Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Tikek li Jbiddlu l-​Ħajjiet

Tikek li Jbiddlu l-​Ħajjiet

1 T’OTTUBRU 2021

 ‘Probabbilment ħafna mill-​qarrejja tagħna jafu lil xi persuni li huma neqsin mid-​dawl,ʼ qalet il-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Ġunju 1912. ‘Huma jistgħu jakkwistaw x’jaqraw b’xejn . . . . Din il-​letteratura għal persuni neqsin mid-​dawl hi printjata b’karattri mqabbżin li huma jistgħu jaqraw.’ It-​Torri tal-​Għassa żied jgħid: ‘Ħafna mill-​persuni li huma neqsin mid-​dawl japprezzaw bil-​kbir il-​messaġġ li d-​dinja se tkun mimlija b’barkiet sbieħ.’

 Meta dan il-​kliem ġie miktub, ma kienx għad hemm sistema universali bl-​Ingliż tal-​Braille. Madankollu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu diġà qed jagħmlu l-​verità tal-​Bibbja disponibbli ‘b’karattri mqabbżin’—jiġifieri bil-​Braille. U hekk għadna nagħmlu! Issa għandna letteratura bil-​Braille disponibbli b’iktar minn 50 lingwa. Dan kif isir?

Gruppi li fihom tikka sa sitt tikek imqabbżin jirrappreżentaw ittri. Is-​sitt tikek imqabbżin huma rranġati f’matrix jew cell

Kitba Mibdula għall-​Braille

 L-​ewwel pass biex ikollna kitba bil-​Braille hu li tbiddel il-​kliem f’karattri tal-​Braille. Michael Millen, li jaħdem fit-​Text Processing Services f’Patterson, New York, jispjega, “Fil-​passat konna nużaw softwer kummerċjali biex inbiddlu l-​kitba għall-​Braille, imma dan ma stajniex nużawh għal-​lingwi kollha li kellna bżonn. Issa nużaw il-​Watchtower Translation System li tissapportja l-​bidla tal-​kitba għall-​Braille f’ħafna mil-​lingwi li jeżistu. Jien nemmen li mkien m’hemm programm ieħor bħalu.”

 Il-​letteratura bil-​Braille ma tinkludix biss il-​kliem tal-​pubblikazzjoni imma wkoll id-​deskrizzjonijiet tal-​istampi. Pereżempju, l-​istampa tal-​qoxra tal-​edizzjoni bil-​Braille tal-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! hija deskritta b’dan il-​mod: ‘Raġel jibda jimxi f’mogħdija li sserrep u mdawra b’ħaxix sabiħ, għoljiet, u muntanji.’ Jamshed, qaddej ministerjali u pijunier li hu persuna nieqes mid-​dawl, jgħid, “Dawn id-​deskrizzjonijiet tal-​istampi huma imprezzabbli għalija.”

 Wara li l-​kitba tiġi mibdula, din tintbagħat lil uffiċċji tal-​fergħa li jagħmlu pubblikazzjonijiet bil-​Braille. Hemmhekk, il-​pubblikazzjoni tiġi trasferita għal karattri mqabbżin fuq karta b’saħħitha li la tittaqqab u lanqas titlef il-​forma tagħha bl-​użu. Wara dan, il-​paġni jitpoġġew flimkien u jitwaħħlu permezz taʼ ħadida jew plastik fil-​ġenb. Imbagħad din il-​konsenja tintbagħat mal-​letteratura regulari tal-​kongregazzjoni jew jintuża servizz b’xejn għal-​letteratura għal dawk neqsin mid-​dawl, jekk l-​uffiċċju tal-​posta jkollu dan is-​servizz. Meta jkun hemm il-​bżonn, il-​fergħat saħansitra jirranġaw biex din tintbagħat malajr ħafna ħalli aħwa li huma neqsin mid-​dawl ikollhom il-​pubblikazzjonijiet li jkollhom bżonn għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

 Għal dan ix-​xogħol kollu hemm bżonn ħafna ħin u flus. Fil-​fatt, l-​istamperija tagħna f’Wallkill, New York, tipproduċi 50,000 Bibbja mhux bil-​Braille fl-​istess żmien li tieħu biex isiru żewġ Bibbji biss bil-​Braille. Kull Bibbja bil-​Braille Ingliż ikun fiha 25 volum, u l-​materjal biex isiru jiswa 123 darba iktar milli jkun hemm bżonn għal Bibbja mhux bil-​Braille. Il-​qoxra biss għal sett taʼ 25 volum tiswa madwar €133!

It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​Braille bl-​Ingliż fiha 25 volum!

 Dawk li jgħinu biex jipproduċu l-​pubblikazzjonijiet bil-​Braille kif iħossuhom dwar xogħolhom? Nadia, li taqdi fil-​fergħa tal-​Afrika t’Isfel, tgħid: “Ħutna rġiel u nisa li huma neqsin mid-​dawl m’għandhomx ħajja faċli, allura nħoss li hija barka li tagħmel xi ħaġa li tgħinhom. Jidher ċar li Ġeħova jħobbhom ħafna.”

Tgħallem Aqra l-​Braille

 Imma xi ngħidu jekk persuna nieqsa mid-​dawl ma tafx taqra l-​Braille? Xi ftit snin ilu, aħna ħriġna workbook jismu Tgħallem Aqra l-​Braille li fih kemm il-​Braille kif ukoll il-​kliem stampat. Hu ddisinjat biex persuna li tara u persuna nieqsa mid-​dawl jużawh flimkien. Il-​browxer huwa parti minn kit li tinkludi positive slate u stylus. Il-​persuna li titgħallem il-​Braille tuża dawn l-​għodod biex timmarka hi stess l-​ittri bil-​Braille. Dawn l-​eżerċizzji jgħinu lill-​persuna tiftakarhom iżjed u tagħrafhom meta tħosshom b’subgħajha.

“Ma Ngħaddix Mingħajrhom”

 Ħutna rġiel u nisa li huma neqsin mid-​dawl kif ibbenefikaw minn dawn il-​pubblikazzjonijiet? Ernst, li jgħix il-​Haiti, kien jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, imma ma kellux pubblikazzjonijiet bil-​Braille. B’hekk kellu jistrieħ ħafna fuq dak li jiftakar biex jagħmel it-​taħditiet u jikkummenta waqt il-​laqgħat meta jkun hemm mistoqsija u tweġiba. Hu jgħid: “Imma issa nistaʼ ngħolli idi u nagħti l-​kummenti meta rrid. Tassew inħossni parti mill-​bqija tal-​aħwa. Ilkoll kemm aħna qed nirċievu l-​istess ikel spiritwali!”

 Jan huwa anzjan nieqes mid-​dawl fl-​Awstrija u jikkonduċi l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa u l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni. Hu jgħid: “Il-​pubblikazzjonijiet tagħna huma ħafna iktar ċari minn pubblikazzjonijiet bil-​Braille li qatt qrajt. Pereżempju, aħna għandna n-​numri tal-​paġni, in-​noti taʼ taħt li huma faċli biex issibhom, u d-​deskrizzjonijiet preċiżi tal-​istampi.”

 Seon-​ok, pijuniera fil-​Korea t’Isfel, hi nieqsa kemm mid-​dawl kif ukoll mis-​smigħ. Fil-​passat kienet tiddependi minn sinjali bl-​idejn (tactile signing) fil-​laqgħat, imma issa tistaʼ taqra għajnuniet bil-​Braille biex tistudja l-​Bibbja waħedha. Hi tgħid: “Pubblikazzjonijiet oħrajn bil-​Braille jistgħu jkunu diffiċli biex taqrahom għax ikollhom xi tikek neqsin, il-​linji jkunu mgħawġin, jew il-​karta tkun irqiqa wisq. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova jużaw karta taʼ kwalità aħjar u jagħmlu t-​tikek iktar prominenti. Dan jagħmilha iżjed faċli għalija biex naqra.” Hi tkompli tgħid: “Qabel, kont nistaʼ nistudja pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja bl-​għajnuna taʼ ħaddieħor biss. Iżda issa, nistaʼ nistudja waħdi. Jagħmilni ferħana li nistaʼ nipprepara għal-​laqgħat Kristjani taʼ kull ġimgħa u li nipparteċipa bis-​sħiħ fihom. Jien naqra l-​pubblikazzjonijiet bil-​Braille kollha. Tistaʼ tgħid li ma ngħaddix mingħajrhom.”

 Bħal-​letteratura pprintjata tagħna, il-​pubblikazzjonijiet bil-​Braille jinkludu din l-​istqarrija: “Din il-​pubblikazzjoni mhijiex għall-​bejgħ. Hija provduta bħala parti minn xogħol edukattiv tal-​Bibbja mad-​dinja kollha appoġġjat minn donazzjonijiet volontarji.” Grazzi talli tagħmlu dawn id-​donazzjonijiet permezz tal-​metodi deskritti fuq donate.pr418.com. Il-​ġenerożità tagħkom tgħin biex l-​ikel spiritwali jkun disponibbli għal kulħadd, inkluż għal persuni neqsin mid-​dawl.