Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-​DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Kanzunetti li Jressquna Eqreb Lejn Alla

Kanzunetti li Jressquna Eqreb Lejn Alla

1 TAʼ NOVEMBRU 2021

 Il-​mużika hi rigal sabiħ mingħand Ġeħova. Din tistaʼ taffettwa l-​ħsibijiet tagħna, tbiddlilna l-​burdata, u timmotivana. Dan hu propju li jagħmlu l-​kanzunetti oriġinali. Infatti, dawn il-​kanzunetti jistgħu jagħmlu saħansitra iżjed: iressquna eqreb lejn Ġeħova.

 Mill-​2014 ’l hawn, ħarġu ’l fuq minn 70 kanzunetta oriġinali, u issa minn tal-​inqas waħda minn dawn il-​kanzunetti hija disponibbli f’iktar minn 500 lingwa! Forsi taħseb, ‘Min jaħdem fuq dawn il-​kanzunetti, u kif jipproduċuhom?ʼ

Ħarsa minn Wara l-​Kwinti

 Il-​kanzunetti oriġinali jiġu prodotti mit-​tim tal-​mużika fis-​Servizzi tal-​Awdjo u tal-​Vidjow, li jaħdem taħt id-​direzzjoni tal-​Kumitat tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna. It-​tim tal-​mużika hu magħmul minn 13-​il ħu u oħt li jgħinu fil-​kompożizzjoni, fl-​inġinerija tal-​mużika, fix-​xogħol tal-​ippjanar, u fi kwalunkwe xogħol ieħor li jkun hemm bżonn. Iktar minn hekk, il-​Kumitat tat-​Tagħlim approva volontieri li jaħdmu part-​time mid-​dar minn madwar id-​dinja biex jgħinu f’dan ix-​xogħol, inkluż kompożituri, mużiċisti, u kantanti. Dawn l-​aħwa b’umiltà jużaw it-​talenti tagħhom mingħajr ma jistennew li jkunu magħrufin personalment għax-​xogħol li jagħmlu.

 Kanzunetta oriġinali kif tiġi prodotta? L-​ewwel, il-​Kumitat tat-​Tagħlim jiddeċiedi l-​bażi Skritturali għall-​kanzunetta u kif suppost li jħossu min jismagħha. It-​tim tal-​mużika mbagħad jagħti l-​inkarigi għall-​kompożizzjoni tal-​mużika u għall-​kitba tal-​lirika. Imbagħad jiġi ppreparat rekording tal-​kanzunetta. Dan jisimgħu l-​Kumitat tat-​Tagħlim u jipprovdi iżjed suġġerimenti. Wara dan, it-​tim tal-​mużika jaġġusta l-​kanzunetta u jirrekordja l-​aħħar verżjoni. Dawn il-​kanzunetti jiġu rekordjati f’diversi lokalitajiet, inkluż faċilitajiet tal-​fergħa u fi djar tan-​nies li jkollhom apparat tar-​rekording.

 Biex jikkomponu u jirrekordjaw kanzunetti oriġinali, ħutna jużaw programmi tal-​kompjuter differenti. Ix-​xogħol jirrikjedi wkoll li jintuża apparat bħal strumenti mużikali, mikrofoni, amplifiers, speakers, u mixing consoles. Il-​mikrofoni jistgħu jiswew minn madwar €89 sa iktar minn madwar €886 kull wieħed. Fl-​2020, infaqna madwar €103,000 f’apparat biex nirrekordjaw il-​mużika.

 Xi sforzi qegħdin isiru għall-​aħjar użu tal-​fondi? Minflok ma jkollna tim tal-​mużika kbir fil-​Betel, jintużaw ħafna volontieri li jaħdmu part-​time mid-​dar. Ukoll, minflok ma ħafna mużiċisti jiltaqgħu flimkien biex jirrekordjaw, ħutna spiss jikkomponu u jipproduċu l-​mużika b’mod diġitali.

’Iżommu l-​Fidi b’Saħħitha’

 L-​aħwa jħobbu jisimgħu l-​kanzunetti oriġinali. Tara, li toqgħod il-​Ġermanja, tgħid: “Il-​kanzunetti jgħinuni nirrilassa meta nkun ansjuża. Li nismagħhom bil-​lingwa tiegħi qisu bħal tgħanniqa mingħand Ġeħova.” Ħu li jismu Dmitry mill-​Każakistan jgħid: “Nieħu pjaċir nismaʼ l-​kanzunetti mingħajr ma jkolli għalfejn ninkwieta jekk jaqblux mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Iktar minn hekk, il-​kanzunetti jgħinuni nibqaʼ ffokat fuq affarijiet spiritwali.”

 Delia, fl-​Afrika t’Isfel, tiddeskrivi kif tħossha dwar il-​kanzunetti oriġinali: “Dawn il-​kanzunetti jżommuli l-​fidi b’saħħitha. Meta nkun imnikkta jew niffaċċja sitwazzjoni diffiċli, dejjem ikun hemm kanzunetta li taqbel perfettament mas-​sitwazzjoni tiegħi. Spiss, il-​melodiji tal-​kanzunetti biss ikunu biżżejjed biex ibiddluli l-​mod kif inħossni!”

 Xi kanzunetti oriġinali saru favoriti għal xi wħud. Lerato, fl-​Afrika t’Isfel ukoll, jgħid: “Il-​kanzunetti ‘Wara l-​kantuniera’ u ‘The New World to Come’ jgħinuni nimmaġina lili nnifsi meta se nilqaʼ lura lill-​għażiża ommi. Kull darba li nismaʼ dawn il-​kanzunetti, naraha tiġri lejja bi jdejha miftuħa.”

 Kanzunetta oriġinali waħda kienet speċjalment t’għajnuna għal żagħżugħa mis-​Sri Lanka. Hi tgħid: “L-​għalliema tiegħi tax-​xjenza ċanfritni quddiem il-​klassi talli jiena waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jien bżajt u ma kontx naf x’naqbad ngħid. Meta mort id-​dar, ommi inkuraġġietni nismaʼ l-​kanzunetta ‘Studju jqawwik.’ Il-​kanzunetta għenitni nirrealizza li kelli bżonn nagħmel riċerka u nipprepara tweġiba. Il-​ġurnata taʼ wara, tkellimt mal-​għalliema. Hi semgħetni u qaltli kemm issa tifhem aħjar it-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Nirringrazzja lill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tipprovdilna kanzunetti inkuraġġanti bħal dawn.”

 L-​ispejjeż biex jiġu prodotti dawn il-​kanzunetti kif jiġu koperti? Permezz taʼ donazzjonijiet lix-​xogħol taʼ madwar id-​dinja, li ħafna minnhom isiru permezz tal-​metodi li nsibu fuq donate.pr418.com. Grazzi tal-​kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom.