Jinsab Alla kullimkien, omnipreżenti?
It-tweġiba tal-Bibbja
Alla hu kapaċi jara kollox u jaġixxi kull fejn jagħżel hu. (Proverbji 15:3; Ebrej 4:13) Madankollu, il-Bibbja ma tgħallimx li Alla hu omnipreżenti, jiġifieri, li jinsab kullimkien u f’kull ħaġa. Minflok, turina li hu persuna u li jgħix xi mkien.
Is-sura t’Alla: Alla hu persuna spirtu. (Ġwanni 4:24) Hu inviżibbli għall-bnedmin. (Ġwanni 1:18) Viżjonijiet dwar Alla mniżżla fil-Bibbja b’mod konsistenti jagħtuna stampa bħala li għandu post għalih fejn jgħix. Hu qatt mhu deskritt bħala li jeżisti kullimkien.—Isaija 6:1, 2; Rivelazzjoni 4:2, 3, 8.
Il-post fejn jgħammar, jew joqgħod, Alla: Alla jgħix fil-qasam tal-ispirti, li hu separat mill-ħolqien fiżiku. F’dan il-qasam, Alla għandu ‘post fejn jgħammar, fis-smewwiet.’ (1 Slaten 8:30) Il-Bibbja ssemmi ġrajja meta l-ħlejjaq spirti “daħlu biex jidhru quddiem Ġeħova.” a Dan f’ċertu sens juri li Alla jgħix f’post speċifiku.—Ġob 1:6.
Jekk Alla mhux omnipreżenti, jistaʼ verament jieħu ħsiebi persunalment?
Iva. Alla jinteressah profondament mill-individwi. Għalkemm joqgħod fil-qasam tal-ispirti, Alla jinnota lil dawk fuq l-art li verament jixtiequ jogħġbuh, u hu jaġixxi għan-nom tagħhom. (1 Slaten 8:39; 2 Kronaki 16:9) Ikkunsidra kif Ġeħova juri l-interess tiegħu għall-aduraturi sinċieri:
Meta titlob: Ġeħova jistaʼ jismaʼ t-talb tiegħek eżatt xħin tgħidu.—2 Kronaki 18:31.
Meta tkun dipress: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18.
Meta jkollok bżonn direzzjoni: Ġeħova ‘se jagħtik id-dehen u jistruwik’ permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja.—Salm 32:8.
Ideat żbaljati dwar l-omnipreżenza
Idea żbaljata: Alla jinsab kullimkien fil-ħolqien.
Fatt: Alla la jgħix fuq l-art u lanqas xi mkien ieħor fl-univers fiżiku. (1 Slaten 8:27) Veru, l-istilel u ħolqien ieħor “jiddikjaraw il-glorja t’Alla.” (Salm 19:1) Madankollu, bħalma artist ma jgħixx fil-pittura tiegħu, hekk ukoll Alla ma jgħixx fil-ħolqien tiegħu. Xorta waħda, pittura tistaʼ turina xi ħaġa dwar l-artist li għamilha. Bl-istess mod, id-dinja viżibbli turina “l-kwalitajiet inviżibbli” tal-Ħallieq, bħall-qawwa, l-għerf, u l-imħabba.—Rumani 1:20.
Idea żbaljata: Alla bilfors li hu omnipreżenti sabiex ikun jaf kull ħaġa u jkun mimli qawwa.
Fatt: L-ispirtu qaddis t’Alla, jew il-forza attiva, hu l-qawwa t’Alla fl-azzjoni. Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Alla jistaʼ josserva u jagħmel kwalunkwe ħaġa, fi kwalunkwe post u ħin, mingħajr ma jkun preżenti.—Salm 139:7.
Idea żbaljata: Salm 139:8 jgħallimna li Alla hu omnipreżenti billi jgħid: “Kieku kelli nitlaʼ fis-sema, hemmhekk tkun int; u kieku kelli nifrex soddti fil-Qabar, ara, int tkun hemmhekk.”
Fatt: Din l-iskrittura mhux qed titkellem dwar il-post fejn jinsab Alla. B’mod poetiku qed tgħallem li m’hemm ebda post li hu ’l bogħod wisq għal Alla biex jaġixxi għan-nom tagħna.
a Ġeħova hu l-isem t’Alla kif inhu muri fil-Bibbja.