, a il-Kumitat tal-Koordinaturi tal-Ġemgħa li Tiggverna approva n-nefqa taʼ 23.5 miljun ewro f’għajnuna għal diżastri. Dan ipprovda għajnuna għall-vittmi taʼ iktar minn 200 diżastru—inkluż il-pandemija COVID-19, maltempati tropikali, għargħar fl-Afrika, nuqqas t’ikel fil-Venezwela, u nixfa fiż-Żimbabwe. Id-donazzjonijiet għenu biex jitħallsu l-ikel, l-ilma, il-kenn, l-ilbies, u l-kura medika, kif ukoll affarijiet bażiċi għat-tindif, tiswija, u bini mill-ġdid. Ikkunsidra xi ftit eżempji tax-xogħol li sar bħala għajnuna.
COVID-19. Madwar id-dinja, il-pandemija affettwat lil ħutna fiżikament, emozzjonalment, u ekonomikament. B’hekk, ġew ifformati iktar minn 800 Kumitat għall-Għajnuna fid-Diżastri (DRC) madwar id-dinja. Dawn il-kumitati żammew ruħhom aġġornati mal-bżonnijiet taʼ ħutna u pprovdew rapporti fil-pront li għenu lill-Kumitati tal-Koordinaturi jkunu jafu kif l-aħjar li jagħtu l-għajnuna.
Matul is-sena, id-DRCs għenu lil ħafna biex ikollhom ikel, ilma, affarijiet għat-tindif, u mediċina bażika. F’xi pajjiżi, dawn id-DRCs ħadmu wkoll mal-anzjani tal-lokal biex jgħinu lill-aħwa jieħdu l-għajnuna li jagħti l-gvern.
Nies li mhumiex Xhieda nnotaw l-għajnuna li tajna. Pereżempju, Field Simwinga, il-kummissarju tad-distrett f’Nakonde, Iż-Żambja, qal lil ħutna: “Aħna obbligati lejkom għall-għajnuna fil-ħin li tajtu lill-familji affettwati u li kienet tant meħtieġa.”
Nuqqas t’Ikel fl-Angola. Il-pandemija COVID-19 affettwat il-proviżjonijiet tal-ikel fl-Angola u l-prezzijiet għolew mhux ħażin. Ħafna minn ħutna sabuha iżjed diffiċli biex jixtru l-ikel.
Il-fergħa tal-Brażil intalbet tgħin billi tibgħat pakketti tal-ikel lil ħutna fl-Angola. Biex il-flus mid-donazzjonijiet jintużaw bl-aħjar mod, saret riċerka bir-reqqa biex isibu l-aħjar mezz kif jibagħtu l-ikel u dan inxtara bil-kwantità. B’hekk, kull pakkett tal-ikel kien jiswa biss madwar €19 biex jinxtara u jintbagħat imma kien fih kważi 20 kilo taʼ ross, fażola, u żejt għat-tisjir. Sa llum intbagħtu 33,544 pakkett—total taʼ 654 tunnellata. Flimkien maʼ ikel ieħor tal-lokal, dawn il-proviżjonijiet għenu biex jitimgħu iktar minn 50,000 ruħ!
Ħutna kif iħossuhom dwar din l-għajnuna? Alexandre, li jgħix f’parti iżolata tal-Angola, jgħid: “Din naraha bħala evidenza li Ġeħova jħobbni u li m’iniex waħdi. Jien apprezzat mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova!” Mariza, omm single, tgħid: “Ġeħova semaʼ talbi. Nirringrazzja lilu u lill-organizzazzjoni tiegħu!”
Għajnuna Waqt in-Nixfa għaż-Żimbabwe. Matul is-sena taʼ servizz tal-2020, iż-Żimbabwe ffaċċja nixfa qalila u miljuni taʼ nies batew ġuħ kbir. Eluf taʼ Xhieda fiż-Żimbabwe ma kellhomx biżżejjed x’jieklu.
Ħames DRCs ġew ifformati biex jipprovdu l-ikel għal ħutna. Mijiet taʼ pubblikaturi għenu biex jippakkjaw l-ikel, jgħabbu l-provvisti, jew isellfu l-vetturi tagħhom. b Matul is-sena taʼ servizz tal-2020, intużaw €588,933 biex jgħinu lil iktar minn 22,700 persuna jiġu mitmugħin!
F’xi każi, l-aħwa laħqu spiċċaw l-ikel li kellhom sakemm waslet l-għajnuna. Meta wasal l-ikel, ħutna bdew ifaħħru lil Ġeħova. Xi wħud saħansitra bdew ikantaw l-għanjiet tas-Saltna.
F’naħa waħda taż-Żimbabwe, żewġ aħwa li kienu romlu attendew laqgħa li kienet organizzata biex tiġi diskussa l-għajnuna għall-ikel minn organizzazzjoni mhux governattiva (NGO). Però, iktar m’għadda l-ħin, din il-laqgħa ħadet xejra politika, allura l-aħwa nisa ddeċidew li ma setgħux jagħmlu dak li kien mitlub minnhom biex jirċievu l-għajnuna. Huma u ħerġin mil-laqgħa, bdew jitwaqqgħu għaċ-ċajt u qalulhom, “Ara ma tiġux għal xi ikla mingħandna!” Iżda ġimagħtejn biss wara, ix-Xhieda taʼ Ġeħova waslu f’dak il-post u ġabu l-ikel lil ħutna—ħafna qabel ma waslet l-għajnuna tal-NGO!
L-għajnuna fiż-Żimbabwe wasslet ukoll għal xhieda tajba. Pereżempju, ejja naraw l-esperjenza taʼ Prisca, li toqgħod f’raħal żgħir. Minkejja d-diffikultajiet minħabba n-nixfa, Prisca kienet tħalli kull nhar t’Erbgħa u Ġimgħa għall-ippritkar, anke fi żmien meta jaħartu r-rabaʼ. In-nies tal-villaġġ tagħha kienu jwaqqgħuha għaċ-ċajt u jgħidulha: “Int se toqtol lill-familja tiegħek bil-ġuħ minħabba l-ippritkar.” Prisca kienet twiġibhom: “Ġeħova qatt ma naqas lill-qaddejja tiegħu.” Ftit wara, hi rċeviet l-għajnuna mill-organizzazzjoni tagħna. Dan impressjona lil ftit mill-ġirien tagħha li qalu lil Prisca: “Alla dejjem kien miegħek, allura rridu nitgħallmu iżjed dwaru.” Sebgħa minn dawn il-ġirien issa qed jisimgħu l-laqgħat tal-kongregazzjoni li jixxandru fuq ir-radju.
Iktar ma nersqu lejn it-tmiem, aħna se nkomplu niffaċċjaw diżastri naturali. (Mattew 24:3, 7) Id-donazzjonijiet ġenerużi tagħkom li jsiru b’metodi differenti u li jinsabu fuq donate.pr418.com huma apprezzati bil-kbir. Dawn jipprovdu għajnuna effettiva u fil-ħin.