Il-Bibbja X’Tgħid Dwar li Tagħti Għaxra fil-Mija?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-Iżraelin kienu kmandati biex jagħtu l-għexur, a jew l-għaxra fil-mija, minn dak li kienu jaqilgħu kull sena għall-qima taʼ Ġeħova. Alla qalilhom: “Qis li tagħti wieħed minn kull għaxra milli tipproduċi ż-żerriegħa tiegħek, dak li jrodd ir-rabaʼ minn sena għal sena.”—Dewteronomju 14:22.
Il-liġi tal-għaxra fil-mija kienet waħda mil-liġijiet li Alla ta lill-Iżraelin. Il-Kristjani m’għadhomx taħt din il-liġi, allura m’għadhomx obbligati li jagħtu l-għaxra fil-mija. (Kolossin 2:13, 14) Minflok, kull Kristjan jistaʼ jagħti xi ħaġa tal-flus “bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.
X’Tgħid il-Bibbja Dwar l-Għaxra fil-Mija fit-“Testment il-Qadim”?
L-għaxra fil-mija hija msemmija ħafna drabi fil-parti tal-Bibbja li hija magħrufa bħala t-Testment il-Qadim. Ħafna minn dawn il-versi jirreferu għal meta l-Iżraelin kienu taħt il-Liġi li Alla ta lil Mosè. Imma hemm xi versi li jsemmu l-għaxra fil-mija qabel ma bdiet din il-liġi.
Qabel il-Liġi li Alla Ta lil Mosè
L-ewwel persuna fil-Bibbja li tat l-għaxra fil-mija kien Abram (Abraham). (Ġenesi 14:18-20; Ebrej 7:4) Jidher li Abram għamel hekk meta ta rigal lir-re ta’ Salem, li kien ukoll qassis. Il-Bibbja ma ssemmix li Abraham jew it-tfal tiegħu reġgħu taw l-għaxra fil-mija.
It-tieni persuna fil-Bibbja li tat l-għaxra fil-mija kien Ġakobb, li Abraham jiġi n-nannu tiegħu. Ġakobb wiegħed lil Alla li jekk ibierku, jagħtih “wieħed minn kull għaxra” ta’ dak li jirċievi. (Ġenesi 28:20-22) Xi nies jaħsbu li Ġakobb ta dan billi offra xi annimali bħala sagrifiċċju lil Alla. Għalkemm Ġakobb wiegħed li jagħti l-għaxra fil-mija, il-familja tiegħu ma kinitx obbligata tagħmel bħalu.
Meta Alla Ta l-Liġi lil Mosè
L-Iżraelin ġew kmandati jagħtu l-għaxra fil-mija biex jgħinu fil-qima t’Alla.
Din l-għaxra fil-mija kienet tgħin lill-qassisin u l-Leviti l-oħra ħalli jkunu jistgħu jaħdmu full-time biex jgħinu lin-nies iqimu lil Alla. Din kienet tgħinhom għax ma kellhomx l-għelieqi tagħhom. (Numri 18:20, 21) Il-Leviti li ma kinux qassisin kienu jirċievu l-għaxra fil-mija mingħand in-nies. Imbagħad huma kienu jagħtu l-aħjar għaxra fil-mija minn dak li rċivew lill-qassisin.—Numri 18:26-29.
Il-Bibbja ssemmi li fl-istess sena kienu jagħtu għaxra fil-mija oħra. Din kienet tgħin lin-nies Leviti u anki dawk li ma kinux. (Dewteronomju 14:22, 23) Il-familji Iżraelin kienu jużaw din l-għaxra fil-mija f’okkażjonijiet speċjali, u f’ċerti snin kienet tintuża wkoll biex jgħinu lill-foqra.—Dewteronomju 14:28, 29; 26:12.
Kemm kellhom jagħtu l-Iżraelin? L-Iżraelin kienu jagħtu wieħed minn kull għaxra ta’ dak li tipproduċi l-art tagħhom kull sena. (Levitiku 27:30) Jekk jagħżlu li jħallsu l-għaxra fil-mija bil-flus minflok b’dak li tipproduċi l-art, riedu jżidu l-valur tagħha bi ftit iktar. (Levitiku 27:31) Riedu jagħtu wkoll “parti minn għaxra tal-merħla tal-baqar u tal-merħla tan-nagħaġ.”—Levitiku 27:32.
L-Iżraelin kif kienu jafu liema annimali jridu jagħtu? Billi jagħżlu kull għaxar annimal li joħroġ mill-post fejn joqogħdu. Il-Liġi kienet tgħid li riedu jagħtu l-għaxar annimal mingħajr ma jiċċekkjaw jekk kienx tajjeb jew ħażin. Huma ma setgħux ibiddluh m’annimal ieħor jew jagħtu flus minfloku. (Levitiku 27:32, 33) Imma t-tieni għaxra fil-mija, li kienet tintuża fil-festi ta’ kull sena, setgħu jagħtuha flus minflok. Dan kien jagħmilha eħfef għax l-Iżraelin riedu jivvjaġġaw triq twila għal dawn il-festi.—Dewteronomju 14:25, 26.
L-Iżraelin meta kienu jagħtu l-għaxra fil-mija? Kull sena. (Dewteronomju 14:22) Imma fis-seba’ sena ma kellhomx għalfejn jagħtu l-għaxra fil-mija. Dik is-sena kienet tkun is-Sabat, jew is-sena tal-mistrieħ. U fiha l-Iżraelin ma kienu jiżirgħu xejn. (Levitiku 25:4, 5) Għal din ir-raġuni, f’din is-sena ma kinux jagħtu l-għaxra fil-mija. Imma fit-tielet u fis-sitt sena, l-Iżraelin kienu jagħtu t-tieni għaxra fil-mija lill-foqra u lil-Leviti.—Dewteronomju 14:28, 29.
X’kien jiġri jekk ma tħallasx l-għaxra fil-mija? Il-Liġi ma semmietx li jekk Iżraeli ma jħallasx l-għaxra fil-mija kellu jbati xi konsegwenza. Dan kienu jagħmluh biex jogħġbu lil Ġeħova. L-Iżraelin kellhom jgħidu lil Alla li taw l-għaxra fil-mija u jitolbuh biex iberikhom talli kienu għamlu hekk. (Dewteronomju 26:12-15) Dawk li ma kinux jagħtu l-għaxra fil-mija, Alla kien iqishom bħallikieku qed jisirqu dak li hu tiegħu.—Malakija 3:8, 9.
Kien diffiċli għalihom li jagħtu l-għaxra fil-mija? Le. Alla wegħedhom li jekk kienu se jagħtuh l-għaxra fil-mija, hu kien se jberikhom ħafna u ma kien se jonqoshom xejn. (Malakija 3:10) Imma bħala nazzjon kienu jbatu meta ma kinux jagħtu l-għaxra fil-mija. Ma kienx ikollhom il-barka t’Alla. Il-qassisin u l-Leviti kien ikollhom jużaw il-ħin biex jaħdmu ħalli jkollhom dak li għandhom bżonn. Allura ma setgħux jgħinu lill-Iżraelin jaqdu lil Alla.—Neħemija 13:10; Malakija 3:7.
X’Tgħid il-Bibbja Dwar l-Għaxra fil-Mija fit-“Testment il-Ġdid”?
Meta Ġesù kien fuq l-art, l-Iżraelin kienu għadhom jagħtu l-għaxra fil-mija. Però, ma kienx hemm għalfejn jibqgħu jagħmlu dan wara li miet Ġesù.
Fi żmien Ġesù
Fil-parti tal-Bibbja li ħafna jgħidulha t-Testment il-Ġdid, naraw li l-Iżraelin kienu għadhom jagħtu l-għaxra fil-mija waqt li Ġesù kien fuq l-art. Ġesù qal li kellhom iħallsu l-għaxra fil-mija. Però maqdar lill-mexxejja reliġjużi li, għalkemm kienu jħallsu l-għaxra fil-mija, injoraw “l-affarijiet li huma iktar importanti fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u l-fedeltà.”—Mattew 23:23.
Wara l-mewt ta’ Ġesù
Il-Liġi li Alla ta lill-Iżraelin ma baqgħetx tgħodd wara l-mewt ta’ Ġesù. Minħabba f’hekk, wara l-mewt tiegħu ma kienx hemm għalfejn li “jiġbru l-għexur mingħand il-poplu.”—Ebrej 7:5, 18; Efesin 2:13-15; Kolossin 2:13, 14.
a L-għexur jew id-dieċmi huma “għaxra fil-mija minn dak li jaqilgħu għal użu speċifiku. . . . L-għexur imsemmijin fil-Bibbja kienu jingħataw biex iqimu lil Alla.”—Harper’s Bible Dictionary, paġna 765.