Mur fil-kontenut

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA

Meta koppja ma jaqblux bejniethom

Meta koppja ma jaqblux bejniethom

 Il-fatt li koppja tqis l-affarijiet differenti minn xulxin, jistaʼ jkun diffiċli ħafna. Dawn l-affarijiet jistgħu jkunu dak li jħobbu jagħmlu, id-drawwiet, u l-karattru tagħhom. Imma ċerti kwistjonijiet, bħal dawn li ġejjin, jistgħu jkunu ikbar:

  •   Kemm se tqattgħu ħin maʼ tal-familja

  •   Kif se tqassmu l-flus

  •   Jekk hux se jkollkom tfal

 X’tistaʼ tagħmel jekk int u l-persuna l-oħra fiż-żwieġ ma taqblux bejnietkom?

 Dak li għandek tkun taf

 Li taqbel ma xi ħadd ma jfissirx li trid taħsibha eżatt bħalu. Koppji li jaqblu ħafna bejniethom xorta ma jaqblux f’kollox, anki fi kwistjonijiet serji.

 “Trabbejt f’familja li tħobb tqattaʼ ħafna ħin flimkien. Fil-weekends, konna nkunu man-nanniet, zijiet, u kuġini. Il-familja tar-raġel mhumiex imdorrijin hekk. Allura għandna opinjonijiet differenti dwar kemm għandna nqattgħu ħin maʼ tal-familja jew kemm indumu nikkomunikaw mal-qraba li joqogħdu ’l bogħod.”—Tamara.

 “Peress li jien u l-mara trabbejna differenti minn xulxin, ma naħsbuhiex l-istess dwar kif għandna nonfqu l-flus. Għall-ewwel ftit xhur li żżewwiġna, kellna xi ftit argumenti dwar dan. Fil-fatt, kellna nitkellmu diversi drabi dwar dan biex wasalna għal soluzzjoni.”—Tyler.

Tnejn min-nies jistgħu jaraw l-istess veduta imma jkollhom opinjonijiet differenti minn xulxin dwarha. L-istess jistaʼ jingħad dwar kwistjoni li koppja ma taqbilx dwarha

 Kultant hu diffiċli biex issib it-triq tan-nofs. Pereżempju, xi ngħidu jekk xi ħadd mill-kunjati jimrad u hemm bżonn min idur bih? Jew xi ngħidu jekk xi ħadd minnkom irid it-tfal imma l-persuna l-oħra ma tridx? a

 “Jien u l-mara tkellimna fit-tul dwar jekk irridux tfal. Hi baqgħet taħseb dwar dan, u iktar kemm jgħaddi żmien iktar qed naħsbuha differenti minn xulxin. Mhux qed nara li nistgħu naqblu fuq dan.”—Alex.

 Jekk koppja jħarsu lejn l-affarijiet b’mod differenti, ma jfissirx li ż-żwieġ ħa jfalli. Xi esperti jgħidu li jekk koppja mhix taqbel fuq kwistjonijiet serji, mela dak li jkun għandu jagħmel kulma jistaʼ biex tgħaddi tiegħu, anki jekk dan ifisser li jinħall miż-żwieġ. Imma din “is-soluzzjoni” tagħti wisq importanza lis-sentimenti tiegħek u ftit li xejn lill-wegħda li għamilt quddiem Alla dwar li tibqaʼ mal-persuna li żżewwiġt.

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Kun determinat li żżomm mal-wegħda taż-żwieġ tiegħek. Meta żżomm dan f’moħħok, se tgħin biex issolvu l-problemi flimkien, u mhux kontra xulxin.

 Prinċipju Bibliku: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.

 Ara x’jinvolvi. Pereżempju, ejja ngħidu li xi ħadd minnkom irid it-tfal imma l-ieħor ma jridx. Hemm diversi affarijiet x’tistaʼ tikkunsidra, fosthom:

  •   Kemm hu b’saħħtu ż-żwieġ.

     Iż-żwieġ tiegħek jiflaħ għal aktar stress li jiġi milli trabbi t-tfal?

  •   Ir-responsabbiltà taʼ li tkun ġenitur.

     Biex trabbi t-tfal hemm bżonn iktar minn ikel, ħwejjeġ, u saqaf fuq rashom.

  •   Il-qagħda finanzjarja.

     Tistaʼ ssib bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja, u affarijiet bżonjużi oħra?

 Prinċipju Bibliku: “Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jikkalkula l-ispejjeż?”—Luqa 14:28.

 Ikkunsidra l-aspetti kollha tal-kwistjoni. Għandu mnejn jirnexxilkom issolvu xi kwistjonijiet li ma taqblux fuqhom. Pereżempju, jekk il-kwistjoni hi dwar jekk hux se jkollkom tfal, il-persuna li ma tixtieqx tistaʼ ssaqsi lilha nfisha:

  •   ‘Meta ngħid li ma rridx tfal, irrid ngħid li qatt ma rrid jew mhux għalissa?

  •   ‘Jien ninsab bejn ħaltejn għax għandi d-dubji jekk nistax inkun ġenitur tajjeb?’

  •   ‘Qed nibżaʼ li se niġi mwarrab jekk ikollna t-tfal?’

 Mill-banda l-oħra, il-persuna li trid it-tfal tistaʼ taħseb fuq dawn il-mistoqsijiet:

  •   ‘Aħna lesti li nerfgħu r-responsabbiltà taʼ li nkunu ġenituri?’

  •   ‘Naffordjaw l-ispejjeż li jiġu biex inrabbu t-tfal?’

 Prinċipju Bibliku: “L-għerf li ġej minn fuq . . . hu raġunevoli.”—Ġakbu 3:17.

 Fittex it-tajjeb fl-opinjoni tal-persuna l-oħra. Tnejn min-nies jistgħu jaraw l-istess ħaġa, imma jkollhom opinjonijiet differenti minn xulxin dwarha. Bl-istess mod, koppja tistaʼ tħares lejn kwistjoni u kull wieħed ikollu ħsieb differenti dwarha—bħal kif għandhom jintnefqu l-flus. Sabiex tiddiskuti kwistjonijiet li ma taqblux fuqhom, ibda b’dak li taqblu dwaru.

  •   Fuq liema miri taqblu?

  •   X’hemm pożittiv f’kull opinjoni?

  •   Sabiex iż-żwieġ jibqaʼ b’saħħtu, jistaʼ xi ħadd minnkom jew it-tnejn li intom tbiddlu l-opinjoni?

 Prinċipju Bibliku: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.

a Il-koppja għandha tiddiskuti kwistjonijiet serji qabel tiżżewweġ. Minkejja dan, jistgħu jinqalgħu ċirkustanzi mhux mistennijin, jew is-sentimenti taʼ xi ħadd mill-koppja jistgħu jinbidlu maż-żmien.—Ekkleżjasti 9:11.