L-annimali jmorru s-sema?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja tgħallem li mill-ħlejjaq kollha li hawn fuq l-art, numru limitat taʼ bnedmin biss se jmorru s-sema. (Rivelazzjoni 14:1, 3) Dawn imorru hemm biex isaltnu bħala slaten u qassisin maʼ Ġesù. (Luqa 22:28-30; Rivelazzjoni 5:9, 10) Il-maġġoranza tal-bnedmin se jiġu rxoxtati għal ħajja fuq art magħmula ġenna.—Salm 37:11, 29.
Il-Bibbja qatt ma ssemmi li l-pets jew il-klieb se jmorru s-sema, u hemm raġuni tajba għal xiex. L-annimali ma jistgħux jieħdu l-passi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għas-“sejħa tas-sema.” (Ebrej 3:1) Dawn il-passi jinkludu li wieħed jieħu l-għarfien, jeżerċita l-fidi, u jobdi l-kmandi t’Alla. (Mattew 19:17; Ġwanni 3:16; 17:3) Il-bnedmin biss ġew maħluqin bit-tama li jgħixu għal dejjem.—Ġenesi 2:16, 17; 3:22, 23.
Biex il-ħlejjaq tal-art imorru s-sema hemm bżonn li jiġu rxoxtati. (1 Korintin 15:42) Il-Bibbja ssemmi diversi ġrajjiet li fihom kien hemm irxoxt. (1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21; Luqa 7:11-15; 8:41, 42, 49-56; Ġwanni 11:38-44; Atti 9:36-42; 20:7-12) Madankollu, dawn kollha kienu jinvolvu lill-bnedmin u mhux lill-annimali.
L-annimali għandhom ruħ?
Le. Il-Bibbja tgħid li kemm l-annimali u kemm il-bnedmin huma erwieħ. (Numri 31:28) Meta l-ewwel bniedem, Adam, ġie maħluq, hu ma ngħatax ruħ imma “sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7) Ir-ruħ hi magħmula minn żewġ affarijiet: “it-trab taʼ l-art” u “n-nifs tal-ħajja.”
Ir-ruħ tistaʼ tmut?
Iva, il-Bibbja tgħallem li l-erwieħ jistgħu jmutu. (Levitiku 21:11; Eżekjel 18:20) Meta l-annimali u l-bnedmin imutu huma jerġgħu jsiru trab tal-art. (Ekkleżjasti 3:19, 20) Fi kliem ieħor, ma jibqgħux jeżistu. a
L-annimali jidinbu?
Le. Li tidneb ifisser li taħseb, tħoss, jew tagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-livelli t’Alla. Biex ħliqa tidneb irid ikollha l-abbiltà li tagħmel deċiżjonijiet morali, imma l-annimali m’għandhomx din l-abbiltà. Ħafna drabi, huma jaġixxu skont l-istint tagħhom matul il-ħajja limitata tagħhom. (2 Pietru 2:12) Meta jaslu għat-tmiem taʼ ħajjithom huma jmutu allavolja ma jkunux dinbu.
Hi aċċettabbli l-moħqrija tal-annimali?
Le. Alla ta lill-bnedmin l-awtorità fuq l-annimali imma ma tahomx id-dritt li jaħqruhom. (Ġenesi 1:28; Salm 8:6-8) Alla jimpurtah mill-benesseri taʼ kull annimal, inkluż l-għasafar żgħar. (Ġona 4:11; Mattew 10:29) Hu kkmanda lil dawk li jqimuh biex jittrattaw l-annimali b’mod tajjeb.—Eżodu 23:12; Dewteronomju 25:4; Proverbji 12:10.