Kif Nistaʼ Nipproteġi Ruħi Minn Fastidju Sesswali?
It-tweġiba tal-Bibbja
Ikkunsidra dawn is-suġġerimenti prattiċi bbażati fuq l-għerf li nsibu fil-Bibbja:
Kun professjonali. Kun dħuli maʼ sħabek tax-xogħol u urihom rispett, però evita ħbiberija li tagħti x’tifhem li se taċċetta l-avvanzi sesswali tagħhom.—Mattew 10:16; Kolossin 4:6.
Ilbes modest. Ilbies provokattiv iwassal messaġġ ħażin. Il-Bibbja tagħtina l-parir biex nilbsu “bil-modestja u b’moħħ f’loku.”—1 Timotju 2:9.
Agħżel ħbiebek bil-għaqal. Jekk tagħmilha maʼ dawk li jittolleraw jew saħansitra jieħdu pjaċir li xi ħadd jifflertja magħhom jew jittantahom, x’aktarx li int se tiġi trattat l-istess.—Proverbji 13:20.
Iċħad kliem baxx. Warrab jekk jibdew jitkellmu maħmuġ, jgħidu “kliem iblah jew ċajt oxxen.”—Efesin 5:4.
Evita sitwazzjonijiet taʼ kompromess. Pereżempju, oqgħod attent meta jistaqsuk biex tibqaʼ wara l-ħin tax-xogħol mingħajr raġuni valida.—Proverbji 22:3.
Kun sod u dirett. Jekk qed issib fastidju sesswali, għid b’mod ċar lil dak li jkun qed jagħtik fastidju li l-aġir tiegħu qed idejqek. (1 Korintin 14:9) Pereżempju, tistaʼ tgħid: “Il-ħin kollu tħakkek miegħi, u qed iġġegħelni nħossni skomda. Tibqax tagħmel hekk.” Tistaʼ tikteb ittra lil dak li qed jagħtik fastidju sesswali u fiha tiddeskrivi x’ġara, kif bdejt tħossok, u x’passi tixtieq li jittieħdu issa. Agħmilha ċara li l-waqfa tiegħek hi bbażata fuq il-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tiegħek.—1 Tessalonikin 4:3-5.
Itlob l-għajnuna. Jekk il-fastidju jkompli, iftaħ qalbek maʼ ħabib, membru tal-familja, jew maʼ sieħeb tax-xogħol fdat jew maʼ xi ħadd li għandu l-esperjenza f’li jgħin lill-vittmi. (Proverbji 27:9) Ħafna vittmi taʼ fastidju sesswali sabu li t-talb għenhom. Anki jekk qatt ma tlabt qabel, taħsibx li Ġeħova, “l-Alla taʼ kull faraġ,” ma jistax jgħinek.—2 Korintin 1:3.
Il-fastidju sesswali joħloq ambjent ostili fuq il-post tax-xogħol għal miljuni taʼ nies, imma l-Bibbja tistaʼ tgħin.