Il-Bibbja X’Tgħid Dwar li Tieħu Ħsieb il-Ġenituri Meta Jikbru?
It-tweġiba tal-Bibbja
Meta jikbru, it-tfal għandhom ir-responsabbiltà importanti li jieħdu ħsieb il-ġenituri kbar tagħhom. Il-Bibbja tgħid: “Dawn għandhom jitgħallmu l-ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-familja tagħhom u jroddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla.” (1 Timotju 5:4, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.) Meta t-tfal jikbru u jagħmlu ċert li l-ġenituri jkollhom dak li għandhom bżonn, huma jkunu qed jobdu wkoll il-kmand tal-Bibbja li jridu jirrispettaw il-ġenituri tagħhom.—Efesin 6:2, 3.
Il-Bibbja ma tgħidx eżatt kif trid tieħu ħsieb il-ġenituri tiegħek meta jikbru. Imma, fiha eżempji tajbin taʼ rġiel u nisa li għamlu hekk. Ukoll, tagħti pariri tajbin lil dawk li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom.
Xi rġiel u nisa fil-Bibbja, kif ħadu ħsieb il-ġenituri kbar tagħhom?
Huma għamlu dan b’modi differenti, skont iċ-ċirkustanzi li kellhom.
Ġużeppi kien joqgħod ’il bogħod minn missieru, Ġakobb. Meta setaʼ, Ġużeppi rranġa biex Ġakobb imur jgħix viċin tiegħu. Imbagħad, Ġużeppi ra li missieru kellu fejn joqgħod, x’jiekol, u ħa ħsiebu.—Ġenesi 45:9-11; 47:11, 12.
Rut marret tgħix fil-pajjiż tal-kunjata tagħha u ħadmet iebes biex tieħu ħsiebha.—Rut 1:16; 2:2, 17, 18, 23.
Ġesù, ftit qabel ma miet, għażel lil xi ħadd biex jieħu ħsieb lil ommu, Marija. Milli jidher diġà kienet armla.—Ġwanni 19:26, 27. a
Liema pariri mill-Bibbja jistgħu jgħinu lil dawk li qed jieħdu ħsieb il-ġenituri?
Fiżikament u emozzjonalment tistaʼ tkun taʼ sfida għal dawk li qed jieħdu ħsieb il-ġenituri kbar fl-età. Imma, il-Bibbja tagħti pariri li jistgħu jgħinuhom.
Irrispetta lill-ġenituri tiegħek.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Onora lil missierek u lil ommok.”—Eżodu 20:12.
Kif tistaʼ tapplika dan il-prinċipju? Irrispetta l-ġenituri tiegħek billi tħallihom ikunu indipendenti kemm jistaʼ jkun. Fejn hu possibbli, ħalli lilhom jiddeċiedu x’għajnuna jixtiequ. Fl-istess ħin, urihom rispett billi tkun raġunevoli u tgħinhom kif tistaʼ.
Ipprova ifhimhom u aħfrilhom.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.”—Proverbji 19:11.
Kif tistaʼ tapplika dan il-prinċipju? Ġenitur imdaħħal fl-età jaf jgħid xi ħaġa li tweġġgħek jew jidher li mhux qed japprezza l-għajnuna li qed ittih. Jekk jiġri hekk, staqsi lilek innifsek, ‘Kif inħossni kieku kont fis-sitwazzjoni tiegħu, fejn ma nistax nagħmel dak li kont nagħmel qabel?’ Meta tipprova tifhem lil dak li jkun u taħfer, tistaʼ tevita li tiggrava s-sitwazzjoni.
Fittex l-għajnuna t’oħrajn.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.”—Proverbji 15:22.
Kif tistaʼ tapplika dan il-prinċipju? Agħmel riċerka dwar kif tistaʼ tgħin il-ġenituri bil-problemi taʼ saħħa li għandhom. Ara x’għajnuna hemm fejn toqgħod inti li tistaʼ tkun tajba għalihom. Tkellem m’oħrajn li ħadu ħsieb il-ġenituri tagħhom. Jekk għandek ħutek, ikun tajjeb li tiltaqgħu flimkien mal-ġenituri tagħkom biex tiddiskutu x’għandhom bżonn, kif se tgħinuhom, u kif ħa taqsmu x-xogħol bejnietkom.
Kun af il-limitazzjonijiet tiegħek.
Dak li tgħid il-Bibbja: “L-għerf hu mal-modesti.”—Proverbji 11:2.
Kif tistaʼ tapplika dan il-prinċipju? Kun af x’tistaʼ u ma tistax tagħmel. Pereżempju, kulħadd huwa limitat f’kemm għandu ħin u enerġija. Allura jaf ma tkunx tistaʼ tagħmel dak kollu li għandhom bżonn il-ġenituri tiegħek. Jekk tħoss li m’intix tlaħħaq, tistaʼ forsi ssaqsi lil tal-familja jew nies professjonali biex jgħinuk.
Ħu ħsieb tiegħek innifsek.
Dak li tgħid il-Bibbja: “Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.”—Efesin 5:29.
Kif tistaʼ tapplika dan il-prinċipju? Għalkemm għandek ir-responsabbiltà li tieħu ħsieb il-ġenituri tiegħek, trid tieħu ħsieb ukoll tiegħek innifsek. U jekk int miżżewweġ, ħu ħsieb ukoll lill-familja tiegħek. Agħmel ċert li tiekol tajjeb, tistrieħ, u torqod biżżejjed. (Ekkleżjasti 4:6) Meta jkun possibbli, aqtaʼ mir-rutina. Billi tagħmel dawn l-affarijiet, se tħossok aħjar emozzjonalment, mentalment, u fiżikament. B’hekk, se tieħu ħsieb il-ġenituri tiegħek aħjar.
Il-Bibbja tgħid jekk għandekx tibqaʼ tieħu ħsieb il-ġenituri d-dar?
Il-Bibbja ma tgħidx jekk il-ġenituri li tkun qed tieħu ħsieb għandhomx jibqgħu d-dar jew le. Xi familji għażlu li jibqgħu jżommu l-ġenituri tagħhom id-dar sakemm setgħu. Jistaʼ jkun li aktar tard it-tfal iħossu li jkun aħjar għall-ġenituri li jmorru ġo dar tal-anzjani. Meta jiġri hekk, il-familja jaf tiddeċiedi li tiltaqaʼ biex tiddiskuti x’inhu l-aħjar għall-kulħadd.—Galatin 6:4, 5.
a Rigward dan ir-rakkont, wieħed li jikkummenta fuq il-Bibbja qal: “Jistaʼ jkun li Ġużeppi [ir-raġel taʼ Marija] kien ilu mejjet, u li t-tifel tagħha Ġesù kien qed jieħu ħsiebha. Imma issa li kien se jmut, x’kien se jiġri minnha? . . . Kristu hawnhekk għallem li t-tfal iridu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom li qed jikbru.”—The NIV Matthew Henry Commentary in One Volume, paġni 428-429.