Mur fil-kontenut

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | TROBBIJA TAT-TFAL

Kif Tkun Missier Tajjeb

Kif Tkun Missier Tajjeb

 X’inhi r-responsabbiltà taʼ missier?

  •   Qabel titwieled it-tarbija. It-tip taʼ raġel miżżewweġ li int bħalissa juri x’tip taʼ missier se tkun. Il-ktieb Do Fathers Matter? jgħid:

     “Missier x’aktarx se jkun iktar t’għajnuna għall-mara u t-tarbija wara li titwieled jekk jgħin lill-mara biex jixtru l-affarijiet għat-tarbija, jiħodha għall-appuntamenti għand it-tabib, u jara u jismaʼ t-tarbija fuq l-ultrasound.”

     “Ma ridtx li matul it-tqala l-mara tħossha waħedha, għalhekk għamilt li stajt biex ngħinha. Aħna għamilna l-kamra tat-tarbija flimkien. Meta konna qed nippreparaw l-affarijiet għat-tarbija, kien żmien speċjali għalina t-tnejn.”—James.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.

  •   Wara li titwieled it-tarbija. Meta terfaʼ t-tarbija u tilgħab magħha se ssir close tagħha. Għin lill-mara tieħu ħsieb it-tarbija. Dak li tagħmel bħala missier se jkollu effett fuq it-tarbija meta tikber. Meta tkun close tat-tarbija se turi li hi prezzjuża għalik.

     “Inżel għal-livell tat-tfal u ilgħab magħhom. Tkunx serju magħhom. Iċċajta u daħħaqhom. Ftakar li t-tfal jitgħallmu x’inhi l-imħabba mill-ġenituri.”—Richard.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “It-tfal huma wirt mingħand Ġeħova; it-tfal huma rigal mingħand Alla.”—Salm 127:3.

  •   Meta tikber it-tarbija. Studjużi sabu li meta t-tfal ikunu close maʼ missierhom imorru aħjar l-iskola, ikollhom inqas problemi emozzjonali, u x’aktarx ikun hemm inqas ċans li jaqgħu għad-droga u jagħmlu affarijiet oħra kontra l-liġi. Ħu l-ħin biex tibni ħbiberija tajba mat-tfal tiegħek.

     “It-tifel tiegħi qalli li l-iktar ħaġa li se jimmissja la jitlaq mid-dar hi l-konversazzjonijiet li jkollna meta nkunu fil-karozza jew meta nkunu qed nieklu. L-iktar konversazzjonijiet importanti li kellna kienu meta ma kontx qed nistenniehom. U kelli din l-opportunità għax qattajna ħafna ħin flimkien.”—Dennis.

     Dak li tgħid il-Bibbja: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod.”—Efesin 5:15, 16.

 Il-missier għala hu importanti?

 Ħafna nies jistennew li l-missier jieħu ħsieb u jipproteġi l-familja, waqt li l-omm tara li l-familja tkun kuntenta. (Dewteronomju 1:31; Isaija 49:15) Kultant il-missier u l-omm jagħmlu ż-żewġ affarijiet. Imma studjużi jgħidu li l-missier u l-omm it-tnejn jagħtu xi ħaġa importanti biex il-familja tirnexxi. a

 Biex tispjega dan, Judith Wallerstein li hi studjuża tal-familja tgħid x’ġara fil-familja tagħha stess. Hi kitbet: “Meta t-tifla tiegħi taʼ tnax-il sena tajritha karozza, hi riedet li missierha jitlaʼ fl-ambulanza magħha għax kienet tafdah iktar biex jieħu ħsiebha. Iktar tard meta kienet l-isptar, hi riditni noqgħod ħdejha l-ġurnata kollha biex ma tkunx waħedha.” b

 “Missier jistaʼ jgħin il-familja tħossha protetta, xi ħaġa li omm tistaʼ ssibha diffiċli biex tagħmel waħedha. Fl-istess ħin, omm tgħin lit-tfal tagħha jħossu li tħobbhom u tifhimhom. Il-missier u l-omm jaħdmu flimkien bħala team.”—Daniel.

 Dak li tgħid il-Bibbja: “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.”—Proverbji 1:8.

 Il-missirijiet u t-tfal bniet

 Int bħala missier, għallem it-tifla tkun taf kif għandha tiġi trattata mill-irġiel. It-tifla tistaʼ titgħallem kif b’dawn iż-żewġ modi:

  •   Billi tara kif int tittratta lil ommha. Meta turi li tħobb u tirrispetta l-mara tiegħek, it-tifla tara l-kwalitajiet importanti li għandha tfittex f’raġel meta tkun tixtieq tiżżewweġ.—1 Pietru 3:7.

  •   Billi tara kif int tittratta lilha. Meta tirrispetta lit-tifla, int tgħallimha tirrispetta lilha nfisha. Hi titgħallem ukoll li rġiel oħrajn għandhom jittrattawha bl-istess mod.

     Imma meta missier il-ħin kollu jara l-ħażin fit-tifla, hi tistaʼ tibda tħossha ma tiswa xejn u tfittex l-attenzjoni mingħand irġiel oħra li jkollhom intenzjonijiet ħżiena.

     “Tifla li jkollha l-imħabba u l-għajnuna taʼ missierha għandha inqas ċans li tibda tħobb raġel li m’għandux kwalitajiet tajbin għaż-żwieġ.”—Wayne.

a Ħafna ommijiet irnexxielhom irabbu t-tfal mingħajr raġel.

b Mill-ktieb The Unexpected Legacy of Divorce.