KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Miljuni Jibbenefikaw mill-Uffiċċji tat-Traduzzjoni
1 TAʼ MARZU 2021
Iktar minn 60 fil-mija tat-timijiet tagħna tat-traduzzjoni li jaħdmu full-time jaħdmu f’uffiċċji tat-traduzzjoni (RTO) u mhux f’xi uffiċċju tal-fergħa. Dan l-arranġament għala huwa taʼ benefiċċju? X’apparat għandhom bżonn it-tradutturi biex jaħdmu b’mod effettiv f’RTO? Il-post minn fejn jaħdmu t-tradutturi kif jaffettwa l-kwalità tat-traduzzjoni tagħhom?
RTO jagħmilha possibbli biex it-tradutturi jgħixu f’post fejn in-nies jitkellmu bil-lingwa tat-tradutturi. Karin, traduttriċi tal-Low German, tispjega: “Kemm ilna li morna fl-RTO taʼ Cuauhtémoc, Chihuahua, il-Messiku, il-ħin kollu nitkellmu bil-Low German mat-tradutturi sħabna u fil-ministeru, kif ukoll meta mmorru nixtru. Aħna mdawrin b’nies li jitkellmu din il-lingwa. Nisimgħu espressjonijiet idjomatiċi li konna ilna ma nisimgħu, u nżommu ruħna aġġornati mal-vokabolarju li jużaw in-nies.”
James, li jaħdem mat-tim tat-traduzzjoni tal-lingwa Frafra fil-Ghana, jammetti li kultant jimmissja li ma jkunx mal-familja taʼ Betel fil-fergħa. Imma jgħid ukoll: “Inħobb naħdem fl-RTO. Imissli qalbi meta nipprietka bil-lingwa tal-lokal u nara kif in-nies jirreaġixxu għall-aħbar tajba.”
Ħutna kif jagħżlu l-post minn fejn jaħdem RTO? “Sfida waħda li niffaċċjaw hi li xi postijiet ma jkollhomx biżżejjed elettriku jew ilma jew l-aċċess għall-Internet li hu meħtieġ biex jirċievu l-materjal għat-traduzzjoni,” jgħid Joseph, membru tad-Dipartiment tal-Ippjanar u l-Kostruzzjoni Madwar id-Dinja f’Warwick, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika. “Allura meta nistabbilixxu RTO, aħna nikkunsidraw iktar minn post wieħed fejn il-lingwa tiġi mitkellma.”
B’mod ġenerali, l-iktar għażla faċli u rħisa tkun li l-RTO isir f’Sala tal-Assemblea, f’Sala tas-Saltna, jew f’dar tal-missjunarji li jkunu disponibbli u li għalihom it-tradutturi jkunu jistgħu jivvjaġġaw faċilment. Jekk l-ebda post minn dawn ma jkun disponibbli, l-aħwa għandhom mnejn jirċievu l-permess biex jixtru appartamenti jew spazju minn uffiċċju fejn it-tradutturi jistgħu jaħdmu u jgħixu. Jekk ikun hemm bżonn, dawn il-postijiet faċilment jistgħu jinbiegħu u l-flus jintużaw fejn l-iktar hemm bżonn.
Lesti Biex Inkomplu bix-Xogħol
Matul is-sena taʼ servizz tal-2020, infaqna madwar 11-il miljun ewro għall-użu tal-RTOs. It-timijiet fl-RTOs għandhom bżonn kompjuters, software speċjalizzat, apparat għar-rekording, aċċess għall-Internet, u affarijiet bażiċi bħal ilma u elettriku. Pereżempju, l-ispiża għal kompjuter komplut b’kollox tistaʼ titlaʼ għal madwar €600 għal kull persuna. Il-kompjuters huma armati b’software kummerċjali u bil-Watchtower Translation System, programm li jgħin lit-tradutturi jorganizzaw xogħolhom u jkollhom aċċess għal materjal taʼ referenza b’mod faċli.
Ukoll, it-tradutturi jingħataw apparat għar-rekording fl-uffiċċju. Dan l-apparat kien t’għajnuna kbira meta bdiet il-pandemija COVID-19, għax ħafna tradutturi setgħu jiħduh magħhom id-dar u jkomplu jirrekordjaw it-traduzzjoni taʼ materjal miktub u vidjows.
Volontieri lokali spiss jgħinu billi jirrivedu pubblikazzjonijiet tradotti, kif ukoll jieħdu ħsieb il-faċilitajiet tal-RTOs. Cirstin, li jaqdi fl-Afrikaans RTO f’Cape Town, l-Afrika t’Isfel, jgħid, “Ħafna pubblikaturi u pijunieri regulari għandhom l-opportunità li jużaw it-talenti tagħhom hawn.”
Dawn il-volontieri jieħdu pjaċir bil-privileġġ li għandhom. Oħt li tgħin f’RTO tgħid li hu bħal “nifs t’arja friska” li taħdem hemm. Xi aħwa tal-lokal jintużaw għar-rekordings. Juana, li tittraduċi bit-Totonac, fl-istat taʼ Veracruz, il-Messiku, tgħid: “Issa li aħna eqreb tal-villaġġi li jitkellmu bil-lingwa tagħna, huwa eħfef għal iktar aħwa biex jirrekordjaw il-pubblikazzjonijiet tagħna bl-awdjo u bil-vidjow.”
Imma l-RTOs għenu biex il-kwalità tat-traduzzjoni titjieb? Ħafna mill-miljuni taʼ qarrejja tagħna jgħidu iva. Cédric, li jaħdem mat-tim tal-Kongo fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, jgħid: “Xi aħwa kienu jsejħu l-mod kif nittraduċu bil-Kongo ‘l-Kongo tal-pubblikazzjonijiet tat-Torri tal-Għassa,’ għax ma kienx l-istess bħall-Kongo li kien jiġi mitkellem. Imma issa jgħidu li l-pubblikazzjonijiet tagħna qed jiġu tradotti bil-Kongo modern, il-lingwa li jużaw in-nies taʼ kuljum.”
Andile, li jaħdem mat-tim tax-Xhosa, semaʼ xi ħaġa simili fl-Afrika t’Isfel. Hu jgħid: “Ħafna jgħidulna li nnotaw bidla fit-traduzzjoni. Anke t-tfal li qabel kienu jaqraw It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż issa jaqrawh bix-Xhosa. Huma jħobbu speċjalment kif it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ġiet riveduta b’mod naturali.”
L-ispejjeż kollha assoċjati biex jiġu stabbiliti l-RTOs, biex jieħdu ħsiebhom, u jkun hemm ħaddiema fihom huma kollha provduti minn donazzjonijiet volontarji lix-xogħol taʼ madwar id-dinja, inkluż dawk li jsiru minn fuq donate.pr418.com.