X’inhuma “l-imfietaħ tas-Saltna”?
It-tweġiba tal-Bibbja
“L-imfietaħ tas-Saltna” jirrappreżentaw l-awtorità li ngħatat biex in-nies ikollhom l-opportunità li ‘jidħlu fis-Saltna taʼ Alla.ʼ (Mattew 16:19; Atti 14:22, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) a Ġesù ta “l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet” lil Pietru. Dan ifisser li Pietru rċieva l-awtorità biex juri li n-nies leali setgħu jgawdu l-privileġġ li jidħlu fis-Saltna tas-smewwiet billi jirċievu l-ispirtu qaddis t’Alla.
L-imfietaħ għal min kienu ntużaw?
Pietru uża l-awtorità li tah Alla biex tliet gruppi jkollhom l-opportunità li jidħlu fis-Saltna:
Il-Lhud u l-Lhud li saru Kristjani. Ftit wara l-mewt taʼ Ġesù, Pietru inkuraġġixxa folla Lhud ħalli jaċċettaw lil Ġesù bħala l-wieħed magħżul minn Alla li kellu jmexxi s-Saltna. Pietru wriehom x’kellhom jagħmlu biex jiġu salvati. Allura, hu għamilha possibbli għalihom li jidħlu fis-Saltna, u eluf “laqgħu l-kelma.”—Atti 2:38-41.
Is-Samaritani. Pietru iktar tard intbagħat għand is-Samaritani. b Hu reġaʼ uża muftieħ tas-Saltna meta hu u l-appostlu Ġwanni “talbu għalihom biex jirċievu l-ispirtu qaddis.” (Atti 8:14-17) B’hekk, dan għamilha possibbli għas-Samaritani biex jidħlu fis-Saltna.
Il-Ġentili. Tliet snin u nofs wara l-mewt taʼ Ġesù, Alla rrivela lil Pietru li l-Ġentili (mhux Lhud) kien se jkollhom ukoll l-opportunità li jidħlu fis-Saltna. Biex jagħmel dan, Pietru uża wieħed mill-imfietaħ billi pprietka lill-Ġentili, u għalhekk huma setgħu jirċievu l-ispirtu qaddis, isiru Kristjani, u setgħu jsiru anki membri tas-Saltna.—Atti 10:30-35, 44, 45.
Xi jfisser li ‘jidħlu fis-Saltna’?
Dawk li fil-fatt ‘jidħlu fis-Saltna,’ se jmexxu maʼ Ġesù fis-sema. Il-Bibbja bassret li huma kienu se ‘joqogħdu bil-qiegħda fuq tronijiet’ u “jsaltnu għal fuq l-art.”—Luqa 22:29, 30; Rivelazzjoni 5:9, 10.
Ideat żbaljati dwar l-imfietaħ tas-Saltna
Idea żbaljata: Pietru jiddeċiedi min imur fis-sema.
Fatt: Il-Bibbja tgħid li hu Kristu Ġesù, u mhux Pietru, “li għandu jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin.” (2 Timotju 4:1, 8; Ġwanni 5:22) Infatti, Pietru stess qal li Ġesù hu l-wieħed “li nħatar minn Alla biex ikun imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.”—Atti 10:34, 42.
Idea żbaljata: Pietru jiddeċiedi meta għandu juża l-imfietaħ tas-Saltna.
Fatt: Meta Ġesù tkellem dwar l-imfietaħ tas-Saltna, hu qal lil Pietru: “Kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16:19, Il-Bibbja, GħBM, Ir-Rabaʼ Edizzjoni) Din l-istqarrija, xi wħud jifhmuha li huwa Pietru li qal lil dawk fis-sema x’deċiżjonijiet kellhom jieħdu. Imma l-verbi oriġinali bil-Grieg juru li d-deċiżjonijiet taʼ Pietru kienu se jkunu skont dawk li jkunu ġa saru fis-sema, u mhux skont dak li jgħid hu. c
Il-Bibbja turi f’partijiet oħra li meta Pietru ġie biex juża l-imfietaħ tas-Saltna, hu kien sottomess għal dak li kien stabbilit fis-sema. Pereżempju, meta uża t-tielet muftieħ, hu segwa l-istruzzjonijiet t’Alla.—Atti 10:19, 20.
a Xi drabi, il-Bibbja tuża l-kelma “muftieħ,” jew ċavetta, bħala simbolu taʼ awtorità u responsabbiltà.—Isaija 22:20-22; Rivelazzjoni 3:7, 8.
b Is-Samaritani kellhom reliġjon li kienet differenti ħafna mill-Ġudaiżmu, imma kien fiha xi tagħlim u prattiki mil-Liġi Mosajka.
c Ara n-nota bl-Ingliż taʼ Mattew 16:19 fin-New World Translation of the Holy Scriptures (Study Edition).