GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | TROBBIJA TAT-TFAL
It-Tfal u l-Ismartphones—L-Ewwel Parti: Għandhom it-Tfal Tiegħi Jkollhom Smartphone?
Ħafna tfal illum għandhom smartphone, a u ħafna minnhom jużawh biex jidħlu fuq l-Internet meta jkunu waħedhom. X’inhuma l-perikli li tħalli lit-tfal tiegħek ikollhom smartphone? X’inhuma l-vantaġġi? Kemm għandek tħallihom iqattgħu ħin fuqu kuljum?
Dak li għandek tkun taf
Il-Vantaġġi tal-Mowbajl
Protezzjoni għat-tfal, serħan tal-moħħ għall-ġenituri. Bethany, omm taʼ żewġt itfal teenagers, tgħid hekk: “Aħna ngħixu f’dinja perikoluża. Għalhekk, huwa importanti li t-tfal ikunu jistgħu jċemplu lill-ġenituri fi xħin iridu.”
Omm jisimha Catherine ssemmi vantaġġ ieħor. Hi tgħid: “Jeżistu apps li tkun taf fejn qegħdin it-tfal tiegħek.”
Jgħin lit-tfal fix-xogħol tal-iskola. Omm jisimha Marie tgħid: “It-tfal jirċievu l-homework b’e-mails jew b’messaġġi, u jistgħu jżommu kuntatt mat-teacher b’dan il-mod.”
Il-Perikli tal-Mowbajl
Il-ħin twil li jqattgħu fuqu. Ħafna żgħażagħ illum iqattgħu sigħat twal kuljum fuq il-mowbajl. Infatti ħafna ġenituri qed iqattgħu ħin fuq il-mowbajl daqs kemm iqattgħu ħin jikkomunikaw mat-tfal. Xi familji tant saru moħħhom fil-mowbajl li espert wieħed qal hekk: “Il-familji spiċċaw qishom grupp taʼ nies li jgħixu fl-istess dar imma li kulħadd moħħu fuq il-mowbajl.” b
Il-pornografija. Skont studju wieħed, iktar minn nofs it-teenagers ifittxu għall-pornografija kull xahar. Dan in-numru ma jissorprendiniex meta naħsbu kemm hu faċli li wieħed jara l-pornografija fuq il-mowbajl. William, missier taʼ żewġ teenagers, jgħid: “Meta l-ġenituri jħallu lit-tfal tagħhom ikollhom smartphone, bla ma jridu jkunu qed jagħtu lit-tfal tagħhom aċċess għal kull tip taʼ pornografija.”
Ma jgħaddux mingħajru. Ħafna nies tant huma ffissati fuq il-mowbajl li ma jgħaddux mingħajru. Meta ma jkunux jistgħu jsibu l-mowbajl, huma jgħidu li jħossuhom ippanikjati, ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, u anki jħossuhom ma jifilħux. Xi ġenituri nnotaw li meta t-tfal tagħhom ikunu qed jużaw il-mowbajl, isiru pastażi. Carmen tgħid: “Ġieli meta t-tifel tiegħi jkun qed juża l-mowbajl u jkolli bżonn inkellmu, jgħolli għajnejh jew igerger għax inkun telliftu.”
Perikli oħrajn. Perikli li jġib miegħu l-użu tal-ismartphone hu s-cyberbullying u s-sexting. Ukoll, jistaʼ jwassal għal problemi taʼ saħħa. Dan minħabba l-pożizzjoni ħażina li dak li jkun joqgħod meta jkun qed juża l-mowbajl u nuqqas taʼ rqad. Xi żgħażagħ qed jużaw ukoll app li tissejjaħ “ghost app.” Dawn l-apps fuq il-mowbajl ikunu jidhru normali, bħal pereżempju calculator, imma ġo fihom ikun hemm affarijiet li t-tfal ikunu jridu jaħbu mill-ġenituri tagħhom.
Daniel, missier taʼ teenager, jgħid hekk: “Smartphone jagħmilha faċli għat-tfal biex jaraw kemm affarijiet tajbin u kemm affarijiet ħżiena fuq l-Internet.”
X’għandek tistaqsi?
‘It-tfal tiegħi għandhom bżonn smartphone?’
Il-Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.” (Proverbji 14:15) B’dan il-vers f’moħħok, saqsi lilek innifsek:
‘Għall-protezzjoni tat-tfal jew raġunijiet oħra jkun tajjeb li t-tifel jew it-tifla tiegħi jkollha smartphone? Ħsibt dwar il-vantaġġi u l-perikli? Nistaʼ nuża xi ħaġa oħra flok smartphone?’
“Illum għadek issib tixtri mowbajls li mhumiex smartphones li bihom xorta tistaʼ ċċempel jew tibgħat messaġġ lit-tfal. U dawn jiswew ħafna inqas flus,” jgħid missier jismu Todd.
‘It-tifel jew it-tifla tiegħi lesta għal din ir-responsabbiltà?’
Il-Bibbja tgħid: “L-għerf taʼ min hu prudenti huwa li jifhem triqtu.” (Proverbji 14:8) B’dan il-vers f’moħħok, saqsi lilek innifsek:
‘X’jikkonvinċini li nistaʼ nafda lit-tifel tiegħi? c It-tifel tiegħi jitkellem miegħi dwar kollox? Hu dejjem ikun onest miegħi, bħal pereżempju jgħidli min huma l-ħbieb tiegħu? Jurini li għandu bilanċ meta juża affarijiet bħat-televixin, it-tablet, jew il-laptop?’ “Smartphone jistaʼ jkun t’għajnuna kbira, imma jistaʼ jkun taʼ periklu kbir ukoll. Aħseb fir-responsabbiltà li se tagħti lit-tfal tiegħek meta huma f’età daqshekk tenera,” tgħid omm jisimha Serena.
‘Lest jien għal din ir-responsabbiltà?’
Il-Bibbja tgħid: “Ħarreġ tifel skond it-triq xierqa għalih.” (Proverbji 22:6) B’din l-iskrittura f’moħħok, saqsi lilek innifsek:
‘Bħala ġenitur x’naf fuq il-mowbajl li forsi nagħti lit-tifel tiegħi? Kapaċi nfiehmu u ngħinu jevita l-perikli li fih? Naf kif nissettja l-parental controls li fih il-mowbajl? Kif se ngħin lit-tifel tiegħi jieħu deċiżjonijiet tajbin meta juża l-mowbajl?’ Daniel, missier li diġà ssemma, jgħid: “B’dispjaċir, ħafna ġenituri jagħtu l-ismartphones lit-tfal tagħhom u ma jiċċekkjawx xi jkunu qed jagħmlu t-tfal fuqu.”
L-iktar ħaġa importanti: Biex it-tfal jużaw l-ismartphone b’mod responsabbli għandhom bżonn it-trejning. Il-ktieb Indistractable jgħid: “Ħafna tfal ma jafux kemm għandhom iqattgħu ħin fuq il-mowbajl, iktar u iktar jekk il-ġenituri ma jkunux jafu x’inhuma jagħmlu fuqu jew ma jagħtuhomx pariri kif għandhom jużawh.”