KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Ngħinu lil Dawk li M’Għandhomx Biżżejjed
1 T’OTTUBRU 2020
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu xogħol importanti f’iżjed minn 200 pajjiż. Imma madwar 35 pajjiż biss jirċievu biżżejjed donazzjonijiet biex jieħdu ħsieb l-ispejjeż. Allura kif jitħallsu l-ispejjeż taʼ pajjiżi li m’għandhomx biżżejjed flus?
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova tara x’għandhom bżonn l-aħwa madwar id-dinja biex jaqdu lil Ġeħova u jippritkaw l-aħbar tajba. Għalhekk jagħmlu budget u jużaw il-flus bl-aħjar mod. Jekk fergħa tirċievi iżjed flus milli għandha bżonn, hi tistaʼ tgħin lil pajjiżi li m’għandhomx biżżejjed. Dan hu l-istess bħalma kienu jagħmlu l-Kristjani tal-bidu, li kienu jgħinu lil xulxin “biex kulħadd ikun indaqs.” (2 Korintin 8:14) Huma kienu jużaw il-flus żejda tagħhom biex jgħinu lil dawk li ma kellhomx biżżejjed.
Kif iħossuhom l-aħwa li rċivew il-flus minn fergħat oħra? Pereżempju, fit-Tanzanija iżjed minn nofs tal-popolazzjoni jgħixu b’inqas minn €2 kuljum. Allura mill-flus li rċivew irranġaw is-Sala tas-Saltna li tintuża mill-Kongregazzjoni taʼ Mafinga. Il-kongregazzjoni kitbet: “Kemm ilna li rranġajna l-hall, qed jiġu ħafna iżjed nies għal-laqgħat! Aħna napprezzaw ħafna l-ġenerożità tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u tal-aħwa madwar id-dinja. Dan għenna biex ikollna post sabiħ fejn jaqdu lil Ġeħova.”
Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, xi aħwa fis-Sri Lanka ma kellhomx biżżejjed ikel. Waħda minnhom hi Imara Fernando u t-tifel tagħha Enosh. Grazzi għad-donazzjonijiet minn pajjiżi oħra, huma rċivew l-għajnuna li kellhom bżonn. Huma għamlu kard u fuqha kitbu “Nirringrazzjaw lill-aħwa talli wrewna l-imħabba f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Aħna ferħanin ħafna li nagħmlu parti minn din il-familja. U qed inkomplu nitolbu lil Ġeħova biex jgħin lill-aħwa kollha f’dawn l-aħħar żminijiet.”
Jgħixu fejn jgħixu l-aħwa, huma jiġu mmotivati biex jaqsmu dak li għandhom m’oħrajn. Pereżempju, Enosh għamel kaxxa żgħira biex fiha jfaddal il-flus ħalli jkun jistaʼ jagħti donazzjonijiet għal familji fil-bżonn. Anke Guadalupe Álvarez tixtieq tgħin bl-istess mod. Hi tgħix f’parti tal-Messiku fejn ħafna nies ma jaqilgħux flus. Hi tgħid: “Nirringrazzja lil Ġeħova għal qalb tajba u l-imħabba tiegħu. Jien naf li d-donazzjoni tiegħi se tiżdied maʼ donazzjonijiet oħrajn u se tkun t’għajnuna għall-aħwa fil-bżonn.”
Il-fergħat jieħdu pjaċir jibagħtu l-flus lil postijiet fejn hemm il-bżonn. Anthony Carvalho, li jaqdi fil-Kumitat tal-Fergħa tal-Brażil, jgħid: “Għal ħafna snin, fil-Brażil kellna bżonn l-għajnuna minn pajjiżi oħra. Minħabba din l-għajnuna, stajna naraw żieda kbira. Issa li s-sitwazzjoni tagħna nbidlet, għandna l-privileġġ li ngħinu lil oħrajn. L-aħwa fil-Brażil jaraw ix-xogħol tal-ippritkar li qed isir madwar id-dinja u jaraw kif jistgħu jgħinu.”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif jistgħu jgħinu lil ħuthom bl-aħjar mod? Huma ma jibagħtux il-flus lil xi fergħa f’pajjiż ieħor, imma jagħtu d-donazzjonijiet lix-xogħol taʼ madwar id-dinja. Jistgħu jagħmlu dan bil-kaxxa tal-kontribuzzjoni bl-isem “Għax-Xogħol taʼ Madwar id-Dinja” jew fuq donate.pr418.com. Aħna napprezzaw id-donazzjonijiet kollha.