Qatt xi darba se tinqered id-dinja?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le, id-dinja qatt mhu se tinqered jew tinħaraq, u xejn mhu se jieħu postha. Il-Bibbja tgħallem li Alla ħalaq id-dinja biex tibqaʼ abitata għal dejjem.
“Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru [jiġifieri jgħixu] fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Alla waqqaf “l-art fuq il-postijiet stabbiliti tagħha; din qatt u qatt ma se titħarrek.”—Salm 104:5.
“L-art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Ekkleżjasti 1:4.
“Hu l-Alla l-veru, Dak li sawwar [jiġifieri ħalaq] l-art u li għamilha, Hu li stabbiliha fis-sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, li sawwarha biex tkun abitata.”—Isaija 45:18.
Il-bniedem se jeqridha l-art?
Alla mhux se jħalli l-bniedem jeqred id-dinja għalkollox permezz tat-tinġis, tal-gwerer, jew b’xi ħaġa oħra. Anzi, hu se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’ (Rivelazzjoni 11:18) Kif se jagħmel dan?
Alla se jġib is-Saltna perfetta tas-sema biex tieħu post il-gvernijiet umani, li ma kinux kapaċi jipproteġu d-dinja. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Din is-Saltna se titmexxa minn Iben Alla, Ġesù Kristu. (Isaija 9:6, 7) Meta Ġesù kien fuq l-art, hu uża qawwa mirakoluża fuq l-elementi naturali, bħax-xita u r-riħ. (Marku 4:35-41) Bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù se jkollu l-kontroll assolut fuq id-dinja u l-elementi tagħha. Hu se jġedded, jew jirranġa, il-kundizzjonijiet fuq l-art, billi jagħmilhom simili għal dawk li kien hemm fil-ġnien tal-Għeden.—Mattew 19:28; Luqa 23:43.
Mhux il-Bibbja stess tgħid li d-dinja se tinħaraq?
Le, ma tgħidx hekk. Idea żbaljata bħal din spiss tiġi għax xi wħud jifhmu ħażin it-2 Pietru 3:7, li tgħid: “Is-smewwiet u l-art t’issa huma merfugħin għan-nar.” Ikkunsidra żewġ punti importanti li jgħinuna nifhmu xi jfisser dan il-kliem:
Il-Bibbja tuża t-termini “smewwiet,” “art,” u “nar” biex tirreferi għal iktar minn ħaġa waħda. Pereżempju, Ġenesi 11:1 jgħid: “L-art kollha kellha lingwa waħda.” Hawnhekk, il-kelma “art” qed tirreferi għan-nies inġenerali.
Il-kuntest fit-2 Pietru 3 juri xi jfissru “smewwiet,” “art,” u “nar” li jissemmew fit-2 Pietru 3:7. Versi 5 u 6 qed iqabblu dak li se jiġri fil-futur, li jissemma f’vers 7, mad-Dulluvju li ġara fi żmien Noè. F’din il-ġrajja, żmien ilu, id-dinja ġiet meqruda, imma l-pjaneta tagħna ma sparixxietx. Minflok, il-Dulluvju kines “l-art,” jiġifieri n-nies vjolenti. (Ġenesi 6:11) Dan qered ukoll tip taʼ “smewwiet”—in-nies li mexxew fuq is-soċjetà umana. B’hekk, kienu n-nies mill-agħar li nqerdu, u mhux il-pjaneta. Noè u l-familja tiegħu baqgħu ħajjin wara l-qerda tad-dinja taʼ dak iż-żmien u għexu fuq l-art wara d-Dulluvju.—Ġenesi 8:15-18.
Simili għall-ilmijiet tad-Dulluvju, il-qerda, jiġifieri “nar,” tat-2 Pietru 3:7 se ġġib tmiem għan-nies mill-agħar tad-dinja, u mhux għall-pjaneta tagħna. Alla jwiegħed “smewwiet ġodda u art ġdida” fejn se jkun hemm “ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) L-“art ġdida,” jew is-soċjetà umana ġdida, se tkun immexxija minn “smewwiet ġodda,” jew tmexxija ġdida—is-Saltna t’Alla. Taħt it-tmexxija taʼ din is-Saltna, l-art se tkun ġenna mimlija paċi.—Rivelazzjoni 21:1-4.