Mur fil-kontenut

X’inhi l-arka tal-patt?

X’inhi l-arka tal-patt?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 L-​arka tal-​patt kienet kaxxa sagra li ġiet maħduma mill-​Iżraelin tal-​qedem skont il-​kmand u d-​disinn li ried Alla. L-​Arka kienet il-​post fejn tpoġġiet u ġiet protetta “t-​Testimonjanza”—l-​Għaxar Kmandamenti li kienu miktubin fuq żewġ twavel tal-​ġebel.—Eżodu 25:8-​10, 16; 31:18.

  •   Kif kienet magħmula. L-​Arka kienet twila 2.5 kubiti, wiesgħa 1.5 kubiti, u għolja 1.5 kubiti (111 x 67 x 67 ċentimetru). Kienet magħmula mill-​injam tal-​akaċja u kienet miksija minn ġewwa u minn barra bid-​deheb, u kellha bordura artistika. L-​għatu tagħha li kien magħmul minn deheb pur, kellu fuqu żewġ kerubini, wieħed fuq kull naħa. Kienu faċċata taʼ xulxin b’wiċċhom lejn l-​għatu u kellhom ġwinħajhom miftuħin ’il fuq, li bihom kienu jagħmlu dell fuq l-​għatu. L-​Arka kellha erbaʼ ħolqiet magħmulin minn deheb imdewweb imwaħħlin ’il fuq mis-​saqajn tagħha. Lasti magħmulin mill-​injam tal-​akaċja, li kienu miksijin bid-​deheb, kienu mgħoddijin minn dawn il-​ħoloq biex bihom tinġarr l-​Arka.—Eżodu 25:10-​21; 37:6-​9.

  •   Fejn kienet tinżamm. L-​Arka għall-​ewwel kienet tinżamm fil-​parti msejħa l-​Iktar Qaddis tat-​tabernaklu, tinda għall-​qima li setgħet tinġarr u li kienet ġiet magħmula fl-​istess żmien tal-​Arka. L-​Iktar Qaddis kien mifrud b’purtiera biex il-​qassisin u n-​nies ma kinux ikunu jistgħu jarawh. (Eżodu 40:3, 21) Il-​qassis il-​kbir biss setaʼ jidħol f’din il-​parti u jara l-​Arka, darba fis-​sena f’Jum it-​Tpattija. (Levitiku 16:2; Ebrej 9:7) Iktar tard, l-​Arka ttieħdet fl-​Iktar Qaddis fit-​tempju taʼ Salamun.—1 Slaten 6:14, 19.

  •   L-​iskop tagħha. L-​Arka kienet post fejn jinżammu affarijiet sagri li kienu se jfakkru lill-​Iżraelin fil-​patt, jew ftehim, li Alla kien għamel magħhom ħdejn il-​Muntanja Sinaj. Kellha wkoll irwol importanti fiċ-​ċerimonja taʼ Jum it-​Tpattija.—Levitiku 16:3, 13-​17.

  •   X’kien jitpoġġa fiha. It-​twavel tal-​ġebel li kellhom imnaqqxin fuqhom l-​Għaxar Kmandamenti kienu l-​ewwel oġġetti li tpoġġew fl-​Arka. (Eżodu 40:20) Iktar tard tpoġġew fiha bieqja tad-​deheb bil-​manna u “l-​bastun t’Aron li warrad.” (Ebrej 9:4; Eżodu 16:33, 34; Numri 17:10) Jidher li maż-​żmien il-​ġarra u l-​bastun kienu tneħħew, għax meta l-​Arka ttieħdet fit-​tempju dawn ma nstabux fiha.—1 Slaten 8:9.

  •   Kif kienet tinġarr. L-​Arka kellha tinġarr mil-​Leviti fuq spallejhom permezz tal-​lasti tal-​injam tal-​akaċja. (Numri 7:9; 1 Kronaki 15:15) Il-​lasti kellhom jitħallew imwaħħlin mal-​Arka, biex il-​Leviti qatt ma jmissuha. (Eżodu 25:12-​16) “Il-​purtiera li tifred” il-​Qaddis mill-​Iktar Qaddis kienet tintuża biex tgħatti l-​Arka waqt li kienet tinġarr.—Numri 4:5, 6. a

  •   X’kienet tissimbolizza. L-​Arka kienet assoċjata mal-​preżenza t’Alla. Pereżempju, is-​sħaba li kienet tidher fuq l-​Arka fl-​Iktar Qaddis u fuq il-​kampijiet tal-​Iżraelin kienet sinjal tal-​preżenza u l-​barka taʼ Ġeħova. (Levitiku 16:2; Numri 10:33-​36) Ukoll, il-​Bibbja tgħid li Ġeħova “[qagħad] bil-​qiegħda fuq il-​kerubini,” iż-​żewġ kerubini li kienu fuq l-​għatu tal-​Arka. (1 Samwel 4:4; Salm 80:1) Għalhekk, dawn il-​kerubini kienu “r-​rappreżentazzjoni tal-​karru” taʼ Ġeħova. (1 Kronaki 28:18) Minħabba dak li kienet tissimbolizza l-​Arka, is-​Sultan David setaʼ jikteb li Ġeħova kien “qed jgħammar f’Sijon” wara li l-​Arka ttieħdet hemmhekk.—Salm 9:11.

  •   Titli. Il-​Bibbja tuża diversi termini għal din il-​kaxxa sagra, bħall-​“arka tat-​testimonjanza,” “l-​arka tal-​patt,” “l-​arka taʼ Ġeħova,” u “l-​Arka tas-​saħħa tiegħek [taʼ Ġeħova].”—Numri 7:89; Ġożwè 3:6, 13; 2 Kronaki 6:41.

     L-​għatu tal-​Arka kien imsejjaħ “l-​għatu propizjatorju,” jew “il-​post tal-​maħfra.” (1 Kronaki 28:11; Il-​Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit) Dan it-​terminu jirreferi għall-​użu speċjali li kellu l-​għatu f’Jum it-​Tpattija, meta l-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael kien iroxx id-​demm tas-​sagrifiċċju tal-​annimali lejn u quddiem l-​għatu. Dawn l-​azzjonijiet li kien jagħmel il-​qassis il-​kbir kienu jpattu, jew jgħattu, għad-​dnubiet tiegħu nnifsu, taʼ daru, u tal-​kongregazzjoni kollha kemm hi t’Iżrael.—Levitiku 16:14-​17.

L-​arka tal-​patt għadha teżisti llum?

 M’hemm l-​ebda evidenza li għadha teżisti. Il-​Bibbja turi li l-​Arka m’għadhiex iktar bżonjuża minħabba li l-​patt li kien assoċjat magħha ġie mibdul maʼ “patt ġdid,” li ġie mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Ġeremija 31:31-​33; Ebrej 8:13; 12:24) Il-​Bibbja kienet bassret żmien meta l-​arka tal-​patt ma kinitx ħa tibqaʼ teżisti iktar, madankollu n-​nies t’Alla ma kinux se jħossu n-​nuqqas tagħha.—Ġeremija 3:16.

 F’viżjoni li ngħatat lill-​appostlu Ġwanni wara li l-​patt il-​ġdid ġie stabbilit, l-​arka tal-​patt dehret fis-​smewwiet. (Rivelazzjoni 11:15, 19) Din l-​Arka simbolika tirrappreżenta l-​preżenza t’Alla u l-​barka tiegħu fuq il-​patt il-​ġdid.

Kienet l-​Arka tiggarantixxi suċċess?

 Le. Li poplu jkollu l-​arka tal-​patt ma kienx jiggarantixxi suċċess. Pereżempju, l-​Iżraelin kellhom l-​Arka fil-​kamp tagħhom meta ġġieldu kontra l-​belt taʼ Għaj, minkejja dan huma xorta tilfu minħabba li wieħed mill-​Iżraelin wera nuqqas taʼ lealtà. (Ġożwè 7:1-​6) Iktar tard, il-​Filistin rebħulhom allavolja kienu ħadu magħhom l-​arka tal-​patt għall-​battalja. Dawn tilfu minħabba l-​ħażen tal-​qassisin Iżraelin Ħofni u Fineħas. (1 Samwel 2:12; 4:1-​11) F’din il-​battalja, il-​Filistin ħadu taħt idejhom l-​Arka, imma Alla ġab fuqhom kastigi sakemm huma reġgħu ħaduha lura lejn l-​Iżrael.—1 Samwel 5:11–6:5.

L-​istorja tal-​arka tal-​patt

Sena (QK)

Ġrajja

1513

Magħmula minn Besalel u l-​assistenti tiegħu b’materjal li l-​Iżraelin kienu kkontribwew.—Eżodu 25:1, 2; 37:1.

1512

Inawgurata minn Mosè flimkien mat-​tabernaklu u s-​saċerdozju.​—Eżodu 40:1-​3, 9, 20, 21.

1512​—Wara 1070

Ġiet meħuda f’diversi postijiet.—Ġożwè 18:1; Imħallfin 20:26, 27; 1 Samwel 1:24; 3:3; 6:11-​14; 7:1, 2.

Wara 1070

Ittieħdet f’Ġerusalemm mis-​Sultan David.—2 Samwel 6:12.

1026

Ġiet meħuda fit-​tempju taʼ Salamun f’Ġerusalemm.—1 Slaten 8:1, 6.

642

Ittieħdet lura fit-​tempju mis-​Sultan Ġosija.—2 Kronaki 35:3. b

Qabel 607

Milli jidher l-​Arka ġiet imneħħija mit-​tempju. Mhijiex imsemmija fil-​lista t’oġġetti li ttieħdu minn Babilonja meta t-​tempju ġie meqrud fis-​sena 607 QK jew fil-​lista t’affarijiet li iktar tard ittieħdu lura f’Ġerusalemm.—2 Slaten 25:13-​17; Esdra 1:7-​11.

63

Ġiet iddikjarata nieqsa mill-​Ġeneral Ruman Pompej meta hu rebaħ lil Ġerusalemm u spezzjona l-​parti l-​Iktar Qaddis tat-​tempju. c

a L-​Iżraelin iffaċċjaw konsegwenzi koroh meta huma m’obdewx il-​liġi t’Alla dwar kif l-​Arka kellha tinġarr u tkun mgħottija.—1 Samwel 6:19; 2 Samwel 6:2-​7.

b Il-​Bibbja ma tgħidx meta, għala, jew minn min ġiet imneħħija.

c Ara The Histories, by Tacitus, Book V, paragrafu 9.