Mur fil-kontenut

Xi tfisser l-espressjoni “għajn b’għajn”?

Xi tfisser l-espressjoni “għajn b’għajn”?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Ir-regola “għajn b’għajn” tagħmel parti mil-Liġi t’Alla li ngħatat permezz taʼ Mosè lil Iżrael tal-qedem u kienet ġiet kwotata minn Ġesù waqt il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja. (Mattew 5:38, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija; Eżodu 21:24, 25; Dewteronomju 19:21) Dan kien ifisser li meta kellha ssir ġustizzja fuq xi ħadd li għamel xi ħaġa ħażina, il-kastig li jingħatalu kellu jkun ġust. a

 Din ir-regola kienet tiġi użata meta xi ħadd iweġġaʼ lil xi ħadd ieħor apposta. F’każ bħal dan, il-Liġi Mosajka kienet tgħid: “Ksur bi ksur, għajn b’għajn, sinna b’sinna; il-ħsara li jkun għamel lil ħaddieħor, jagħmluha lilu.”—Levitiku 24:20, GħBM.

 X’kien l-iskop tar-regola “għajn b’għajn”?

 Ir-regola “għajn b’għajn” ma kinitx tippermetti lil xi ħadd biex jieħu l-liġi b’idejh. Minflok, din kienet tgħin lill-imħallfin maħtura biex jagħtu kastigi xierqa, u b’hekk la jkunu ħorox iżżejjed u lanqas ma juru wisq ħniena.

 Ir-regola kienet tajba wkoll biex twissi lil kull min ikun se jweġġaʼ lil xi ħadd apposta jew biħsiebu jagħmel dan. Il-Liġi tispjega: “Dawk li jibqgħu [dawk li jaraw il-ġustizzja t’Alla titwettaq] se jisimgħu u jibżgħu, u qatt ma jerġgħu jagħmlu xi ħaġa ħażina bħal din f’nofsok.”—Dewteronomju 19:20.

 Tapplika għall-Kristjani r-regola “għajn b’għajn”?

 Le, din ir-regola m’għadhiex tapplika għall-Kristjani. Din kienet tagħmel parti mil-Liġi Mosajka, li ma baqgħetx tapplika meta Ġesù miet bħala sagrifiċċju.—Rumani 10:4.

 Minkejja dan, ir-regola tgħinna nifhmu kif Alla jirraġuna. Pereżempju, din turi li Alla japprezza l-ġustizzja. (Salm 89:14) Turi wkoll x’inhu l-livell taʼ ġustizzja tiegħu—jiġifieri, dawk li għamlu xi ħaġa ħażina kellhom jiġu ddixxiplinati skont ‘kemm ikun jistħoqqilhom.’—Ġeremija 30:11.

 Ideat żbaljati dwar ir-regola “għajn b’għajn”

 Idea żbaljata: Ir-regola “għajn b’għajn” kienet wisq ħarxa.

 Fatt: Ir-regola ma kinitx tagħti permess biex issir ġustizzja b’mod aħrax u krudil. Minflok, meta kienet tiġi użata kif suppost, kienet tfisser li mħallfin kwalifikati kienu se jagħtu l-kastig tagħhom fuq il-każ wara li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi u jaraw kemm l-azzjoni kienet intenzjonata. (Eżodu 21:28-30; Numri 35:22-25) B’hekk, ir-regola “għajn b’għajn” kienet t’għajnuna biex jiġu evitati kastigi akbar milli suppost.

 Idea żbaljata: Ir-regola “għajn b’għajn” ippermettiet li tnejn min-nies jibqgħu jpattuha lil xulxin.

 Fatt: Il-Liġi Mosajka nfisha kienet tgħid: “Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-poplu tiegħek.” (Levitiku 19:18) Il-Liġi, minflok ma kienet tippromwovi tpattija personali, kienet tinkuraġġixxi lin-nies biex jafdaw f’Alla u fis-sistema legali li provda biex jitranġaw l-inġustizzji.—Dewteronomju 32:35.

a Dan il-prinċipju legali, li ġieli jissejjaħ bit-terminu Latin lex talionis, kien jinsab ukoll fil-liġi taʼ xi soċjetajiet taʼ żmien ilu.