X’tgħid il-Bibbja dwar id-dinosawri?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja ma ssemmix id-dinosawri b’mod dirett. Però, il-Bibbja tgħid li Alla ‘ħalaq l-affarijiet kollha,’ allura biċ-ċar dawn huma fost l-affarijiet li għamel. a (Rivelazzjoni 4:11) Mingħajr ma ssemmi d-dinosawri b’mod speċifiku, il-Bibbja tirreferi għal gruppi taʼ ħlejjaq li jistgħu jinkluduhom:
“Mostri kbar tal-baħar.”—Ġenesi 1:21; Karm Żammit.
“Kull annimal li jitkaxkar taʼ l-art.”—Ġenesi 1:25.
“Il-bhejjem salvaġġi taʼ l-art.”—Ġenesi 1:25.
Id-dinosawri evolvew minn annimali oħra?
Ir-rekords tal-fossili ma jurux li d-dinosawri ġew bil-mod il-mod bħallikieku bl-evoluzzjoni, imma dawn ir-rekords juru li ġew maħluqin hekk mill-ewwel. Dan hu fi qbil maʼ dak li tgħid il-Bibbja fejn turi li Alla ħalaq l-annimali kollha. Pereżempju, Salm 146:6 jiddeskrivi lil Alla bħala “Dak li għamel is-sema u l-art, il-baħar, u kulma fihom.”
Meta kienu jeżistu d-dinosawri?
Il-Bibbja tgħid li l-annimali tal-baħar u tal-art ġew maħluqin matul il-ħames u s-sitt jum, jew epoka, tal-ħolqien. b (Ġenesi 1:20-25, 31) B’hekk, il-Bibbja tagħti x’tifhem li d-dinosawri kienu jeżistu għal żmien twil.
Kienu l-Beħemot u l-Levjatan dinosawri?
Le. Għalkemm ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert x’inhuma dawn l-annimali li jissemmew fil-ktieb taʼ Ġob, il-Beħemot ġeneralment jiġi identifikat bħala ippopotamu u l-Levjatan bħala kukkudrill. Il-mod kif ġew identifikati jaqbel mad-deskrizzjoni li tagħti dwarhom l-Iskrittura. (Ġob 40:15-23; 41:1, 14-17, 31) Hu x’inhu l-każ, ma jistax ikun li t-termini “Beħemot” u “Levjatan” jirreferu għad-dinosawri. Alla qal lil Ġob biex josserva dawn l-annimali b’mod personali, u Ġob għex fi żmien meta d-dinosawri kienu ilhom li ġew estinti.—Ġob 40:16; 41:8.
X’sar minnhom id-dinosawri?
Il-Bibbja ma tgħid xejn dwar meta d-dinosawri ġew estinti. Madankollu, tgħid li l-affarijiet kollha ġew maħluqin “bir-rieda” t’Alla, allura Alla żgur li kellu skop għala ħalaq id-dinosawri. (Rivelazzjoni 4:11) Meta dan l-iskop intlaħaq, Alla ppermetta li d-dinosawri jiġu estinti.
a Ir-rekords tal-fossili juru li d-dinosawri kienu jeżistu. Fil-fatt, il-fossili juru li xi darba kien hawn ħafna dinosawri b’varjetà kbira taʼ forom u daqsijiet.
b Fil-Bibbja, il-kelma “jum” tistaʼ tirreferi għal perjodu taʼ żmien li jdum eluf taʼ snin.—Ġenesi 1:31; 2:1-4; Ebrej 4:4, 11.