Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Il-Konvenzjoni għal Dawk li M’għandhomx Aċċess għall-Internet

Il-Konvenzjoni għal Dawk li M’għandhomx Aċċess għall-Internet

1 T’AWWISSU 2021

 Il-​konvenzjoni reġjonali tal-​2020 kienet storika għax kienet l-​ewwel konvenzjoni globali rekordjata u disponibbli permezz tal-​Internet! Madankollu, fil-​Malawi u l-​Mozambique, il-​biċċa l-​kbira minn ħutna kellhom aċċess għall-​konvenzjoni mingħajr ma użaw l-​Internet. Dan kif kien possibbli?

 Il-​kumitati tal-​Koordinaturi u tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna approvaw ix-​xandir tal-​konvenzjoni permezz tat-​televixin u r-​radju fil-​Malawi u l-​Mozambique, u din kienet eċċezzjoni. Għala kien hemm dan il-​bżonn? Il-​Malawi huwa wieħed mill-​postijiet fid-​dinja fejn l-​ispejjeż tal-​Internet huma għaljin ħafna. B’hekk ftit huma x-​Xhieda li jistaʼ jkollhom aċċess għall-​Internet. Membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Malawi, William Chumbi, spjega: “Ir-​radju u t-​televixin kienu l-​uniku mezz biex jitqassam dan l-​ikel spiritwali lill-​aħwa.” Luka Sibeko, li wkoll jaqdi fil-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Malawi, ikompli jgħid: “Kieku ma stajniex nirċivuh permezz tat-​televixin u r-​radju, ftit aħwa biss fit-​territorju tagħna setgħu jibbenefikaw mill-​konvenzjoni.” Anke fil-​Mozambique, ftit aħwa setgħu jaffordjaw mobile jew tablet adattata, aħseb u ara l-​Internet.

Isiru l-​Arranġamenti

 Minħabba l-​pandemija tal-​COVID-​19, ċerti stazzjonijiet tat-​televixin u tar-​radju kienu diġà qed ixandru l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. a Ħutna kkuntattjaw dawn l-​istazzjonijiet u talbuhom iktar ħin biex jittrasmettu l-​konvenzjoni.

 Fil-​Malawi, ħutna ffaċċjaw sfida. Ġeneralment, l-​istazzjonijiet tax-​xandir jagħtu siegħa biss taʼ xandir lill-​klijenti tagħhom. Huma jinkwetaw li programmi itwal jistgħu ma jżommux l-​attenzjoni tal-​udjenza. Imma ħutna spjegaw li x-​xogħol tagħna huwa servizz pubbliku. Anke matul il-​lockdown, aħna qegħdin nagħtu lin-​nies aħbar tajba taʼ faraġ mill-​Bibbja, li tistaʼ tgħin lin-​nies ikunu ċittadini tajbin u jkollhom familja ferħana. Meta semgħu dan, l-​istazzjonijiet aċċettaw it-​talba taʼ ħutna għal iktar ħin.

 Fil-​Malawi, il-​konvenzjoni ġiet imxandra minn stazzjon tat-​televixin u ieħor tar-​radju. Dawn l-​istazzjonijiet huma disponibbli fil-​pajjiż kollu u miljuni taʼ nies jistaʼ jkollhom aċċess għalihom. Fil-​Mozambique, il-​konvenzjoni ġiet imxandra minn stazzjon tat-​televixin u 85 stazzjon tar-​radju.

 Fiż-​żewġ pajjiżi, total taʼ €23,928 ntefqu biex tiġi mxandra l-​konvenzjoni permezz tat-​televixin u kważi €17,000 biex tiġi mxandra bir-​radju. L-​ispejjeż tar-​radju varjaw bejn €13 għal stazzjon żgħir u €2,354 għal stazzjon għall-​pajjiż kollu.

 Ħutna ħadmu iebes biex jużaw id-​donazzjonijiet bl-​aħjar mod. Fil-​Malawi, pereżempju, irnexxielhom jinnegozjaw rati iktar baxxi, inkluż skont taʼ 30 fil-​mija. Ġew iffrankati €1,450 b’dawn l-​iskonti. Fil-​Mozambique, xi stazzjonijiet kienu lesti li jniżżlu l-​prezz minħabba r-​reputazzjoni tajba tagħna tal-​onestà u l-​puntwalità tal-​pagamenti tagħna.

Espressjonijiet taʼ Gratitudni

 Ħutna apprezzaw ħafna li jaraw jew jisimgħu l-​konvenzjoni fuq stazzjonijiet lokali. Patrick, anzjan mill-​Malawi, jgħid: “Nirringrazzjaw lill-​aħwa tal-​Ġemgħa li Tiggverna għal dak kollu li għamlu għalina matul il-​pandemija.” Isaac, mill-​Malawi wkoll, jgħid: “M’għandniex mobiles jew tablets, għalhekk konna grati ħafna għall-​provvediment speċjali mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex nisimgħu l-​konvenzjoni minn fuq ir-​radju. B’hekk, il-​familja tiegħi kollha bbenefikat mill-​konvenzjoni. Dan qisnieh bħala prova tal-​imħabba taʼ Ġeħova għan-​nies tiegħu.”

 Għal pubblikatur mill-​Mozambique, il-​konvenzjoni tal-​2020 kienet l-​ewwel waħda. Hu jgħid: “L-​arranġament biex nara l-​konvenzjoni fuq it-​televixin fakkarni li Ġeħova hu l-​Alla li jistaʼ kollox. Il-​pandemija ma żammitux milli jagħtina ikel spiritwali biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha propju mill-​kamra tiegħi stess. Rajt evidenza tal-​imħabba fost il-​poplu taʼ Ġeħova. Jien konvint li din hi r-​reliġjon il-​vera.”

 Anzjan ieħor jismu Wyson jgħid: “Nixtieq nesprimi l-​gratitudni lejn il-​mod li l-​ilsir leali ħa ħsiebna matul il-​pandemija. Dan il-​provvediment li jkollna l-​konvenzjoni mxandra bir-​radju u t-​televixin għen lil ħafna minna li m’għandniex ħafna flus f’din il-​parti fqira tad-​dinja biex ikollna l-​programm u nibbenefikaw minnu.”

 Għall-​konvenzjoni reġjonali tal-​2021, il-​kumitati tal-​Koordinaturi u tat-​Tagħlim reġgħu għamlu eċċezzjoni biex il-​konvenzjoni tixxandar bit-​televixin u bir-​radju f’xi komunitajiet. Kif inkopru l-​ispejjeż biex inxandru l-​konvenzjoni b’dan il-​mod? Bid-​donazzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja, li ħafna minnhom isiru permezz taʼ metodi differenti li nsibu fuq donate.pr418.com. Grazzi għall-​kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom!

a Iktar kmieni fl-​2020, il-​Kumitat tal-​Koordinaturi approva li jxandar il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni bit-​televixin u bir-​radju f’xi lokalitajiet matul il-​pandemija tal-​COVID-​19. Dan il-​provvediment għen lil dawk li m’għandhomx aċċess għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni lokali jew JW Stream minħabba li jgħixu f’komunitajiet fejn l-​Internet u s-​servizz tal-​mobile mhumiex daqstant disponibbli u l-​prezz tagħhom huwa għoli. Madankollu, dan l-​arranġament mhuwiex għal dawk il-​komunitajiet li jistgħu jaqbdu mal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni lokali.