Mur fil-kontenut

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA

Tkellem mat-tfal dwar l-alkoħol

Tkellem mat-tfal dwar l-alkoħol

 “L-ewwel darba li tkellimna mat-tifla dwar l-alkoħol, kellha sitt snin. Ma stennejniex li se tkun taf daqshekk dwar l-alkoħol.”—Alexander.

 Dak li għandek tkun taf

 Huwa importanti ħafna li titkellem mat-tfal dwar l-alkoħol. Toqgħodx tistenna sakemm isiru żgħażagħ. Missier jismu Khamit fir-Russja jgħid: “Kien ikun aħjar kieku tkellimna mat-tifel dwar l-alkoħol meta kien żgħir. Kien biss wara li għaddejna minn esperjenza diffiċli li fhimt kemm dan kien importanti. Sirt naf li taʼ 13-il sena, it-tifel kien diġà qed jixrob l-alkoħol b’mod regolari.”

 Għala għandek għalfejn tinkwieta?

  •   It-tfal tal-iskola, ir-riklami, u t-televixin jistgħu jeffettwaw il-mod kif it-tfal tiegħek iqisu l-alkoħol.

  •   Studju tal-ESPAD, li sar fl-2015, jgħid li 80 fil-mija miż-żgħażagħ taħt l-età f’Malta xorbu l-alkoħol fl-aħħar 12-il xahar. Ħafna studenti jixorbu taʼ spiss u 47 fil-mija minnhom sikru fl-aħħar xahar.

 Mhix taʼ sorpriża li uffiċjali tas-saħħa jinkuraġġixxu lill-ġenituri biex jgħallmu t-tfal minn età żgħira dwar il-perikli tal-alkoħol. Kif tistaʼ tagħmel dan?

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Aħseb minn qabel dwar il-mistoqsijiet li jistgħu jqajmu uliedek. It-tfal żgħar huma kurjużi, u iktar ma jikbru iktar isiru kurjużi. Għalhekk ikun tajjeb li tipprepara kif tistaʼ twiġibhom. Pereżempju:

  •   Jekk it-tifel jew tifla tiegħek tixtieq tkun taf x’togħma għandu l-alkoħol, tistaʼ tgħidilha li l-inbid qisu juice qares u l-birra jkollha togħma naqra morra.

  •   Jekk it-tifel jew it-tifla tixtieq idduq l-alkoħol, int tistaʼ tgħidilha li l-alkoħol hu taʼ ħsara għat-tfal. Semmi l-effetti tiegħu: L-alkoħol jistaʼ jġiegħlek tħossok rilassat, imma ħafna alkoħol jistaʼ jistordik, iġiegħlek tagħmel affarijiet bla sens, u tgħid affarijiet li iktar tard jiddispjaċik li tkun għedthom.—Proverbji 23:29-35.

 Kun aġġornat. Il-Bibbja tgħid: “Kulmin hu prudenti se jaġixxi bl-għarfien.” (Proverbji 13:16) Kun af x’inhuma l-effetti tal-alkoħol u dwar il-liġijiet u l-limiti legali tal-alkoħol f’pajjiżek. Imbagħad, int se tkun preparat sew biex tgħin lil uliedek.

 Ħu l-inizjattiva biex titkellem dwar is-suġġett. “It-tfal jistgħu ma jkollhomx fehma ċara dwar l-alkoħol,” jgħid Mark, missier fil-Brittanja. “Staqsejt lit-tifel, li għandu tmien snin, jekk kienx tajjeb li jixrob l-alkoħol. Jien kellimtu b’mod li hu setaʼ jħossu rilassat, u dan għenu jesprimi ruħu b’mod onest.”

 Int se jkollok riżultat aħjar jekk titkellem dwar is-suġġett tal-alkoħol iktar minn darba. Waqt li żżomm f’moħħok l-età t’ibnek jew bintek, inkludi s-suġġett tal-alkoħol meta tkun qed tgħallimhom affarijiet importanti oħra bħas-sigurtà fit-toroq u l-edukazzjoni dwar is-sess.

 Kun t’eżempju. It-tfal qishom sponża—huma jixorbu kull ħaġa li jaraw u jisimgħu—u r-riċerka tindika li l-ġenituri huma l-iktar uħud li jinfluwenzaw lil uliedhom. Dan ifisser li jekk int iddur għall-alkoħol biex tikkalma jew tneħħi l-istress, it-tifel jew tifla tiegħek se tifhem li l-alkoħol hu s-soluzzjoni għall-istress tal-ħajja. Allura kun t’eżempju. Agħmel ċert li int tixrob l-alkoħol b’mod responsabbli.

L-eżempju tiegħek se jeffettwa l-mod kif uliedek iqisu l-alkoħol