Il-Bibbja X’Tgħid Dwar id-Diżastri Naturali?
It-tweġiba tal-Bibbja
Id-diżastri naturali mhux ġejjin minn Alla, imma hu jimpurtah min-nies li qed jiġu affettwati minnhom. Is-Saltna t’Alla se tneħħi l-affarijiet kollha li jġibu t-tbatija, inkluż id-diżastri naturali. Imma sa ma jasal dak iż-żmien, Alla qed jagħti l-għajnuna lil dawk li qed jiġu affettwati mid-diżastri naturali.—2 Korintin 1:3.
Għala nistgħu nkunu ċerti li d-diżastri naturali mhumiex kastig minn Alla?
Il-Bibbja turina li xi drabi Alla uża l-qawwa tan-natura biex jagħmel ġudizzju. Imma dan kien differenti ħafna mill-mod kif jiġru d-diżastri naturali llum.
Id-diżastri naturali joqtlu u jaffettwaw lil kulħadd. B’kuntrast, fil-Bibbja naraw li meta Alla uża l-qawwa tan-natura biex jagħmel ġudizzju hu għamel ċert li jinqerdu n-nies ħżiena biss. Pereżempju, meta Alla qered il-bliet antiki taʼ Sodoma u Gomorra, lil Lot, li kien raġel tajjeb, u ż-żewġt ibniet tiegħu ma qeridhomx. (Ġenesi 19:29, 30) Alla ra x’kellhom f’qalbhom in-nies taʼ dak iż-żmien u qered biss lil dawk li kienu ħżiena.—Ġenesi 18:23-32; 1 Samwel 16:7.
Id-diżastri naturali spiss jiġru mingħajr twissija. Però, Alla wissa lin-nies ħżiena qabel uża l-qawwa naturali kontrihom. In-nies li taw kas it-twissija tiegħu kellhom iċ-ċans biex jilħqu jaħarbu.—Ġenesi 7:1-5; Mattew 24:38, 39.
Xi diżastri naturali ġraw minħabba deċiżjonijiet li ħadu n-nies u affarijiet li għamlu. Kif? Billi għamlu ħsara lill-ambjent u bnew f’postijiet fejn jistaʼ jkun hemm iktar ċans taʼ terremoti, għargħar, u temp estrem. (Rivelazzjoni 11:18) Meta n-nies jieħdu deċiżjonijiet ħżiena u jkun hemm konsegwenzi koroh, ma jkunx it-tort t’Alla.—Proverbji 19:3.
Id-diżastri naturali huma sinjal li qed ngħixu fl-aħħar jiem?
Iva, il-Bibbja qalet minn qabel li se jkun hawn diżastri naturali fit-“tmiem taʼ din id-dinja,” jew “fl-aħħar jiem.” (Mattew 24:3; 2 Timotju 3:1) Pereżempju, dwar iż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa, Ġesù qal: “Se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.” (Mattew 24:7) Dalwaqt, Alla se jneħħi kull tip taʼ wġigħ u tbatija inkluż id-diżastri naturali.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
Alla kif jgħin lin-nies li jiġu affettwati mid-diżastri naturali?
Alla jgħin lin-nies li jiġu affettwati permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Il-Bibbja turina b’mod ċar li Alla jimpurtah minna u jħossu mdejjaq meta nbatu. (Isaija 63:9; 1 Pietru 5:6, 7) Fiha nsibu wkoll il-wegħda t’Alla li mhux se jibqgħu jiġru diżastri naturali.—Ara “ Versi mill-Bibbja biex jgħinu lin-nies li jiġu affettwati minn diżastri naturali.”
Alla jgħin lin-nies li jiġu affettwati billi juża lil dawk li jħobbuh. Alla juża lil dawn in-nies biex jagħmlu bħalma għamel Ġesù. Il-Bibbja qalet minn qabel li Ġesù kien se jgħin “lil dawk b’qalbhom maqsuma” u “lill-imnikktin kollha.” (Isaija 61:1, 2) Nies li jħobbu lil Alla jipprovaw jagħmlu l-istess.—Ġwanni 13:15.
Alla juża nies li jħobbuh biex jgħin lil uħud li jiġu affettwati mid-diżastri naturali billi jipprovdulhom dak li jkollhom bżonn.—Atti 11:28-30; Galatin 6:10.
Il-Bibbja tistaʼ tgħinna nkunu preparati?
Iva. Għalkemm il-Bibbja mhijiex xi ktieb biex inkunu preparati għad-diżastri naturali, il-pariri li fiha jistgħu jgħinuna. Pereżempju:
Ippjana x’tistaʼ tagħmel jekk jinqalaʼ diżastru. Il-Bibbja tgħid, “l-għaqli jaħrab xħin jara l-periklu.” (Proverbji 22:3) Nagħmlu tajjeb li nippjanaw minn qabel x’nistgħu nagħmlu jekk tinqalaʼ emerġenza. Dan jistaʼ jinkludi li nippreparaw xi affarijiet biex inkunu lesti li nitilqu malajr f’każ taʼ emerġenza u nippjanaw maʼ tal-familja fejn niltaqgħu f’każ taʼ diżastru.
Qis il-ħajja iktar importanti mill-affarijiet materjali. Il-Bibbja tgħid: “Ma ġibna xejn magħna fid-dinja, u xejn mhu se nieħdu magħna meta mmutu.” (1 Timotju 6:7, 8) Biex naħarbu rridu nkunu lesti li nitilqu mid-dar tagħna u l-affarijiet li jkollna. Hu tajjeb niftakru li l-ħajja hi iktar importanti minn kull ħaġa li jistaʼ jkollna.—Mattew 6:25.