Il-kronoloġija tal-Bibbja x’turi dwar is-sena 1914?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-kronoloġija tal-Bibbja turi li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema fl-1914. Dan jidher fi profezija mniżżla bil-miktub f’kapitlu 4 tal-ktieb Bibliku taʼ Danjel.
Ħarsa fuq fuq tal-profezija. Alla ta lis-Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja ħolma profetika dwar siġra kbira ħafna li ġiet imqaċċta. Iz-zokk tagħha ma tħalliex jerġaʼ jikber għal perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet,” u wara dan is-siġra kienet se terġaʼ tikber.—Danjel 4:1, 10-16.
L-ewwel twettiq tal-profezija. Is-siġra l-kbira rrappreżentat lis-Sultan Nebukadnessar innifsu. (Danjel 4:20-22) Hu b’mod figurattiv ‘ġie mqaċċat’ meta għal xi żmien tilef moħħu u l-kariga tiegħu taʼ sultan għal perijodu taʼ sebaʼ snin. (Danjel 4:25) Meta Alla reġaʼ tah ir-raġuni, Nebukadnessar reġaʼ sar sultan u rrikonoxxa l-ħakma t’Alla.—Danjel 4:34-36.
Evidenza li l-profezija għandha twettiq akbar. L-iskop kollu tal-profezija kien biex “il-ħajjin ikunu jafu li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin, u li lil min irid hu jagħtiha u jqiegħed fuqha saħansitra lill-inqas wieħed fost il-bnedmin.” (Danjel 4:17) Kien ir-raġel kburi Nebukadnessar il-wieħed li Alla fl-aħħar mill-aħħar ried jagħtih din il-ħakma? Le, għax Alla qabel kien tah ħolma profetika oħra li wriet li la hu u lanqas xi ħakkiem politiku ieħor ma kien se jwettaq dan l-irwol. Minflok, Alla nnifsu kien se “jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered.”—Danjel 2:31-44.
Qabel, Alla kien stabbilixxa saltna biex tirrappreżenta l-ħakma tiegħu fuq l-art: il-ġens t’Iżrael tal-qedem. Alla ħalla lil din is-saltna tinġieb f’“rovina” għax il-ħakkiema tagħha kienu saru żleali, imma hu bassar li kien se jagħti l-ħakma lil “dak li għandu d-dritt legali.” (Eżekjel 21:25-27) Il-Bibbja tidentifika lil Ġesù Kristu bħala l-wieħed li għandu l-awtorità legali biex jingħata din is-saltna dejjiema. (Luqa 1:30-33) Kuntrarju għal Nebukadnessar, Ġesù hu ‘umli f’qalbu,’ sewwasew bħalma kien profetizzat.—Mattew 11:29.
X’tirrappreżenta s-siġra f’Danjel kapitlu 4? Fil-Bibbja, is-siġar kultant jirrappreżentaw ħakma. (Eżekjel 17:22-24; 31:2-5) Fit-twettiq akbar taʼ Danjel kapitlu 4, is-siġra kbira ħafna tissimbolizza l-ħakma t’Alla.
Xi jfisser il-fatt li s-siġra tiġi mqaċċta? Sewwasew bħalma t-tqaċċit tas-siġra rrappreżenta waqfa fil-ħakma taʼ Nebukadnessar, irrappreżenta wkoll waqfa fil-ħakma t’Alla fuq l-art. Dan seħħ meta Nebukadnessar qered lil Ġerusalemm, fejn is-slaten t’Iżrael kienu joqogħdu fuq “it-tron taʼ Ġeħova” bħala rappreżentanti t’Alla nnifsu.—1 Kronaki 29:23.
X’jirrappreżentaw is-“sebaʼ żminijiet”? Is-“seba’ żminijiet” jirrappreżentaw il-perijodu li matulu Alla ħalla lill-ġnus jaħkmu fuq l-art mingħajr ebda ndħil mill-ħakma t’Alla. Is-“sebaʼ żminijiet” bdew f’Ottubru tas-sena 607 QK, meta, skont il-kronoloġija tal-Bibbja, Ġerusalemm inqerdet mill-Babiloniżi. a—2 Slaten 25:1, 8-10.
Kemm huma twal is-“sebaʼ żminijiet”? Dawn ma jistgħux ikunu sempliċement sebaʼ snin bħalma kien fil-każ taʼ Nebukadnessar. Ġesù indika t-tweġiba meta qal li “Ġerusalemm [simbolu tal-ħakma t’Alla] tintrifes mill-ġnus sakemm jitwettqu ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” (Luqa 21:24) “Iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus,” il-perijodu li fih Alla ppermetta li l-ħakma tiegħu “tintrifes mill-ġnus,” huma l-istess bħas-“sebaʼ żminijiet” f’Danjel kapitlu 4. Dan ifisser li s-“sebaʼ żminijiet” kienu għadhom għaddejjin saħansitra meta Ġesù kien fuq l-art.
Il-Bibbja turina kif niddeterminaw it-tul taʼ dawk is-“sebaʼ żminijiet” profetiċi. Tgħid li tliet “żminijiet” u nofs jiġu 1,260 jum, allura “sebaʼ żminijiet” jiġu d-doppju taʼ dan in-numru, jew 2,520 jum. (Rivelazzjoni 12:6, 14) Meta napplikaw ir-regola profetika “jum għal sena,” l-2,520 jum jirrappreżentaw 2,520 sena. Għalhekk, is-“sebaʼ żminijiet,” jew l-2,520 sena, ġew fi tmiemhom f’Ottubru tal-1914.—Numri 14:34; Eżekjel 4:6.
a Għal diskussjoni dettaljata dwar għala tintuża d-data 607 QK, ara l-artikli “When Was Ancient Jerusalem Destroyed?—Part One,” f’paġni 26-31 tal-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Ottubru 2011, u “When Was Ancient Jerusalem Destroyed?—Part Two,” f’paġni 22-28 tal-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Novembru 2011.