Mur fil-kontenut

IMITA L-FIDI TAGĦHOM | ĠONATAN

“M’hemmx xi jfixkel lil Ġeħova”

“M’hemmx xi jfixkel lil Ġeħova”

Immaġina grupp żgħir taʼ suldati maqtugħin għalihom li qed jagħmlu l-għassa fuq art viċin irdum niexef kollu blat. Minn hemmhekk, dawn is-suldati Filistin f’Mikmax jaraw xi ħaġa li tiġbdilhom l-attenzjoni: Żewġ irġiel Iżraelin kienu qed jidhru ċar fuq in-naħa l-oħra tal-irdum. Is-suldati bdew jgħaddu ż-żmien bihom—ma rawhomx taʼ theddida għalihom. Il-Filistin kellhom awtorità fuq l-Iżraelin għal żmien twil. Tant hu hekk li l-Iżraelin lanqas biss setgħu jsinnu l-għodod tal-ħadid tagħhom mingħajr ma jmorru għand il-Filistin, li kienu l-għedewwa tagħhom. Għalhekk is-suldati Iżraelin ma kellhomx armi sura. Barra minn hekk, dawn kienu biss żewġ min-nies! U anki kieku kienu armati, xi ħsara setgħu jagħmlu? Bi nkejja, il-Filistin qalulhom: “Itilgħu ħdejna, u nurukom xi ħaġa!” Huma kien mingħalihom se jgħallmuhom lezzjoni.—1 Samwel 13:19-23; 14:11, 12.

Fil-fatt, huma kienu dawk li se jitgħallmu lezzjoni u mhux l-Iżraelin. Iż-żewġ Iżraelin niżlu, qasmu l-irdum, u bdew telgħin lejn il-Filistin. L-irdum tant kien wieqaf li kellhom jużaw idejhom u saqajhom biex jitilgħu, imma huma baqgħu telgħin b’ħeffa dritt lejn is-suldati! (1 Samwel 14:13) Il-Filistin setgħu jaraw li r-raġel li kien fuq quddiem kien armat u li taʼ warajh kien qed iġorrlu l-armi. Imma kien dan verament beħsiebu jattakka grupp sħiħ taʼ suldati? Kien jaf għal xiex dieħel?

Iva. Hu kien raġel li kellu fidi kbira. Hu kien jismu Ġonatan, u l-istorja tiegħu għadha tkun t’għajnuna għall-Kristjani veri llum. Għalkemm ma niħdux sehem fil-gwerer, hemm ħafna x’nitgħallmu minn Ġonatan. Hu kien kuraġġuż, leali, u ma kienx jaħseb fih innifsu. Dawn huma kollha kwalitajiet li għandna bżonn sabiex ikollna fidi b’saħħitha.—Isaija 2:4; Mattew 26:51, 52.

Iben leali u suldat kuraġġuż

Biex nifhmu għala Ġonatan mar jattakka lis-suldati Filistin, irridu nitgħallmu ftit dwar il-background tiegħu. Ġonatan kien it-tifel il-kbir taʼ Sawl, l-ewwel sultan t’Iżrael. Meta Sawl ġie midluk bħala sultan, Ġonatan kien diġà kellu madwar 20 sena jew iktar. Milli jidher, Ġonatan kellu relazzjoni tajba maʼ missieru. U missieru kien jafdah. Dak iż-żmien, Ġonatan ma kienx jaf lil missieru biss bħala raġel twil, sabiħ, u bħala gwerrier kuraġġuż. Imma aktar importanti minn hekk, kien jafu wkoll bħala raġel umli li kellu l-fidi. Ġonatan setaʼ jifhem għala Ġeħova għażel lil missieru, Sawl, biex ikun sultan. Il-profeta Samwel saħansitra qal li ma kien hemm ħadd bħal Sawl fost in-nies kollha!—1 Samwel 9:1, 2, 21; 10:20-24; 20:2.

Ġonatan żgur li ħassu onorat li jkun taħt it-tmexxija taʼ missieru waqt li jiġġieled kontra l-għedewwa tal-poplu taʼ Ġeħova. Dawn il-gwerer ma kinux bħall-gwerer li hemm bejn pajjiż u ieħor illum. Dak iż-żmien, Ġeħova għażel il-poplu taʼ Iżrael biex jirrappreżentah, u dan kien kontinwament jiġi attakkat minn popli oħra li jqimu allat foloz. Il-Filistin, li kienu korrotti minħabba li kienu jqimu allat bħal dawn, fosthom alla Dagon, spiss provaw jaħqru jew saħansitra jeqirdu lill-poplu magħżul taʼ Ġeħova.

Allura, għal Ġonatan, li jiġġieled kontra dawn il-popli kien parti mis-servizz leali tiegħu lil Alla Ġeħova. U Ġeħova bierek l-isforzi taʼ Ġonatan. Ftit wara li Sawl sar sultan, hu ta lil ibnu awtorità fuq 1,000 suldat, u Ġonatan, flimkien maʼ dawn is-suldati attakka lill-għassa tal-Filistin f’Geba. Għalkemm ma kinux armati sew, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, huma rebħu. Imma min-naħa tagħhom, il-Filistin ingħaqdu flimkien u ffurmaw armata kbira. Ħafna mis-suldati taʼ Sawl twerwru. Xi wħud ħarbu u staħbew, u oħrajn saħansitra marru man-naħa tal-għedewwa! Imma l-kuraġġ taʼ Ġonatan qatt ma naqas.—1 Samwel 13:2-7; 14:21.

Fil-ġurnata li ġiet deskritta fil-bidu taʼ dan l-artiklu, Ġonatan iddeċieda li jitlaq inkiss inkiss lejn Mikmax flimkien mal-qaddej li kien iġorrlu l-armi. Hekk kif waslu viċin il-grupp taʼ suldati li kienu qed jagħmlu l-għassa f’Mikmax, Ġonatan qal lil dak li kien qed iġorrlu l-armi x’kien il-pjan tiegħu. Huma kienu se jħallu lis-suldati Filistin jarawhom. U jekk jisfidawhom biex jitilgħu kontrihom, dan kien ikun sinjal li Ġeħova se jgħinhom. Il-qaddej tiegħu mill-ewwel qabel, x’aktarx bl-għajnuna tal-kliem inkuraġġanti taʼ Ġonatan: “M’hemmx xi jfixkel lil Ġeħova milli jsalvana b’ħafna jew bi ftit.” (1 Samwel 14:6-10) X’ried ifisser b’dan il-kliem?

Milli jidher, Ġonatan kien jafu sew lil Alla. Bla dubju hu kien jaf li fil-passat, Ġeħova għen lin-nies tiegħu jirbħu kontra għedewwa li kienu jaqbżuhom sew fl-ammont. Xi drabi Hu uża saħansitra persuna waħda biex iġib rebħa. (Imħallfin 3:31; 4:1-23; 16:23-30) Allura Ġonatan kien jaf li l-qaddejja t’Alla ma kinux jirbħu minħabba l-ammont, is-saħħa, jew l-armi tagħhom, imma minħabba l-fidi li kellhom. Allura, Ġonatan, bil-fidi, ħalla lil Ġeħova jagħżel jekk kellhomx jattakkaw il-grupp taʼ suldati. U hu għażel sinjal li bih Ġeħova setaʼ jurih li kellu jattakka. Meta Ġeħova urieh dan is-sinjal, Ġonatan bla biżaʼ mar jattakka.

Innota żewġ aspetti tal-fidi taʼ Ġonatan. L-ewwel, hu kellu rispett kbir għal Alla Ġeħova. Hu kien jaf li Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux bżonn is-saħħa tan-nies biex iwettaq l-iskop tiegħu. Minkejja dan, Ġeħova jieħu pjaċir ibierek lil dawk li jaqduh b’lealtà. (2 Kronaki 16:9) It-tieni, Ġonatan fittex sinjal taʼ direzzjoni mingħand Ġeħova qabel ma ħa azzjoni. Illum, aħna ma nistennewx xi sinjal taʼ barra minn hawn mingħand Ġeħova biex naraw x’jixtieqna nagħmlu. Però, grazzi għall-Bibbja, li hi ispirata minn Alla, aħna għandna kulma neħtieġu biex inkunu nafu x’jixtieq Ġeħova. (2 Timotju 3:16, 17) Nikkunsidraw aħna l-Bibbja sew qabel ma nieħdu deċiżjoni importanti? Jekk iva, bħal Ġonatan, aħna nkunu qed nuru li jinteressana iktar minn dak li jrid Ġeħova milli minn dak li rridu aħna.

Ġonatan u l-qaddej tiegħu issa bdew telgħin b’ħeffa lejn il-grupp taʼ suldati. Il-Filistin, li fl-aħħar kienu rrealizzaw li se jiġu attakkati, bagħtu s-suldati biex jiġġieldu kontra ż-żewġ irġiel. Il-Filistin mhux talli kienu iktar fl-ammont, imma kellhom vantaġġ ukoll għax kienu fl-għoli, allura ma kellhomx idumu ma jeħilsu minnhom. Imma Ġonatan beda jattakka suldat wara l-ieħor. U l-qaddej li ġarrlu l-armi beda joqtolhom warajh. Iż-żewġ irġiel ma damux ma qatlu 20 suldat! U Ġeħova għamel xi ħaġa oħra. Naqraw: “Imbagħad seħħ tregħid fil-kamp fir-rabaʼ u fost in-nies kollha taʼ l-għassa; u l-forza armata li kienet toħroġ tisraq u tħarbat triegħdet, u l-art bdiet titheżżeż, u ġara li dan kien tregħid minn Alla.”—1 Samwel 14:15.

Ġonatan mar jattakka lil grupp sħiħ taʼ suldati armati flimkien mal-qaddej tiegħu

Mill-bogħod, Sawl u s-suldati tiegħu setgħu jaraw li nqalaʼ ġenn sħiħ fost il-Filistin, tant li bdew anki jattakkaw lil xulxin! (1 Samwel 14:16, 20) L-Iżraelin għamlu kuraġġ u marru jattakkaw, x’aktarx bl-armi li ħadu mingħand il-Filistin li kienu diġà nqatlu. Ġeħova għen lill-poplu tiegħu jkollu rebħa kbira. U hu ma nbidilx minn dak iż-żmien eċitanti. Jekk nafdaw fih, bħalma għamel Ġonatan u l-qaddej tiegħu, qatt mhu se jkollna għal xiex jiddispjaċina għall-għażliet li nagħmlu.—Malakija 3:6; Rumani 10:11.

“Kien m’Alla li ħadem”

Għalkemm rebħu, Sawl ma tantx kellu għal xiex jifraħ. Għala? Sawl kien għamel żbalji gravi. Hu kien wera diżubbidjenza lejn Samwel, il-profeta magħżul t’Alla, billi offra sagrifiċċju li kellu joffrih il-profeta, li kien ukoll Levita. Meta Samwel wasal fuq il-post, hu qal lil Sawl li minħabba li m’obdiex, ma kienx se jdum imexxi bħala sultan. Imbagħad, Sawl, qabel ma bagħat lis-suldati għall-gwerra, hu ġegħelhom jaħilfu xi ħaġa bla sens. Hu qal: “Misħut ir-raġel li jiekol il-ħobż qabel fil-għaxija u sakemm inkun għamilt vendetta mill-għedewwa tiegħi!”—1 Samwel 13:10-14; 14:24.

Kliem Sawl juri li kien qed jinbidel għall-agħar. Kien dan ir-raġel umli u spiritwali qed isir egoist u rasu iebsa? Wara kollox, Ġeħova qatt ma kkmanda li ssir xi ħaġa mhux raġonevoli bħal din, li kienet se tillimita lil dawn is-suldati ħabrieka u kuraġġużi. U xi ngħidu dwar kliem Sawl meta qal, “sakemm inkun għamilt vendetta mill-għedewwa tiegħi”—kien hu qed jaħseb li r-rebħa kienet se tkun bis-saħħa tiegħu? Kien hu qed jinsa li l-iktar ħaġa importanti kienet li tintwera l-ġustizzja taʼ Ġeħova u mhux ix-xewqa tiegħu għar-rebħa, unur, u vendetta?

Ġonatan ma kienx jaf li missieru għamel din il-ħalfa bla sens. U wara dik il-battalja intensa, li ħallietu bla saħħa, hu bill it-tarf tal-bastun tiegħu f’xehda għasel u ħa ftit; u mill-ewwel tah l-enerġija. Imbagħad wieħed mis-suldati tiegħu qallu dwar il-ħalfa li missieru ġegħelhom jagħmlu. U Ġonatan wieġeb: “Missieri għamel il-ħsara lill-pajjiż. Araw, jekk jogħġobkom, kif xegħlu għajnejja għaliex doqt dan il-ftit għasel. Kemm kienet tkun akbar ir-rebħa llum kieku n-nies imqar kielu mill-priża li sabu taʼ l-għedewwa tagħhom! Għax issa l-qatla fuq il-Filistin mhix kbira.” (1 Samwel 14:25-30) Ġonatan kellu raġun. U għalkemm kien leali lejn missieru, ma kienx sempliċiment jaqbel maʼ kull ħaġa li jgħid jew jagħmel, u din il-ħarsa bilanċjata għenitu biex oħrajn jirrispettawh.

Meta Sawl sar jaf li Ġonatan kien kiser din il-ħalfa, hu xorta m’ammettiex li l-kmand tiegħu kien bla sens. Mhux talli hekk, imma talli ried li ibnu stess jiġi maqtul! Ġonatan ma qagħadx jargumenta miegħu jew jitolbu biex jurih ħniena. Il-mod kif wieġeb kien impressjonanti. Bla ma qagħad jaħseb fih innifsu, qal: “Hawn jien! Ħa mmut!” Imma l-Iżraelin qalu: “Ġonatan se jmut, li wettaq salvazzjoni kbira bħal din f’Israel? Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna! Daqskemm hu ħaj Ġeħova, lanqas xagħra waħda minn rasu ma taqaʼ fl-art; għax kien m’Alla li ħadem f’dan il-jum.” X’kien ir-riżultat? Sawl bidel fehmtu. Ir-rakkont jgħid: “B’hekk, il-poplu feda [jiġifieri “salva”] lil Ġonatan, u dan ma mietx.”—1 Samwel 14:43-45.

“Hawn jien! Ħa mmut!”

Permezz tal-kuraġġ, ix-xogħol iebes, u l-fatt li ma kienx jaħseb fih innifsu, Ġonatan kellu reputazzjoni tajba man-nies. Meta kien fil-periklu, ir-reputazzjoni tiegħu għenitu. Aħna nagħmlu tajjeb li naħsbu sew dwar ir-reputazzjoni jew l-isem li qed nagħmlu għalina nfusna kuljum. Il-Bibbja tgħidilna li isem tajjeb hu prezzjuż ħafna. (Ekkleżjasti 7:1) Jekk bħal Ġonatan, noqogħdu attenti li jkollna isem tajjeb maʼ Ġeħova, ir-reputazzjoni tagħna se tkun bħal teżor prezzjuż.

Mill-ħażin għall-agħar

Minkejja d-difetti taʼ Sawl, Ġonatan kompla jiġġieled lealment taħt id-direzzjoni tiegħu matul is-snin. Nistgħu biss nimmaġinaw kemm iddispjaċieh hekk kif ra lil missieru jsir diżubbidjenti u kburi. Missieru kien sejjer mill-ħażin għall-agħar, u Ġonatan ma setaʼ jagħmel xejn biex iwaqqfu.

Il-problema waslet għall-iktar punt gravi meta Ġeħova inkariga lil Sawl biex iqajjem gwerra kontra l-Għamalekin. Dawn in-nies tant kienu mgħaddsin ġol-ħażen li fi żmien Mosè, Ġeħova kien bassar li se jiġu meqrudin għalkollox. (Eżodu 17:14) Ġeħova qal lil Sawl biex jeqred l-annimali tagħhom u joqtol is-sultan tagħhom, li kien jismu Agag. Sawl rebaħ il-battalja, bla dubju bl-għajnuna taʼ Ġonatan li bħas-soltu ġġieled b’kuraġġ taħt id-direzzjoni tiegħu. Imma Sawl mar direttament kontra l-kmand taʼ Ġeħova, billi ħelisha lil Agag u ma qeridx il-ġid u l-annimali tal-Għamalekin. Il-profeta Samwel ħabbar l-aħħar ġudizzju taʼ Ġeħova fuq Sawl u qal: “Ladarba int ċħadt il-kelma taʼ Ġeħova, hu jiċħad lilek milli tkun sultan.”—1 Samwel 15:2, 3, 9, 10, 23.

Wara li ġara dan, Ġeħova ma damx ma neħħa l-ispirtu qaddis tiegħu minn fuq Sawl. Mingħajr l-imħabba taʼ Ġeħova, Sawl beda jkollu burdati ħżiena, bdiet taqbiżlu bl-ikrah, u beda jkollu biżaʼ kbir. Kien bħallikieku spirtu ħażin mingħand Alla ħa post l-ispirtu t-tajjeb. (1 Samwel 16:14; 18:10-12) Min jaf kemm Ġonatan kien imnikket li jara l-missieru, li darba kellu kwalitajiet tajbin, jinbidel daqshekk għall-agħar! Minkejja dan, Ġonatan qatt ma naqqas mis-servizz leali tiegħu lejn Ġeħova. Hu għen lil missieru kemm setaʼ, saħansitra billi kellmu b’mod onest u ċar, imma hu baqaʼ ffokat fuq Missieru, Ġeħova, li ma jinbidilx.—1 Samwel 19:4, 5.

Qatt rajt lil xi ħadd li tħobb, forsi lil xi membru tal-familja, jinbidel għalkollox? Din tistaʼ tkun esperjenza li ttina kedda kbira. L-eżempju taʼ Ġonatan ifakkarna f’dak li kiteb is-salmista iktar tard: “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Ġeħova hu leali. U għalkemm in-nies imperfetti jistgħu jiddiżappuntawk b’ħafna modi, Ġeħova se jieħu ħsiebek u jkun l-aqwa Missier li qatt tistaʼ timmaġina li jkollok.

Ġonatan x’aktarx induna li Ġeħova kien beħsiebu jneħħi lil Sawl minn sultan. Ġonatan kif irreaġixxa? Qatt qagħad jaħseb dwar kemm setaʼ jkun mexxej tajjeb? Qagħad hu jittama li jirranġa l-ħażen li għamel missieru, u b’hekk jagħti eżempju aħjar taʼ sultan leali u ubbidjenti? Ma nafux x’qagħad jaħseb; li nafu hu li jekk kellu xi ħsibijiet bħal dawn, qatt ma saru realtà. Ifisser dan li Ġeħova abbanduna lil dan ir-raġel leali? Le. Anzi, hu uża lil Ġonatan biex jagħti wieħed mill-aqwa eżempji taʼ ħbiberiji leali mniżżlin fil-Bibbja! Din il-ħbiberija se nitkellmu dwarha f’artiklu ieħor dwar Ġonatan.