Il-Bibbja x’tgħallimna dwar dawk li jitkellmu bl-ilsna?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-espressjoni “jitkellmu bl-ilsna” tirreferi għall-abbiltà mirakoluża li kellhom xi Kristjani tal-bidu. Dawn setgħu jitkellmu b’lingwa mingħajr lanqas biss jitgħallmuha. (Atti 10:46, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Il-kelliemi kien jiftiehem b’mod faċli minn kull min kien jitkellem b’dik il-lingwa. (Atti 2:4-8) Wieħed mir-rigali li l-ispirtu qaddis t’Alla kien ta lil xi Kristjani fl-ewwel seklu kien li jitkellmu bl-ilsna.—Ebrej 2:4; 1 Korintin 12:4, 30.
Meta u fejn bdew jitkellmu bl-ilsna?
L-ewwel darba li sar dan il-miraklu kien filgħodu f’jum il-festa Lhudija taʼ Pentekoste fis-sena 33 wara Kristu (WK) f’Ġerusalemm. Kien hemm madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù miġburin flimkien meta “mtlew bl-ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti,” jiġifieri b’lingwi differenti. (Atti 1:15; 2:1-4) Grupp kbir taʼ nies inġabar “minn kull ġens taħt is-sema,” u “kull wieħed beda jismagħhom jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess.”—Atti 2:5, 6.
Għala bdew jitkellmu bl-ilsna?
Biex Alla juri li kien qed jappoġġa lill-Kristjani. Fil-passat, Alla għamel sinjali mirakolużi biex juri li qed jappoġġa lil nies leali bħal Mosè. (Eżodu 4:1-9, 29-31; Numri 17:10) L-iskop taʼ li jitkellmu bl-ilsna kien wieħed simili. Dan wera li Alla kien qed jappoġġa lill-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ifformat. L-appostlu Pawlu kiteb: “L-ilsna m’humiex sinjal għal dawk li jemmnu, imma għal dawk li ma jemmnux.”—1 Korintin 14:22.
Sabiex il-Kristjani jkunu jistgħu jagħtu xhieda aħjar. Dawk li semgħu lis-segwaċi taʼ Ġesù f’Pentekoste tas-sena 33 WK qalu: “Nisimgħuhom jitkellmu bl-ilsna tagħna dwar l-affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:11) B’hekk, skop importanti ieħor taʼ dan il-miraklu kien biex il-Kristjani jkunu jistgħu ‘jagħtu xiehda bir-reqqa’ u biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha,’ bħalma kien kmandahom Ġesù. (Atti 10:42; Mattew 28:19) Madwar 3,000 li raw dan il-miraklu u semgħu dak li ntqal, saru dixxipli dakinhar stess.—Atti 2:41.
Kellhom in-nies jibqgħu jitkellmu bl-ilsna?
Le. Ir-rigali tal-ispirtu qaddis, inkluż ir-rigal tal-ilsna, kienu xi ħaġa temporanja. Il-Bibbja bassret: “Jekk hemm l-għotjiet taʼ l-ipprofetizzar, dawn se jinġiebu fix-xejn; jekk hemm l-ilsna, dawn se jieqfu.”—1 Korintin 13:8.
Meta waqfu jitkellmu bl-ilsna?
Ġeneralment, dawn ir-rigali tal-ispirtu qaddis kienu jgħaddu għal għand Kristjani oħra meta kien hemm l-appostli preżenti. Normalment, l-appostli kienu jpoġġu jdejhom fuq il-qaddejja sħabhom. (Atti 8:18; 10:44-46) Milli jidher, dawk li kienu jirċievu r-rigali tal-ispirtu mill-appostli ma għaddewhomx lil xi ħadd ieħor. (Atti 8:5-7, 14-17) Biex nagħtu eżempju, uffiċjal tal-gvern jistaʼ jagħti liċenzja tas-sewqan lil xi ħadd, imma dan l-individwu m’għandux l-awtorità li jagħti liċenzja lil xi ħadd ieħor. Milli jidher, meta mietu l-appostli u dawk li kienu rċivew ir-rigal mingħandhom, ma kienx għad baqaʼ min jitkellem bl-ilsna.
Xi ngħidu dwar dawk li llum qed jitkellmu bl-ilsna?
Milli jidher, ir-rigal mirakoluż taʼ li n-nies jitkellmu bl-ilsna spiċċa lejn l-aħħar tal-ewwel seklu WK. Illum, ħadd ma jistaʼ jinsisti li qed jitkellem bl-ilsna bil-qawwa t’Alla. a
Kif nistgħu nkunu nafu min huma l-Kristjani veri?
Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu se jintgħarfu mill-imħabba bla egoiżmu tagħhom. (Ġwanni 13:34, 35) Bl-istess mod, l-appostlu Pawlu għallem li l-imħabba se tibqaʼ tkun dik il-ħaġa li biha se jintgħarfu l-Kristjani veri. (1 Korintin 13:1, 8) Hu wera li permezz tal-ispirtu t’Alla, il-Kristjani se jkollhom kwalitajiet li f’daqqa jissejħu “l-frott taʼ l-ispirtu,” fejn l-ewwel kwalità li tissemma hi l-imħabba.—Galatin 5:22, 23.
a Ara l-artiklu “Speaking in Tongues—Is It From God?”