Il-Ġenituri Kif Jistgħu Jgħallmu lil Uliedhom Dwar is-Sess?
It-tweġiba tal-Bibbja
Min għandu jgħallem lit-tfal dwar is-sess? Il-Bibbja tagħti din ir-responsabbiltà lill-ġenituri, u ħafna sabu dawn is-suġġerimenti li ġejjin t’għajnuna:
Tħossokx imbarazzat. Il-Bibbja titkellem b’mod ċar dwar is-sess u l-organi sesswali, u Alla qal lill-ġens t’Iżrael li “ċ-ċkejknin” għandhom jiġu mgħallmin dwar dawn l-affarijiet. (Dewteronomju 31:12; Levitiku 15:2, 16-19) Tistaʼ tuża termini adattati li ma jiddeskrivux lis-sess jew lill-partijiet privati tal-ġisem bħala xi ħaġa tal-mistħija.
Eduka bil-mod il-mod. Minflok ma jkollok diskussjoni twila taʼ darba dwar is-sess meta wliedek ikunu resqin lejn il-pubertà, għallem lil uliedek pass pass, skont l-età tagħhom.—1 Korintin 13:11.
Għallem livelli morali. It-tfal għandhom mnejn jitgħallmu xi ħaġa dwar is-sess f’xi lezzjonijiet l-iskola. Madankollu, il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-ġenituri biex jgħallmu lil uliedhom kemm dwar l-aspetti fiżiċi tas-sess kif ukoll dwar l-attitudni u l-kondotta xierqa li wieħed għandu jkollu lejn is-sess.—Proverbji 5:1-23.
Agħti widen lil uliedek. Tagħmilhomx bi kbar jew mill-ewwel tiġġudika lil uliedek jekk jistaqsu dwar is-sess. Minflok, ‘kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.
Kif tipproteġi lil uliedek minn dawk li jabbużaw sesswalment
Eduka lilek innifsek. Sir af it-tattiki li juża wieħed li jabbuża mit-tfal.—Proverbji 18:15; ara kapitlu 32 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, l-1 Volum.
Ibqaʼ involut fil-ħajja taʼ wliedek. Taqbadx u tħalli lil uliedek maʼ xi ħadd mingħajr ma tkun taf jekk tistax tafdah. U tħallix lil uliedek ikunu ‘mitluqin għal riħhom.’—Proverbji 29:15.
Għallem lil uliedek meta għandhom jobdu. It-tfal iridu jitgħallmu jobdu lill-ġenituri tagħhom. (Kolossin 3:20) Però, jekk tgħallem lil uliedek li dejjem għandhom jobdu lil kull adult, tkun qed tagħmilhom esposti għall-abbuż. Ġenituri Kristjani jistgħu jgħidu lil uliedhom, “Jekk xi ħadd jgħidlek tagħmel xi ħaġa li Alla jgħid li hi ħażina, tagħmilhiex.”—Atti 5:29.
Ipprattikaw passi sempliċi biex uliedek ikunu jistgħu jipproteġu ruħhom. Għin lil uliedek ikunu jafu x’għandhom jagħmlu jekk xi ħadd jipprova jieħu vantaġġ minnhom meta int ma tkunx hemm. Jekk tirreċtaw sitwazzjonijiet li wliedek jistgħu jiffaċċjaw, huma se jħossuhom iktar preparati biex jgħidu: “Ieqaf! Se nugżak!” u biex jaħarbu malajr. Forsi jkollok tfakkar lil uliedek darba wara l-oħra, ladarba jistgħu faċilment jinsew.—Dewteronomju 6:7.