Ġerusalemm il-Ġdida—X’inhi?
It-tweġiba tal-Bibbja
“Ġerusalemm il-Ġdida” hi espressjoni li tidher darbtejn fil-Bibbja. Din hi belt simbolika li tirrappreżenta l-grupp taʼ dixxipli taʼ Ġesù li jmorru s-sema biex imexxu miegħu fis-Saltna t’Alla. (Rivelazzjoni 3:12; 21:2) Il-Bibbja turi li dan il-grupp jistaʼ jissejjaħ ukoll l-għarusa taʼ Kristu.
Affarijiet importanti li jgħinuna nagħrfu x’inhi Ġerusalemm il-Ġdida
Ġerusalemm il-Ġdida qiegħda fis-sema. Meta l-Bibbja ssemmi Ġerusalemm il-Ġdida, tiddeskriviha bħala li hi nieżla mis-sema, fejn l-anġli joqogħdu għassa mal-bibien tal-belt. (Rivelazzjoni 3:12; 21:2, 10, 12) Barra minn hekk, il-kobor enormi tal-belt juri li ma tistax tkun fuq l-art. Din għandha forma taʼ kaxxa tridimensjonali u l-qies taʼ mad-dawra tagħha hu “tnax-il elf stadju.” a (Rivelazzjoni 21:16) Skont dal-qies, il-ġnub tagħha kieku jkunu għoljin kważi 560 kilometru, jiġifieri jaslu sa ġol-ispazju.
Ġerusalemm il-Ġdida hi magħmula minn grupp taʼ dixxipli taʼ Ġesù, l-għarusa taʼ Kristu. Ġerusalemm il-Ġdida tissejjaħ “l-għarusa, il-mara tal-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 21:9, 10) F’din id-deskrizzjoni simbolika, il-Ħaruf jirreferi għal Ġesù Kristu. (Ġwanni 1:29; Rivelazzjoni 5:12) “Il-mara tal-Ħaruf,” jew l-għarusa taʼ Kristu, tirrappreżenta lill-Kristjani li se jingħaqdu maʼ Ġesù fis-sema. Il-Bibbja tqabbel ir-relazzjoni bejn Ġesù u dawn il-Kristjani mar-relazzjoni bejn mara u raġel miżżewġin. (2 Korintin 11:2; Efesin 5:23-25) Barra minn hekk, fuq il-ġebel tal-pedament taʼ Ġerusalemm il-Ġdida hemm miktub “it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 21:14) Dan id-dettall ikompli jikkonferma li Ġerusalemm il-Ġdida tirrappreżenta l-grupp taʼ dixxipli taʼ Ġesù li ġew magħżulin biex jgħixu fis-sema, għax il-Bibbja tgħid li dawn il-Kristjani ‘nbnew fuq il-pedament taʼ l-appostli u l-profeti.’—Efesin 2:20.
Ġerusalemm il-Ġdida hi parti mill-gvern t’Alla. Ġerusalemm tal-qedem kienet il-belt kapitali taʼ Iżrael, il-post fejn is-Sultan David, ibnu Salamun, u d-dixxendenti tagħhom mexxew “fuq it-tron taʼ Ġeħova.” (1 Kronaki 29:23) B’hekk, Ġerusalemm tal-qedem, li kienet tissejjaħ “il-belt qaddisa,” irrappreżentat it-tmexxija t’Alla fuq l-art permezz tas-Sultan David u slaten oħra li kienu dixxendenti tiegħu. (Neħemija 11:1) Ġerusalemm il-Ġdida, li wkoll tissejjaħ “il-belt qaddisa,” hi magħmula minn dawk li jingħaqdu maʼ Ġesù fil-gvern t’Alla fis-sema biex “isaltnu għal fuq l-art.”—Rivelazzjoni 5:9, 10; 21:2.
Ġerusalemm il-Ġdida ġġib barkiet għan-nies fuq l-art. Ġerusalemm il-Ġdida hi deskritta bħala li hi “nieżla mis-sema mingħand Alla,” u b’hekk turi li Alla jużaha biex jeffettwa affarijiet ’l isfel mis-sema. (Rivelazzjoni 21:2) Din l-espressjoni turi li Ġerusalemm il-Ġdida għandha x’taqsam mas-Saltna t’Alla, għax Alla juża din is-saltna biex iwettaq dak li jrid hu “kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) L-iskop t’Alla għan-nies fuq l-art jinkludi dawn il-barkiet:
Jitneħħa d-dnub. Minn Ġerusalemm il-Ġdida toħroġ “xmara taʼ ilma tal-ħajja” li tagħti l-ilma lis-“siġar tal-ħajja” li huma “għall-fejqan tal-ġnus.” (Rivelazzjoni 22:1, 2) Dan il-fejqan fiżiku u spiritwali se jneħħi d-dnub u jagħmilha possibbli għan-nies biex ikollhom ħajja perfetta, bħalma kien l-iskop t’Alla fil-bidu.—Rumani 8:21.
Ikun hemm relazzjonijiet tajbin bejn Alla u n-nies. Id-dnub biegħed lin-nies minn Alla. (Isaija 59:2) Meta jitneħħa d-dnub, se tkun tistaʼ titwettaq għalkollox din il-profezija: “It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom.”—Rivelazzjoni 21:3.
It-tbatija u l-mewt jitneħħew. Permezz tas-Saltna tiegħu, Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:4.
a Stadju kien qies li r-Rumani kienu jużawh biex ikejlu t-tul taʼ xi ħaġa. It-tul taʼ stadju kien 185 metru..